Il-pass li jmiss ta’ Cyrus Engerer

Cyrus with Joseph

Meta Cyrus Engerer iddeċieda li jwarrab minn kandidat għall-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Laburista ħa deċiżjoni tajba. Kienet tkun deċiżjoni ferm aħjar kieku ma ppreżentax ruħu bħala kandidat qabel ma kellu deċiżjoni finali tal-każ kriminali kontra tiegħu fil-Qrati. Hekk wara kollox għamlu persuni oħra fil-Partit Laburista li kellhom il-ħsieb li jkunu kandidati u dan kemm għall-Parlament Ewropew kif ukoll għall-Kunsilli Lokali. Safejn hu magħruf din kienet il-posizzjoni tal-Partit Laburista. Posizzjoni kemm ċara kif ukoll raġjonevoli.

Għalhekk hemm min għandu r-responsabbilta’ li jispjega għaliex Cyrus ma nżammx milli jikkontesta kif wara kollox inżamm ħaddieħor. Iżda mhux hekk biss.

Issa li l-każ fil-Qrati ġie konkluż, b’dak li għamel, Cyrus ipprova jagħmel użu mill-preġudizzju omofobiku u dan biex jimbarazza lill-ex-sieħeb tiegħu.

Cyrus Engerer huwa il-koordinatur tal-grupp dwar id-drittijiet LGBTI fil-Ministeru tad-Drittijiet Ċivili immexxi minn Helena Dalli. F’din il-posizzjoni għandu r-responsabbilta li jikkordina l-ħidma ta’ diversi persuni u u flimkien magħhom iħejji proposti dwar l-introduzzjoni ta’ drittijiet LGBTI f’Malta. Ħadem ħafna f’dan il-qasam w l-ħidma li għamel kienet ħidma utli. Tat il-frott.

Id-deċiżjoni tal-Qorti m’hiex deċiżjoni taċ-ċajt. Tfisser li min kien inkarigat biex jikkordina t-tkissir tal-ħitan tal-omofobija instab ħati li uża l-istess omofobija bħala għodda ta’ tpattija.

L-arloġġ ma jistax jitressaq lura. Dak li sar sar.

Naħseb li anke Cyrus innifsu jirrealizza illi l-mod kif ġieb ruħu ma jagħmilx ġieħ lir-responsabbiltajiet li jġorr. Iktar ma jdum jaħsibha x’ser jagħmel iktar ser jitfa’ dellijiet fuq dawk ta’ madwaru li b’dedikazzjoni ħadmu flimkien miegħu (ukoll) biex kellna avvanz sostanzjali fid-drittijiet ċivili tal-persuni LGBTI.

Jekk Cyrus jemmen fl-utilita’ ta’ dak li għamel b’risq il-komunita LGTBI għandu l-obbligu li jwarrab immedjatament. Biex ma jitfa l-ebda dell fuq ix-xogħol utli li għamel hu u bosta oħrajn.