Il-burokrazija u l-Belt ta’ Stivala

Xahar wara l-ieħor jibbumbardjawna bi statistika dwar kuntratti ta’ bejgħ tal-propjetà inkella dwar in-numru ta’ konvenji. Dan l-aħħar qieshom inbidlu ftit in-numri b’mod li beda jidher li l-bejgħ qed jonqos.  Dak li jmexxi l-assoċjazzjoni tal-iżviluppaturi qalilna li hi l-burokrazija li qed ittellef ir-ritmu tal-bejgħ.  

Il-proċess tal-permessi għall-iżvilupp, ġeneralment, hu iffukat fid-direzzjoni tar-rgħiba. Ħolqu regoli msejħa regoli tal-flessibilità biex isibu mod kif iduru mar-regoli tal-iżvilupp li oriġinalment saru bl-iskop li jħarsu t-tessut urban u l-kwalità tal-ħajja tal-komunità residenzjali.  Per eżempju, żona intenzjonata għal taraġ pubbliku fil-pjan lokali għall-Gżira għamel il-wisa’ biex tinbena lukanda. Dan qed isir f’żona residenzjali, jiġifieri fejn suppost jinbnew biss djar għan-nies.  Din il-flessibilità estrema fl-ippjanar għall-użu tal-art qed igawdu minnha l-Grupp tal-Kumpaniji Stivala. Dan ngħidu b’referenza għall-parti ta’ fuq ta’ Triq Moroni: żona li r-residenti tal-Gżira illum isibuha bħala l-Belt Stivala. Minkejja dan kollu l-kap tal-MDA għandu l-wiċċ li jilmenta! Qiesu dan mhux biżżejjed.

Żviluppaturi fil-Mellieħa mhumiex daqstant fortunati bir-regoli tal-flessibilità għax lukanda li ħarġilha permess ta’ żvilupp f’ċirkustanzi simili laqqtita meta l-Qorti tal-Appell ħassret il-permess. Il-permess ta’ żvilupp għal lukanda fil-Belt ta’ Stivala għandha ċans li jkollha l-istess destin bħall-dak tal-Mellieħa fil-futur qarib. Għalkemm l-applikazzjoni għall-permess ġie approvat madwar ħames xhur ilu  (PA5962/21) il-permess ta’ żvilupp għadu ma ħarigx.

Kultant l-opinjoni pubblika tiġiha waħda żewġ! Il-protezzjoni riċenti permezz ta’ skedar ta’ Palazzino Vincenti f’San Ġiljan hi materja oħra ta’ kunflitt bejn ta’ Stivala u l-burokrazija tal-ippjanar. Għadu kmieni wisq biex wieħed jista’ jgħid li dan hu każ magħluq.  B’ansjetà u biża’ nistenna l-passi li jmiss, u dan minkejja li hemm xi forma ta’ skedar tal-wirt li ħalla warajh l-Perit Vincenti.

Ta’ Stivala kienu qed jippjanaw li jħottu Palazzino Vincenti u floku, f’San Ġiljan, jiżviluppaw lukanda oħra.  F’Diċembru 2022 Palazzino Vincenti kien protett temporanjament fi Grad 1 permezz ta’ Ordni ta’ Konservazzjoni ta’ Emerġenza.  Din il-protezzjoni temporanja issa spiċċat u flokha għandna protezzjoni fi Grad 2 fuq bażi permanenti kif deċiż mill-Awtorità tal-Ippjanar ix-xahar li għadda. Din mhiex aħbar tajba għax issa probabbilment ser nispiċċaw  bil-faċċata biss ta’ Palazzino Vincenti: ġewwa jispiċċa kollu.

Għal dawk li ferħu bl-aħbar tal-protezzjoni imħabbra, naħseb li għaġġlu. Probabbilment hu biss l-iżviluppatur u l-konsulenti tiegħu li għandhom għax jgħorku jdejhom għax mhux ser ikunu wisq il-bogħod milli jilħqu l-miri tagħhom.

F’dan il-kaz ukoll il-burokrazija tal-ippjanar mhux ser ikun irnexxielha milli żżomm lil ta’ Stivala milli jagħmlu ħerba mill-wirt nazzjonali. Kollox bil-barka tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Il-burokrazija tal-ippjanar li minnha jilmenta l-Kap tal-MDA l-anqas ma kienet tidher b’nemes meta ta’ Stivala ġiehom il-ħsieb li jġebbdu l-iżvilupp sat-tarf tal-kosta. Tiftakru? Erba’ snin ilu f’din il-paġna, f’artiklu ntitolat : Il-ħarsien tal-kosta: ma hemmx rieda politika (Illum: 14 t’ April 2019) kont ktibt dwar il-permess ta’ żvilupp tal-blokk bini fejn kien hemm ir-restorant Piccolo Padre mal-kosta ta’ San Ġiljan. Kont emfasizzajt dan li ġej: “L-iżvilupp in kwistjoni ngħata permess fuq art mal-kosta.  B’żieda ma dan …………………. jidher ċar li l-binja tibqa’ ħierġa fuq il-baħar.  Jidher li l-Awtorità tal-Artijiet l-anqas biss tniffset dwar dan.” Minkejja dak li jgħid il-Kap tal-MDA, il-burokrazija tal-ippjanar (u l-kuġini tagħha) kontinwament tagħmel il-wisa’ għal żvilupp bla rażan.  

Din hi l-effettività tal-burokrazija: dejjem fuq in-naħa tar-rgħiba.

ippubblikat fuq Illum: 28 ta’ Mejju 2023

Qalbu taħarqu għall-ambjent qal Robert Abela !

Mill-ftit li smajt mid-diskors ta’ Robert Abela illum fil-Belt, qed jipprova jwassal messaġġ ċar li qalbu taħarqu għall-ambjent.

Qed jipprova jsewwi l-ħsara li saret fil-każ ta’ Conrad Borg Manché fil-Gżira u Christian Zammit fix-Xagħra, żewġ Sindki Laburisti, bil-banda mal-partit.

Conrad jgħidilna li hu biss qiegħed jirrappreżenta l-prinċipji Laburisti bħalissa.

Christian min-naħa l-oħra jgħidilna li l-partit qed jipprostitwixxi ruħu mal-iżviluppaturi.

Waqt li Robert Abela jgħidilna fuq kemm serikollna spazji miftuħa, fl-istess ħin juża’ l-qawwa kollha tal-Gvern biex jeqred il-ġnien tal-Gżira.

Kellha tkun il-Qorti b’sentenza tal-Imħallef Wenzu Mintoff li l-Gvern ġie miżmum (għalissa) milli jeqred il-ġnien tal-Gżira.

Ir-rwol tal-Membri tal-Parlament

Iktar kmieni din il-ġimgħa, tlabt lill- Awditur Ġenerali biex jinvestiga l-ingaġġ tal-Onorevoli Rosianne Cutajar bħala konsulent taċ-Chief Executive Officer tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS).

Meta wieħed jaqra l-kuntratt tax-xogħol ta’ Cutajar mal-ITS, li kien ippubblikat minn Shift News bħala riżultat tal-applikazzjoni tal-liġi għal jedd għall-aċċess għall-informazzjoni, wieħed jista’ malajr jikkonkludi li r-responsabbiltà tal-konsulenza ta’ Cutajar kien fil-qasam tal-amministrazzjoni finanzjarja tal-ITS.

Cutajar kienet mistennija li taħdem mill-viċin mas-CEO u mad-Diretturi tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi fit-tħejjija tal-budget annwali, tas-sorveljanza u kontroll tal-kwalità, biex ikunu stabiliti miri, biex tassisti fit-teħid tad-deċiżjonijiet meħtieġa fit-tmexxija ta’ kuljum, fl-analiżi ta’ rapporti kemm dawk ta’ natura finanzjarja kif ukoll ta’ dawk li mhux, kif ukoll li tidentifika soluzzjonijiet u titjib fl-operat kif meħtieġ.

Meta hu fatt magħruf li Cutajar hi mħarrġa bħala għalliema tal-lingwa Taljana fil-livell sekondarju, hu raġjonevoli li tassumi li dan hu kuntratt biex inħoloq impieg fantażma, imħallas minn fondi pubbliċi.

Fid-dawl ta’ dan jiena tlabt lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga lill-ITS u lit-tmexxija tiegħu għax fl-aħħar mill-aħħar ir-responsabbiltà għal dan kollu hu tas-CEO tal-ITS. Huwa jrid jispjega dak li għamel lit-tim investigattiv tal-awditur ġenerali biex ikun stabilit eżattament x’ġara.

Il-ħolqien ta’ impiegi fantażma fis-settur pubbliku jsir biex jibbenefika lill-bażużli u jħallashom ta’ ħidmiethom f’oqsma oħra. L-impieg fantażma ta’ Rosianne Cutajar’s mhux l-unika wieħed li nafu bih. Tiftakru lil Melvin Theuma, dak li għamilha ta’ sensar biex tinqatel Daphne Caruana Galiza? Anke lilu kienu taw impieg fantażma fis-settur pubbliku, ringrazzjament għal dak li kien qiegħed iwettaq!  Wieħed jistaqsi il-għala, Rosianne Cutajar, li jiena u qed nikteb għadha Membru Parlamentari, għaliex mhiex iffukata fuq xogħolha bħala membru tal-parlament? Jidher li għandha ħafna ħin li ma tafx x’ser tagħmel bih biex tista’ tiddedika ta’ l-inqas 24 siegħa kull ġimgħa għal xogħol ta’ konsulenza lill-ITS, b’żied mal-ħin meħtieġ “għar-responsabbiltajiet Parlamentari” tagħha, u ta’ hekk titħallas €27,000 fis-sena.

Il-problema hi ferm ikbar minn hekk għax hu mistenni li bħala parti mir-responsabbiltajiet  tagħha ta’ membru parlamentari tissorvelja l-istess ITS u tara li l-Ministru tat-Turiżmu jerfa’ ir-responsabbiltà politika għall-operat ta’ dan l-istitut. Imma kif tista’ tagħmel dan jekk għandha kuntratt ta’ konsulenza li bih hi involuta fit-tmexxija tal-istess istitut? Safejn naf jien, qatt ma irtirat minn dibattitu parlamentari dwar it-turiżmu minħabba xi konflitt ta’ interess!

Il-problema mhiex ristretta għall-konsulenza ta’ Cutajar. B’mod partikolari sa mill-2013, dan seħħ fil-grupp parlamentari Laburista in vista anke ta’ emendi għal diversi liġijiet li ippermettew li Membri Parlamentari jinħatru f’karigi diversi. Kellna, per eżempju, lil Deo Debattista u lil Manwel Mallia li kienu nħatru Chairperson tal-Awtorità għall-Ħarsien tas-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol, inkella lil Konrad Mizzi li hekk kif tkeċċa minn Ministru tat-Turiżmu kien inħatar konsulent tal-Awtorità tat-Turiżmu fuq struzzjonijiet speċifiċi tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Dan kien ġie stabilit anke bħala riżultat ta’ investigazzjoni li kienet saret mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika fuq talba tiegħi.

Kien hemm ukoll numru sostanzjali ta’ ħatriet ta’ Membri Parlamentari bħala konsulenti f’diversi rwoli. F’ħin minnhom, kif ġie emfasizzat mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika f’rapport tal-2019, tnejn minn kull tlett backbencher Parlamentari kellu jew kellha xi ħatra jew kuntratt mas-settur pubbliku.

Mhiex funzjoni ta’ membru Parlamentari li jagħti l-pariri lid-Dipartimenti tal-Gvern jew lil xi awtorità pubblika, anke meta jkun (jew tkun) kkwalifikat biex jagħmel dan.  Il-Membru Parlamentari qiegħed hemm biex jilleġisla, biex iħares il-fondi pubbliċi kif ukoll biex jassigura li l-Gvern tal-ġurnata jagħti kont ta’ egħmilu kontinwament. Dan hu obbligu ta’ kull wieħed u waħda mill-Membri Parlamentari.

Tul is-snin il-parlament wera li kien inkapaċi li jagħmel dmiru u riżultat ta’ hekk, il-Kabinett, li qiegħed jikber kontinwament b’mod esaġerat,  ħassu liberu li jagħmel li jrid, għax jaf li effettivament ħadd ma kien qed jitolbu kont ta’ egħmilu.

Il-Membri Parlamentari tagħna huma part-timers. L-impieg ewlieni tagħhom jeħdilhom ħinhom u l-enerġija tagħhom. Riżultat ta’ hekk nistgħu ta’ kuljum naraw parlament ineffettiv b’membri parlamentari bħal Rosianne Cutajar ifittxu impiegi fantażma, u dan sakemm ma tkunx qed tagħmilha ta’ sensara tassisti fil-bejgħ tal-propjetà u ddaħħal xi kummissjoni!

Wasal iż-żmien li l-Membri Parlamentari jagħmlu xogħol tal-parlament biss u xejn iktar.

Ippubblikat fuq Illum : 2 t’April 2023

Wara d-deċiżjoni tal-Awtorità tax-Xandir

Idealment l-istazzjonijiet tal-partiti politiċi jingħalqu illum qabel għada. Però hu ovvju li dan mhux ser isir, tal-inqas għalissa.

Sfortunatament dawn kontinwament iqiesu ruħhom li huma l-fuq mil-liġi. Mhumiex sors tal-aħbar, imma magna ta’ propaganda politika.

Jippretendu li għandhom il-kapaċità li jeżerċitaw diskrezzjoni editorjali, meta fir-realtà, t-tnejn li huma kontinwament jipprattikaw ċensura politika: xi drabi bl-iktar mod ovvju, drabi oħra b’mod sottili.

Dan hu l-isfond tal-każ ta’ ADPD deċiż mill-Awtorità tax-Xandir iktar kmieni din il-ġimgħa. Il-konferenza stampa saret nhar is-Sibt 11 ta’ Marzu, kif norganizzaw kull nhar ta’ Sibt, kemm qabel kif ukoll wara dakinnhar. ONE u NET, bħas-soltu ma xandru xejn. Ġbidnielhom l-attenzjoni dwar dan. ONE injorawna. NET kellmuna u ġiebu skoss skużi, imma immedjatament bdew jiċċaqlqu, probabbilment għax irrealizzaw x’inhu ġej. Bdew jirrappurtaw ftit. Dan kien pass żgħir il-quddiem li seta u għad jista’ jwassal għal soluzzjoni: avolja għadna l-bogħod.

Wara bgħatna l-ilment lill-Awtorità tax-Xandir li semgħet il-każ u ħadet deċiżjoni.

Ir-rappurtaġġ dwar din id-deċiżjon il-bieraħ fuq il-medja kien estensiv. L-emfasi kien ivarja. Tim Diacono tal-Lovin’ Malta immeraviljat li ONE baxxew rashom u obdew l-ordni tal-Awtorità tax-Xandir. Li ma appellawx mid-deċiżjoni hu fatt li issorprenda. Għaliex? Diffiċli tgħid għalissa.

Bertrand Borg mit-Times of Malta min-naħa l-oħra analizza d-deċiżjoni u ppreżenta l-konklużjoni tiegħu li din kienet l-ewwel darba li l-Awtorità tax-Xandir qed tiċċensura stazzjon politiku. Jibni argument validu f’kuntest tad-dikjarazzjoni li għamlet il-Qorti Kostituzzjonali dan l-aħħar (f’kawża tal-PN dwar ix-xandir) fejn bl-iktar mod ċar kienet qalet li l-obbligu tal-imparzjalità mhux biss tax-xandir pubbliku. Hu obbligu ta’ kull mezz ta’ xandir, bla ebda distinzjoni. Dan hu argument li aħna ilna nagħmlu żmien twil.

L-Independent, Malta Today u Newsbook min-naħa l-oħra irrappurtaw l-aħbar tad-deċiżjoni tal-Awtorità b’mod fattwali.

Issa, x’ser jiġri minn hawn il-quddiem?

Jiena nippreferi li NET u ONE jagħrfu r-responsabbiltajiet tagħhom u jonorawhom. Jekk iridu jkellmuna biex flimkien insibu mod prattiku kif dan jista’ jsir jistgħu jikkuntattjawna meta jridu. Imma jekk mhux ser jimxu sewwa mhux ser ikolli triq oħra ħlief li nkompli nħarrax il-battalja biex leħen ADPD jinstema.

Nistennew u naraw.

Lejn politika dwar is-sigurtà meħtieġa fl-enerġija

Il-politika ta’ Malta dwar l-enerġija teħtieġ li tassigura li jkollna l-enerġija elettrika li neħtieġu u li din, safejn hu possibli ma tkunx dipendenti fuq wisq fatturi varjabbli.

Nhar l-Erbgħa, għal darb’oħra kellna qtugħ fil-provista tal-elettriku fil-parti l-kbira tal-pajjiż.  Kien qtugħ li ma damx għax il-ħaddiema tal-Enemalta, b’dedikazzjoni, solvew il-problema f’qasir żmien.  Imma, sal-ħin li qed nikteb dak li wassal għall-qtugħ tal-provista tal-elettriku għadu mhux magħruf.

Dan seħħ wara qtugħ ieħor nhar l-10 ta’ Frar, qtugħ li kien ferm iktar mifrux. Dakinnhar konna infurmati li kien hemm il-problemi ġejjin mill- interconnector tal-enerġija elettrika bejn Malta u Sqallija.

Waqt il-maltempata li ħakmet il-gżejjer Maltin il-ġimgħa l-oħra, it-tanker tal-gass kien skunnettjat għal xi siegħat bħala miżura ta’ prewkazzjoni, biex ikunu evitati inċidenti u ħsara. F’dan il-ħin kritiku, minn Delimara ma ħadniex farka elettriku għax il-gass kien skunnettjat. Riżultat ta’ dan konna dipendenti għal kollox fuq l-interconnector ma’ Sqallija għall-elettriku f’dak il-ħin.  Huwa f’dan il-kuntest li għal kważi sagħtejn sħaħ l-interconnector ma kienx qed jiffunzjona: l-parti l-kbira tal-gżejjer Maltin kienu bla elettriku, simultanjament la kien qed jaħdem l-interconnector u l-anqas il-power station ta’ Delimara! Dik sigurta!

L-incidenti jseħħu l-ħin kollu. Dak li ġara, iżda, ma jistax ikun deskritt bħala incident. Kien il-konsegwenza loġika tal-politika dwar il-ġenerazzjoni tal-enerġija f’dawn il-gżejjer. Hu riżultat tal-fiduċja għamja fl-interconnector li wasslitna għal dipendenza sħiħa fuqu. Tant din il-fiduċja għamja rabbiet għeruq fondi li issa qed jippjanaw it-tieni interconnector biex issa jassiguraw li nkunu għal kollox dipendenti fuqhom. Flok ma jnaqqas id-dipendenza fil-qasam tal-enerġija dan il-Gvern qed jippjana li jżidha!

Min qed jaqra bla dubju jiftakar dwar id-drabi li ankri tal-vapuri għamlu ħsara lill-interconnector tal-enerġija bejn Malta u Sqallija. Dan seħħ ftit il-barra mill-kosta ta’ Sqallija meta tanker li jtajjar il-bandiera ta’ Singapore bl-isem Di Matteo ikkawża ħsara kbira fl-interconnector fl-2019 ftit il-barra minn Ragusa. Dan seħħ ukoll ftit il-barra minn mal-kosta ta’ Baħar iċ-Ċagħaq meta il-vapur Chem P kważi nkalja f’Marzu 2022. L-ankra tiegħu tkaxkret ma’ qiegħ il-baħar u anke dakinnhar saret ħsara sostanzjali lill-interconnector.

L-interconnector hu kalamita għal dawn l-inċidenti, kemm fl-ibħra Maltin kif ukoll f’dawk Sqallin. Bit-traffiku marittimu li hawn f’dawn l-inħawi, dawn l-inċidenti ser jibqgħu jigru. Ftit li xejn jistgħu jkunu evitati

Ħadd f’sensieh ma għandu jippjana t-twettieq ta’politika enerġetika dipendenti fuq sitwazzjoni bħal din. Imma dan hu eżattament dak li ġara: hekk ippjanaw, u hekk wettqu l-gvernijiet Maltin, wieħed wara l-ieħor!   Sfortunatament l-istat attwali tal-politika tal-enerġija ta’ Malta hi riżultat ta’ din il-kwalità ta’ tmexxija ħażina. L-insulti u l-kliem dispreġġjattiv waqt is-seduti Parlamentari ma jsolvu xejn.

Fir-realtà hu irrelevanti jekk l-interconnector żviluppax il-ħsara minħabba li kien qed jintuża żżejjed inkella jekk żviluppax il-ħsara riżultat ta’ xi ħaġa oħra. Ir-realtà li irridu niffaċċjaw hi li l-qtugħ tad-dawl qed ikun frekwenti u li dan mhux aċċettabbli.

L-ispiża biex tissewwa l-ħsara li ġarrab l- interconnector hi waħda sostanzjali. Imma din mhi xejn ħdejn il-ħsara li qed issir lill-ekonomija tal-pajjiż u lir-reputazzjoni tiegħu riżultat ta’politika tal-enerġija bla sens.  

Jeħtieġ li nifhmu li huwa mportanti li nagħtu l-attenzjoni xierqa lill-politika dwar l-enerġija. It-tieni   interconnector m’għandniex bżonnu! Minflok neħtieġu li nintensifikaw il-ħidma biex tiżdied il-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinovabbli. Hu meħtieġ ukoll li naċċelleraw ix-xogħol li qieġhed isir biex tissaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku għax dan jagħmilha possibli li niġġeneraw iktar enerġija rinovabbli minn fuq il-bjut tad-djar tagħna.  Sakemm is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku tissaħħaħ, dan il-potenzjal huwa limitat.

Proġetti kbar immirati biex tkun iġġenerata iktar enerġija rinovabbli permezz ta’ iktar investiment jistgħu jimxu id f’id ma’proġetti żgħar fuq il-bjut tad-djar tagħna. Jekk dan isir sewwa nistgħu mmorru lil hinn mill-mira li hemm fl-abbozz tal-istrateġija nazzjonali dwar l-iżvilupp sostenibbli li  b’mod inspjegabbli tillimata is-sehem tal-enerġija rinovabbli għall-11.5 fil-mija tal-enerġija li nużaw. Għandna bżonn li jkollna miri ferm iktar ambizzjużi minn hekk!  Mira ta’ 50 fil-mija għall-enerġja rinovabbli fuq perjodu ta’ għaxar snin tkun ferm iktar addattata għal dak li neħtieġu bħala pajjiż. Bla miri ambizzjużi ftit hemm ċans li nilħqu l-mira ta’ newtralità fl-emissjonijiet tal-karbonju sal-2050.

Meta jimmaterjalizza l-pipeline tal-gass li jkun jista’ jintuża ukoll biex nużw l-idroġenu, dan, waħdu ma jkunx biżżejjed biex nilħqu l-miri meħtieġa fit-triq għan-newtralita karbonika.

Il-Gvernijiet Maltin, fil-passat kienu kuntenti jħabbru li rnexxielhom jinnegozjaw tnaqqis fil-mira ta’ Malta dwar il-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinovabbli minn 20 għal 10 fil-mija.  Issa irridu “ngawdu” l-piż ta’ din il-politika bla viżjoni fit-tul, politika mijopika. Jekk ma nibdlux ir-rotta ma nistgħux nimxu l-quddiem lejn politika realistika li tassigura s-sigurtà tal-provista tal-enerġija tagħna fost oħrajn billi telimina d-dipendenza li għandna fuq l-interconnector bejn Malta u Sqallija, kemm dak li għandna kif ukoll dak ipproġettat.

Fir-Repubblika tal-Banana

Meta l-mexxej Laburista Robert Abela indirizza lill-partitarji fil-Każin Laburista ta’ Birkirkara, nhar il-Ħadd li għadda, kellu raġun jilmenta li s-sentenzi f’kawżi kriminali, bosta drabi jidhru baxxi jew laxki. Xi drabi qed jingħata l-messaġġ li qiesu ma ġara xejn. Il-Prim Ministru għandu bosta postijiet iktar addattati fejn jista’ jwassal il-preokkupazzjoni tiegħu dwar il-ħtieġa ta’ politika iktar addattata dwar is-sentenzi li qed jingħataw mill-Qrati.

Seta ġibed l-attenzjoni tal-President tar-Repubblika biex il-materja tkun ikkunsidrata fil-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja. Seta qajjem il-materja f’laqgħa formali mal-Prim Imħallef. Seta ukoll illeġisla biex inaqqas il-flessibilità li għandha l-Qorti meta tapplika l-pieni li hemm fil-liġi. Fil-fatt kellu għad-disposizzjoni tiegħu bosta għodda jew mezzi biex jasal għall-bidla mixtieqa. Imma li joqgħod ipeċlaq fil-każin laburista ta’ B’Kara bil-prietka ta’ nhar ta’ Ħadd mhux wieħed minnhom.

F’Birkirkara Robert Abela tkellem ukoll dwar il-kunflitt ta’ interess li Membri Parlamentari li jipprattikaw il-liġi kriminali huma esposti għalih. Matul in-nofstanhar ta’ filgħodu b’abbiltà, dawn l-avukati, jiddefendu lill-klijenti tagħhom u jippreżentaw sottomissjonijiet quddiem il-Qrati dwar pieni baxxi jew tnaqqis fil-pieni inkella dwar sentenzi sospiżi.  Imbagħad, waranofsinnhar, emfasizza Robert Abela, dawn l-istess Membri Parlamentari jiġu fil-Parliament jargumentaw b’qawwa fuq il-perikli ta’ żieda fil-kriminalità.

Dwar dan għandu raġun. Imma din il-linja ta’ ħsieb ma tapplikax biss għall-avukati li jipprattikaw il-liġi kriminali.  Tapplika ukoll għal avukati fiċ-ċivil u fil-liġi kummerċjali kif ukoll għal membri parlamentari fi professjonijiet oħra kif kellna l-opportunità li naraw bosta drabi tul is-snin! Din hi esperjenza li diġà għaddejna minnha matul is-snin.

Il-Membri Parlamentari għandhom jiddedikaw il-ħin kollu tagħhom għall-ħidma parlamentari. M’għandux ikun possibli li Membri Parlamentari jibqgħu jagħmlu kwalunkwe xogħol ieħor, kemm jekk dan ikun imħallas kif ukoll jekk le. Bħala partit dan aħna ilna ngħiduh is-snin, għax nemmnu li fil-prattika hu l-uniku mod kif tista’ tindirizza u tnaqqas b’mod effettiv il-kunflitt ta’ interess ovvju li jirriżulta illi Membru tal-Parlament hu espost għalih fis-sistema tagħna kif inhi illum.

Robert Abela qal iktar minn hekk. Irrefera għad-diskursata li kellu ma’ Maġistrat dwar is-sentenzi baxxi li ħerġin mill-Qrati Kriminali. Il-Maġistrat, qal Abela, iddefendiet ruħha billi emfasizzat li s-sentenzi mogħtija qed jitbaxxew mill-Qorti tal-Appell, li fid-dawl ta’ sentenzi oħra ġja mogħtija qed tnaqqas sentenzi li jkunu ngħataw mill-Maġistrati.

Robert Abela żbalja meta ikkomunika direttament mal-Maġistrat. Żbalja iktar meta tkellem dwar dan fil-pubbliku għax b’hekk bagħat messaġġ żbaljat u inkwetanti li l-Qrati qed jirċievu ordnijiet diretti mingħand l-eżekuttiv. Dan fi kliem sempliċi hu ta’ theddida għall-indipendenza tal-ġudikatura.  Bħala avukat, bla dubju, Robert Abela jirrealizza li qabeż il-linja ta’ dak li hu tollerabbli mill-politiku f’soċjetà demokratika.

F’pajjiż demokratiku fejn is-saltna tad-dritt hi realtà mhux ħrafa, Robert Abela kien jirreżenja fi ftit siegħat minn x’ħin pubblikament ammetta  li hu għamel pressjoni fuq il-Maġistrat. Il-Maġistrat li min-naħa tagħha kompliet miegħu fid-diskussjoni s’issa, kienet tkun ġiet identifikata u dixxiplinata.

Imma, kif tafu, minn dan kollu, ma ġara xejn.

Nhar it-Tnejn fi stqarrija għall-istampa, jiena tlabt lill-President tar-Repubblika biex isejjaħ laqgħa urġenti tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja biex din tkun tista’ tieħu l-passi neċessarja dwar dak li ġara.

S’issa għad ma ġara xejn. Forsi l-President kien imsiefer, inkella kien imħabbat b’xi attività dwar il-larinġ li nsibu fil-ġonna Presidenzjali ta’ Sant Anton.

Issa forsi jmiss iċ-ċelebrazzjoni tal-ġimgħa tal-banana fl-aġenda Presidenzjali. Bla dubju din tieħu prijorità fuq l-indipendenza tal-ġudikatura fir-Repubblika tal-Banana!

ippubblikat fuq Illum: 4 ta’ Frar 2023

From Dubai to Singapore

Last week, the President of the Republic, laying out the programme for the new government in what is known as the speech from the throne, emphasised that the environment is a core value for this government. Reading through the speech prepared by government, his Excellency was clear by dwelling on a number of different topics of considerable environmental importance.

However, Dr Vella was unfortunately not advised as to how and when the government intends to address its continuous contradictions in its drive to shift its focus from the infrastructure to the environment.

The elastic environmental politics presented by this government ranges from more flyovers to achieving carbon neutrality, simultaneously being dependent on two interconnectors tapping the Sicilian energy market.

Previous governments led by the Labour party had sought to transform Malta into another Dubai, that is a land of high rises and extensive land reclamation . The attempt at Dubai-ification embarked on by the Muscat led government will apparently now be transformed into a Singaporization as emphasised by infrastructure Minister Aaron Farrugia. This is the implementation of the policy of continuity which his Excellency was apparently not sufficiently advised about.

The current crop will do their best to outshine their predecessors. Since there is not much more land to ruin, they have therefore turned their gaze towards the sea which they will be ruined in due course.

Preliminary studies carried out in the past had identified the areas in Maltese waters where land reclamation could be considered, subject to more in-depth studies. The coastal areas identified and studied are those along the  Magħtab/Baħar iċ-Ċagħaq coastline and the Xgħajra/Marsaskala coastline. These are the coastal zones which have to be watched and protected.

The basic question to ask before embarking on planning any land reclamation projects is: what do we need land reclamation for? In the past land was reclaimed to construct the Freeport or to protect the coast at Msida, Gżira and elsewhere.

If any new pressing need is identified one should carefully consider them.

The Netherlands used land reclamation successfully to adequately manage its low-lying land. Hong Kong made use of land reclamation to create high value land required for its airport on the Chek Lak Kok island. Through land reclamation Singapore expanded its container port, an essential cornerstone in its economy.

The way to go about tackling land reclamation is through serious public consultation. Labour in government has, so far, only consulted developers on land reclamation. It has, in the recent past, only consulted those who were seeking new ways to make a quick buck! These are the fourth-floor guys who are only interested in making hay while the sun shines.

If government is serious about land reclamation it should immediately publish a list of its proposed projects. This should be accompanied by a draft national land-reclamation strategy for public consultation. At this point consultation should not be with the speculation lobby: it has already been extensively consulted. Consultation at this stage should primarily be with environmental NGOs and the coastal communities, in particular those directly impacted.

Having said the above I do not think that land reclamation is or should be a priority. Rather, the priority should be the restructuring of the construction industry: specifically cutting it down to size and putting it to good use.

The country would be economically, environmentally and socially much better off if the construction industry is assisted in its much-needed restructuring. It would undoubtedly need to shed labour which can be absorbed by other sectors of the economy. Retraining would be required to ease the entry of the shed labour force into other economic areas.

After years of haphazard and abusive land-use planning, land reclamation is the last thing we need!

published in The Malta Independent on Sunday : 15 May 2022

Għal Albert Buttiġieġ il-bieb tiegħi miftuħ

Bħalkom segwejt dak li qal Albert Buttiġieġ: li kien infurmat li uffiċjal mhux elett tal-PN, f’laqgħa ma spekulatur fl-inħawi ta’ San Ġiljan ħadha fuq spallejh li jwarrab lil Buttiġieġ u jassigura li jagħlaq ħalqu. Għax il-ħidma ġenwina tiegħu bħala Sindku ta’ San Ġiljan qed iddejjaq lil min qed ipappiha sew.

Albert Buttiġieg ma għalaqx ħalqu u għamel sewwa. Imma l-bsaten fir-roti fl-elezzjoni kienu bosta, kif spjega hu stess.

Issa tkellem l-oraklu, Ray Bezzina, l-id il-leminija ta’ George Pullicino fil-passat u ta’ Bernard Grech illum. “Mhux jien” qalilna! Talab li jkun investigat Albert Buttiġieġ biex jikxef dak li jaf.

Albert diġa qal li mhux ser jikxef l-identità ta’ min tah l-informazzjoni, u jagħmel sewwa.

Imma fuq insistenza ta’ Ray Bezzina il-PN ser jiftaħ inkjesta interna!

Il-PN qiegħed fir-rokna u jaf li ma jistax joħroġ minnha. Daħħluh fiha dawk ta’ bla skrupli, dawk li fid-deher juru wiċċ ta’qdusija, u fil-magħluq kollha konfoffi man-nies tal-flus.

Ma’ Albert tkellimt. Nifhmu. Nifhem minn xiex għaddej. Fil-ġimgħat li ġejjin il-PN ser jipprova jagħmlu kkapuljat.

Għal min hu ġenwin bħal Albert, il-bieb tiegħi miftuħ.

Abusive continuity

The distribution of multiple cheques to every household by the Labour Government on the eve of the general election is more than abusing the power of incumbency. Through the said distribution, the power of incumbency is being transformed into a corrupt practice, specifically intended to unduly influence voters.

What, in normal circumstances should be a simple administrative act is being transformed into blatant political propaganda, at public expense, straight into your letterbox. A covering letter signed by Robert Abela and Clyde Caruana says it all. A Banana Republic in all but name!

Why should such handouts be distributed on the eve of elections if not to influence voters?

Even if one were to accept that such handouts are acceptable, it is certainly not in any way justifiable to plan their distribution specifically on the eve of an election. This goes against the basic principles of good governance.

The power of incumbency is the executive power of a government seeking re-election. Incumbents always have an advantage. The manner in which they handle it defines their governance credentials.

This has been a government characterised by bad governance throughout its term in office. Right from the very beginning, on 13 March 2013. I consider the full 9 years as one continuum. This was reinforced by Robert Abela himself who emphasised that his leadership of the Labour Party seeks to continue the “achievements” of his predecessor and mentor Joseph Muscat. Continuity was his declared mission.

On its first days in office, Labour started off on its Panama tracks. The secret Panama companies set up by Konrad Mizzi, Keith Schembri and someone else, known as the (mysterious) owner of Egrant, went on to rock Labour over the years.

The Electrogas saga and its link to the assassination of Daphne Caruana Galizia intertwined with the Panama debacle.

It is now clearly established that the assassination of Daphne Caruana Galizia was directly linked to her investigative journalism. Her investigations led her to identify the governance credentials of various holders of political office and their links with big business. Defining their relationship as being too close for comfort would be a gross understatement.

As emphasised in the investigation report on the Daphne Caruana Galizia assassination, over the years, a culture of impunity has developed in these islands. This has led to misbehaviour in public office being normalised. It has also led to considerable resistance in the shouldering of political responsibility by holders of political office, whenever they were caught with their hand in the cookie jar! Rosianne Cutajar and Justyne Caruana being the latest examples, as amply proven by the Commissioner for Standards in Public Life George Hyzler.

To add insult to injury Cutajar and Caruana were the recipients of generous termination benefits, notwithstanding that their term of political office ended in disgrace. Caruana received terminal benefits twice in the span of a short time, as she established a national record of resigning twice from Robert Abela’s Cabinet!

With this track record one should not have expected otherwise from the Muscat/Abela administration. With the abusive distribution of cheques on the eve of the general election Labour’s current term is approaching a fitting end.

The Labour Party in government has consistently acted abusively. Robert Abela has followed in the footsteps of his predecessor and mentor Joseph Muscat. Continuity has been ensured, as promised.

published in Malta Today : Sunday 20 March 2022

Il-politka bl-ixkupa

Bħala partit għażilna l-ixkupa bħala s-simbolu politiku għall-elezzjoni tas-26 ta’ Marzu. L-ixkupa hi għodda tal-indafa. Tgħinna nnaddfu. Hi l-għodda tal-kennies, il-ħaddiem umli li jnaddaf it-toroq tagħna wara li aħna nkunu ħammiġnihom

Kull politiku għandu jkun kapaċi japprezza l-indafa. Għandu jkun kapaċi jmidd għonqu għax xogħol u jkun il-kennies tal-ħajja pubblika. Il-membri tal-parlament għandhom ikunu l-kenniesa tal-politika, determinati li jnaddfu, li jħarsu l-integrità tal-ħajja pubblika u fuq kollox jassiguraw li jittieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa f’waqthom, mingħajr tkaxkir tas-saqajn.  

Il-Manifest ta’ ADPD ġie ippubblikat f’nofs il-ġimgħa iwassal messaġġ ċar li Xkupa ħadra tnaddaf.

Hemm ħafna x’jeħtieġ li jsir biex dan il-pajjiż jinġieb lura għan-normal. Partiti oħra għandhom viżjoni u attitudni differenti u jwasslu messaġġi li ġeneralment jikkuntrastaw ma tagħna. Hemm iżda oqsma fejn hemm qbil u dan hu tajjeb. Għandi nifhem li ilkoll wara kollox nixtiequ l-ġid lil dan il-pajjiż avolja dan ma jkunx dejjem ċar.

Għandna nifhmu li qegħdin naħdmu għall-istess pajjiż, anke jekk b’viżjoni differenti u li kulltant tikkuntrasta! Għandna nagħmlu ħilitna kollha biex nikkontribwixxu għal dibattitu pubbliku pożittiv. Il-kritika tagħna għal dak li jingħad hi essenzjali, imma hi kritika li trid issir dejjem b’mod responsabbli.

L-aħħar xhur tal-ħidma parlamentari kienet iddominata minn diskussjoni dwar rapporti tal-Kummissarju dwar l-iStandards fil-Ħajja Pubblika dwar l-imġieba mhux korretta ta’ uħud mill-membri parlamentari. Dawn ir-rapporti wasslu għar-riżenja ta’ żewġ membri tal-Kabinett u ta’ Segretarju Permanenti.  Kien hemm reżistenza biex isiru dawn ir-riżenji. Hi sfortuna li l-Prim  Ministru xejn ma kien deċiżiv fiż-żewġ każi: ħa passi biss wara pressjoni sostanzjali mis-soċjetà ċivili.

Hu fatt magħruf li d-dinja tan-negozju u l-poter politku huma viċin wisq ta’ xulxin. Dan hu ta’ ostaklu għall-kontabilità, għat-trasparenza u ġhall-osservanza tal-etika fil-ħajja pubblika. Aħna f’ADPD ilna s-snin ngħiduh dan. Anke is-soċjetà ċivili ilha ssemma leħinha dwar dan. Issa anke l-Kummissjoni ta’ inkjesta li investigat iċ-ċirkustanzi li wasslu għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia ikkonfermat din il-konnessjoni mhux mixtieqa bejn il-politika u d-dinja tan-negozju. Qegħdin viċin wisq!   

Għandna ħtieġa ta’ Parlament li jkollu sensittività etika.  Għandna bżonn iktar membri parlamentari ta’ integrità, kapaċi jgħarblu b’mod konsistenti l-ħidma tal-amministrazzjoni pubblika. Neħtieġu istituzzjonijiet b’karattru u b’sinsla. Għandna bżonn ta’ Parlament li jinkludi kandidati ta’ ADPD eletti mid-distretti differenti. Kandidati li mhux qegħdin fil-ġirja għal xi interess personali, tagħhom jew ta’ oħrajn, imma biss għas-servizz tal-komunità kollha.

NagħmeI emfasi fuq il-verb “jinkludi” u dan billi l-kandidati ta’ ADPD mhumiex l-uniċi li jistgħu jagħtu kontribut pożittiv għall-iżvilupp tal-politka f’pajjiżna.  Nitkellem b’rispett dwar il-kandidati l-oħra ippreżentati mill-partiti politiċi l-oħrajn. Il-parti l-kbira minnhom huma nisa u irġiel iddedikati li qed jagħtu servizz ġenwin lill-komunità tagħna huma ukoll.

Il-manifest elettorali ta’ ADPD jittratta numru mhux żgħir ta’ proposti li għandhom impatt dirett fuq il-ħajja taċ-ċittadini tagħna. Mhux manifest ta’ Father Christmas iqassam ir-rigali imma hu presentazzjoni ta’ viżjoni li irridu nimxu fuqha.

L-agenda tagħna hi li nkunu ta’ servizz għall-komunità kollha.

L-indafa fil-politika hi essenzjali. Mingħajr indafa ma nistgħux naħdmu sewwa. Aħna irridu li nkunu l-għodda għat-tiġdid tal-politika fil-pajjiż. L-ixkupa ħadra li tnaddaf. B’politika li tagħti servizz illum  waqt li tkun attenta dwar l-impatti fuq għada. B’hekk nistgħu nassiguraw li l-ħidma tal-lum ma xxekkilx lill-ġenerazzjonijiet futuri mid-dritt tagħhom li jieħdu id-deċiżjonijiet li jkunu meħtieġa minnhom.

F’dan il-mument kritiku il-politika bl-ixkupa hi l-unika triq vijabbli l-quddiem. Il-politika Maltija għandha bżonn tindifa nobis!

Ippubblikat fuq Illum: il-Ħadd 6 ta’ Marzu 2022