1. Xi ħaġa fuqek
Għandi 56 sena. Mill-Belt Valletta. Noqgħod il-Kalkara. Miżżewweġ lil Miriam. Jiena u Miriam ġenituri ta’ żewġ żgħażagħ: Martina u Dario. Studjajt fl-Universita’ ta’ Malta bejn l-1976 u l-1982 meta iggradwajt fl-Arkitettura u l-Inġinerija Ċivili. Ħdimt ta’ Perit minn dik in-nhar sal-lum. Bl-iskossi. Minħabba li għal 40 xahar il-Gvern tal-Labour żammli l-warrant ta’ perit kif ukoll iktar tard keċċieni mix-xogħol minħabba l-attivita’ politika tiegħi. Partikolarment minħabba l-kitba tiegħi fil-gazzetti tal-PN.
Komplejt l-istudji tiegħi fl-Universita’ ta’ Staffordshire fir-Renju Unit minn fejn fl-2006 ksibt Masters fis-Sostenibilita u l-Management Ambjentali. Fl-2006 ippubblikajt ktieb dwar it-tassazzjoni ambjentali bl-isem “Time for Radical Change. The Introduction of eco-taxation in Malta.”
Ngħallem l-Universita’ ta’ Malta fuq bażi part time fil-Fakulta’ tal-Ambjent Mibni. Preżentement Visiting Senior Lecturer u ngħallem t-Tejorija tal-Valur tal-Art u l-Bini.
Ilni attiv f’Alternattiva Demokratika minn tmiem l-2007. Preżentement nokkupa l-kariga ta’ Viċi Chairman u Kelliemi dwar l-Iżvilupp Sostenibbli u l-Intern. Kandidat għall-Elezzjoni Ġenerali fuq it-III Distrett (Fgura, Żejtun, Marsaskala) u l-XI-il Distrett (Attard, Balzan, Mosta).
2. Għalfejn involvejt ruħek daqstant fil-politika?
Bdejt ninvolvi ruħi fil-politika fl-1976 meta kelli 20 sena bħala riżultat ta’ dak li kont ilni nosserva jiġri madwari: arroganza ta’ poter, vjolenza, vittimizzazzjoni, korruzzjoni ……….. Niftakar ċar daqs il-kristall il-vjolenza waqt id-dimostrazzjonijiet tal-Indipendenza fil-Belt fis-snin 70. Għexta u rajtha b’għajnejja.
Dak ma kienx il-pajjiż li ridt ngħix fih u ħassejt l-obbligu li ninvolvi ruħi biex nagħti s-sehem żgħir tiegħi biex dan ikun jista’ jinbidel.
L-ewwel involviment politiku tiegħi kien fil-kamp studentesk. Tul iż-żmien li domt l-Universita ta’ Malta (1976-82) kont President tal-SDM kif ukoll iktar tard President tal-KSU. Dan kien żmien ta’ taqlib kbir fil-qasam Edukattiv. Il-Gvern Laburista kien introduċa l-iskema ta’ student ħaddiem li biha kien ħarbtilna l-istudji tagħna. Nofs is-sena akkademika (4 xhur u nofs) konna neħtieġu immorru naħdmu u n-nofs l-ieħor nattendu għal-lectures u nistudjaw.
Meta spiċċajt mill-Universita’ bdejt ninvolvi ruħi attivament fil-Partit Nazzjonalista li fih kont ilni li isseħibt sa mill-1976. Għamilt żmien attiv fil-Moviment taż-Żgħażagħ tal-PN fejn kont ukoll Segretarju Ġenerali. Sussegwentment kont attiv fil-PN innifsu fejn kont membru tal-Kumitat Eżekuttiv bejn l-1985 u l-1997 u okkupajt fi żminijiet differenti il-karigi ta’ Segretarju Informazzjoni (PRO), Assistent Segretarju Ġenerali kif ukoll ta’ President tal-Kunsill Amministrattiv. Wara l-elezzjoni tal-1996 iddeċidejt li nwarrab. Imbarra l-involviment dirett fil-PN għal madwar 21 sena kont ukoll ikkontestajt tlett elezzjonijiet ġenerali bħala kandidat f’isem il-PN (1987, 1992 u 1996) fejn ma kontx elett. Deherli li kien wasal iż-żmien li nagħmel il-wisa’ għal ħaddieħor.
Fis-snin li għamilt fil-PN ħadt sehem attiv fid-diskussjonijiet interni jaħarqu li tfaċċaw minn żmien għal żmien. Il-parteċipazzjoni tiegħi dejjem kienet waħda pożittiva imma kritika.
Il-ħidma politika tiegħi kienet fil-PN l-ewwelnett għax dak kien l-ambjent li jiena trabbejt fih. Kienet l-għażla loġika li nagħmel. Imma meta beda għaddej iż-żmien qatt ma ħassejt li għamilt xi għażla żbaljata. Sal-lum għadni tal-istess opinjoni dwar il-ħidma tiegħi fil-PN u l-appoġġ li tajt lill-PN tul is-snin. Meta bdejt ninvolvi ruħi fil-politika l-klima politika kienet waħda ta’ intimidazzjoni: biża’ mhux biss li wieħed jinvolvi ruħu iżda fuq kollox biża’ li wieħed jesprimi ruħu.
Meta fil-bidu tas-snin 80 kont attiv fil-PN kont bdejt nikteb fil-gażżetti. Darba fl-ewwel ġranet t’Ottubru 1984 kien bgħat għalija d-Direttur tax-Xogħolijiet (Public Works) fejn kont naħdem wara li ggradwajt, meta kont għadni qed nistenna li jingħatali l-warrant ta’ Perit, u kien infurmani li l-impieg tiegħi kien ser ikun mitmum. Meta kont staqsejtu għaliex, kien qalli li dan kien minħabba li kont nikteb fil-gazzetti.
Kelli mmur il-Qorti u ftaħt kawża kostituzzjonali. Biex ma ntawwalx, nhar id-29 ta’ Jannar 1986 kelli sentenza mill-Qorti Kostituzzjonali li bit-tkeċċija tiegħi mix-xogħol il-Gvern tal-Labour permezz tal-Ministru Lorry Sant u tad-Direttur tax-Xogħolijiet il-Perit Godwin Drago kien wettaq diskriminazzjoni kontra tiegħi minħabba l-opinjoni politika tiegħi.
Dan hu l-background għall-involviment tiegħi fil-politika.
3. Taħseb li l-Partit Nazzjonalista ħa jirnexxilu joħroġ minn dan l-isqaq li sab ruħu fih?
L-egħruq ta’ dak li qed jiġri illum fil-PN issibhom fl-ewwel xhur tal-2004.
Meta Lawrence Gonzi ġie elett Kap tal-PN għamel l-iżball li flok fittex li jintegra fit-tmexxija l-ġdida tal-PN lill-kontestanti l-oħra (Louis Galea u John Dalli) spiċċa b’Tonio Borg bħala l-Viċi tiegħu. Issa Tonio għalkemm fuq livell personali hu persuna mill-aħjar, kif ukoll ta’ integrita’ indiskussa, mhux kapaċi jmexxi. Qatt ma tajjar nar. Gonzi spiċċa b’John Dalli emarġinat u b’Louis Galea l-bogħod mill-magna tal-Partit.
Gonzi jidher li ma rrealizzax li Eddie Fenech Adami kien b’suċċess assigura illi dawk li kkontestaw miegħu għat-tmexxija tal-PN kienu involuti madwaru: Guido de Marco bħala Viċi Kap u Ċensu Tabone bħala President tal-Eżekuttiv. Eddie Fenech Adami kien ukoll kapaċi jisma’ l-kritika b’attenzjoni:ma kienx hyper-sensitive għall-kritika.
B’Louis Galea jew John Dalli Viċi Kap tal-PN flok Tonio Borg, il-PN illum kien ikun partit ftit differenti, mhux bla problemi imma ċertament mhux fi sqaq. Dan l-iżball Gonzi għadu jġorr l-effetti tiegħu sal-lum.
It-team ta’ madwar Gonzi minn l-ewwel ġurnata fittex li jipprattika l-politika ta’ winner takes all. Mhux biss, talli hemm dubju serju illi l-qlajjiet li wasslu għar-riżenja ta’ John Dalli jafu l-oriġini tagħhom madwar it-team li ħadem għal Lawrence Gonzi.
Biex il-PN joħroġ minn dan l-isqaq jeħtieġ mexxej ġdid li jħares b’mod oġġettiv lejn ideat differenti. Irid ikun xi ħadd li għandu egħruq fondi fil-partit, ħaġa li Lawrence Gonzi qatt ma kellu. Billi qatt ma kellu dawn l-egħruq Lawrence kien dipendenti iżżejjed fuq ta’ madwaru biex iħoss il-polz tal-Partit!
Biex joħroġ minn dan l-isqaq il-PN jeħtieġlu s-snin. Il-Labour ilu 25 sena fl-isqaq u s’issa għadu l-anqas ħareġ.
4. Inti ukoll tlaqt mill-PN. X’ kienu ċ-ċirkostanzi? Tara somiljanza bejn dak li għamilt inti u dak li qed jagħmlu JPO, Franco Debono u Jesmond Mugliette?
Naħseb li ċ-ċirkustanzi tat-tluq tiegħi mill-PN kienu kompletament differenti minn l-avvenimenti li qed jiżviluppaw bħalissa dwar JPO, Franco Debono u Jesmond Mugliette. Għalkemm probabilment li l-virus hu l-istess.
L-istorja hi twila. Imma fil-qosor l-ideat tiegħi dakinnhar li tlaqt mill-PN huma imfissra fl-ittra ta’ riżenja li jiena ppreżentajt fl-uffiċċju ta’ Joe Saliba Segretarju Ġenerali tal-PN nhar it-18 ta’ Jannar 2008. Fl-ittra li għaliha qatt ma irċevejt tweġiba għidtlu hekk :
“ Ilni iktar minn tletin sena membru tal-Partit Nazzjonalista.
Matulhom servejt fost oħrajn bħala membru tal-Kumitat Eżekuttiv tal-PN għal madwar 12-il sena. Matul is-snin 90 servejt ukoll bħala Segretarju Informazzjoni, Assistant Segretarju Ġenerali u President tal-Kunsill Amministrattiv tal-PN. Ikkontestajt tlett elezzjonijiet ġenerali f’isem il-PN u ċjoe dawk tal-1987, 1992 u 1996.
Kont nikteb fil-gazzetti tal-PN sa mill-bidu tas-snin 80 u bħala riżultat ta’ dan kif ukoll tal-involviment politiku tiegħi domt żmien twil iktar minn dawk li ggradwaw miegħi biex ħadt il-warrant ta’ Perit. Għall-istess raġunijiet fl-eta ta’ 26 sena sfajt imkeċċi mix-xogħol. Flimkien ma bosta oħrajn sfajt vittma ta’ diskriminazzjoni politika u l-arroganza tal-poter mill-Gvern immexxi mill-Partit Laburista. Sitwazzjoni li għal uħud minn dawk li bdew il-ħidma fil-ħajja pubblika reċentement iktar tista’ tixbah il-fantaxjenza milli xi ħaġa li seħħet realment.
Dan kollu ġie dokumentat f’deċizjonijiet tal-Qrati Maltin kif ukoll f’rapport tal-Kummissjoni għall-Investigazzjoni tal-Inġustizzji, t-tnejn fis-snin tmenin.
Wara, kif ukoll minħabba dawn l-esperjenzi flimkien ma dawk ta’ oħrajn bħalhom, ħafna emmnu li l-PN seta jreġġa’ lura lill-pajjiż fit-triq li jirrispetta lilu nnifsu w lil niesu. Jiena ukoll emmint dan u flimkien ma ħafna oħrajn tajt is-sehem żgħir tiegħi biex ikun jista’ jseħħ. Ta’ dan m’għandi l-ebda dispjaċir għax l-involviment fil-ħajja pubblika jiena dejjem qiestu bħala dmir, mhux bħala investiment.
Meta sseħibt fil-Partit Nazzjonalista kont nidentifika ruħi bla diffikulta miegħu. Iżda illum ilni żmien nagħmel sforz nistaqsi lili nnifsi jekk il-PN għadux l-istess Partit li jiena sseħibt fih fis-snin 70. Qiegħed nasal għall-konkluzjoni illi kieku kelli nagħmel l-għażla illum ma kontx nagħżel li nissieħeb.
Għal dan hemm bosta raġunijiet. Prinċipalment (iżda mhux biss) l-attitudni leġġera li bih il-Gvern immexxi mill-PN (kif ukoll il-PN innifsu) ħares lejn w aġixxa fil-konfront ta’ min mexa ħażin fil-ħajja pubblika.
Fil-konfront ta’ min mexa ħażin kontinwament isir attentat biex jinsatru u jitmewwtu l-affarijiet. Iżda imbagħad fil-konfront tal-ħidma tiegħi fil-MEPA jiena ġejt ostakolat milli nkompli l-ħidma li kont qed inwettaq fl-Uffiċċju tal-Verifika (Audit Office) b’elf skuża. Ir-raġuni vera ma tissemma qatt: li nibtet intolleranza għall-kritika u għal min kapaċi jaħseb b’moħħu. Min ma jittollerax il-ġbid tal-ispag qiegħed kontinwament jiġi imwarrab.
Huwa inutli li nidħol f’iktar dettall jew li nsemmi ismijiet. Din l-informazzjoni hi fid-dominju pubbliku u ilha hekk għal xhur sħaħ.
Ir-responsabblita għal dak li seħħ m’hiex biss ta’ min ma aġixxiex sewwa : hi responsabbilta kollettiva. Hi ukoll responsabbilta ta’ min kellu jieħu d-deċiżjonijiet konsegwenzjali u ma ħadhomx.
Għalkemm inti tista’ targumenta li dawn huma materji li tagħhom huwa direttament responsabbli l-Gvern, jiena naħseb illi finalment din ir-responsabbilta trid iġġorrha ukoll it-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.
Naħseb li dan kollu kien in parti possibli minħabba li l-Parlament Malti għal snin twal, kontinwament mill-1964 lil hawn, kien dejjem ikkontrollat minn partit politiku wieħed li għax gawda maġġoranza assoluta dejjem irrombla minn fuq kulħadd. Kif kostitwit matul dawn is-snin kollha l-Parlament Malti wera li m’huwiex kapaċi jassigura l-kontabilita’ vera tal-Gvern tal-ġurnata.
Dan kollu ser jibqa’ jsir b’atturi li jalternaw sakemm dan il-pajjiż ma jħossx il-ħtieġa ta’ taqliba radikali fit-tip ta’ persuni eletti fil-Parlament. In partikolari naħseb li huwa prinċipalment fl-interess tal-kontabilita’ vera li jidħol malajr kemm jista’ jkun it-tielet partit fil-Parlament. Għax min iddikjara illi daħal fil-politika biex jibdilha spiċċa biex sar ħaġa waħda mas-sistema, kontinwament ifittex li jiġġustifika l-inġustifikabbli.
Fid-dawl ta’ dan jiena tal-fehma li m’għadux iktar posti fil-Partit Nazzjonalista. Ma nistax nidentifika ruħi mal-Partit Nazzjonalista tal-lum. Għaldaqstant qiegħed ninfurmak li b’effett immedjat qiegħed nirreżenja minn membru tal-Partit Nazzjonalista.”
5. Kif tanalizza dak li seħħ fil-Parlament f’ dawn l-aħħar seba’ xhur?
Il-mod kif aġixxew it-tlett membri parlamentari tal-PN (JPO, Franco Debono u Jesmond Mugliette) naħseb li kien wieħed żbaljat. Setgħu kienu kritiċi b’mod konsistenti tul il-leġislatura fis-sens li ressqu proposti konkreti u bil-vot tagħhom ġielgħu l-Gvern jieħu azzjon speċifika jew oħra.
Li għamlu hekk fil-fehma tiegħi kienu jkunu mhux biss iktar effettivi imma setgħu jagħtu rwol pożittiv lill-backbench fuq in-naħa tal-Gvern. Li l-backbench ikun kapaċi jieqaf lill-Gvern hu minnu innifsu fatt pożittiv imma huwa meħtieġ li l-enerġija tkun ikkanalizzata f’direzzjoni li tħares il-quddiem. Ma dawn it-tlett deputati hemm oħrajn li kienu kritiċi imma sfortunatament ma kien hemm l-ebda attentat li jikkordina l-inizzjattivi diversi tal-backbench nazzjonalista bħal per eżempju in-1922 Committee tal-Konservattivi Ingliżi. Dan in-nuqqas serva biex jirbaħ l-individwaliżmu fuq l-azzjoni favur il-ġid komuni. Ħsibt f’hekk meta smajt il-botta dijabolika ta’ JPO waqt id-dibattitu fuq il-mozzjoni RCC meta qal li kien hemm ta’ l-inqas 10 deputati oħra li xtaqu jagħtu l-appoġġ. F’dak il-mument JPO jidher li irrealizza li kien hemm il-potenzjal ta’ appoġġ li iżda ma ġiex ikkultivat.
Meta allura nqiesu lil dawn it-tlett deputati d-diffikulta hi li kif anke’ diġa ntqal minn bosta oħrajn il-motiv ta’ tnejn minnhom jidher li kien prinċipalment wieħed negattiv. Fil-każ tat-tielet wieħed ma tantx kien jidher konvint mill-ispjegazzjoni li huwa ta għal astjensjoni.
Naħseb li l-vot ta’ sfiduċja f’Carm Mifsud Bonnici bħala Ministru tal-Intern ma kienx ġustifikat. Dan deher iktar ċar mill-kummenti li ġew attribwiti lil Franco Debono immedjatament wara l-vot li jfisser biss illi dak il-vot kien riżultat ta’ animosita’ personali.
Lawrence Gonzi għandu tort strateġiku dwar dak li ġara dwar Carm Mifsud Bonnici. Kellu quddiemu żewġ mozzjonjiet: il-mozzjoni ta’ sfiduċja imressqa mill-Opposizzjoni u l-mozzjoni ta’ policy imressqa minn Franco Debono iktar minn xahar qabel. Meta Gonzi għażel u ta’ priorita’ lill-mozzjoni tal-Opposizzjoni fuq dik ta’ Franco Debono kien qed jisfida f’mument delikat ħafna u naħseb li sa ċertu punt ġieb l-sfiduċja b’idejh. Carm m’hux biss huwa vittma tal-attitudni ta’ Franco Debono iżda hu fuq kollox vittma tal-istrateġija żbaljata ta’ Lawrence Gonzi.
Il-mozzjoni dwar RCC kienet logħba ċess mill-Opposizzjoni li waqt li kulħadd kien iffukat fuq x’ser jagħmel Franco Debono fehmet kmieni dak li kien għaddej minn moħħ JPO u tagħtu l-għodda biex iwettqu. Jekk kienx hemm kompliċita’ jew le ma nafx imma hu ċar li kienet mossa maħsuba u kkalkulata bi preċiżjoni. L-argumenti fil-mozzjoni, li kieku huma minnhom, ma jirriflettux fuq l-imġieba ta’ RCC iżda fuq il-Gvern.
Sfortunatament JPO biss semma’ r-raġunijiet reali li immotivaw appoġġ għall-mozzjoni liema raġunijiet kienu primarjament ta’ natura personali u irrelevanti għall-mozzjoni.
Dan iġibni għal punt ieħor: kemm hu għaqli li l-Gvern jagħmel ħatriet politiċi f’postijiet daqshekk sensittivi mingħajr l-approvazzjoni tal-Parlament? Għidt diversi drabi li RCC ma nqiesux li kien uffiċjal pubbliku. Tiegħu kienet ħatra politika. Baqa’ attiv politikament fil-PN u fl-istess ħin kien inkarigat mir-rappresentanza ta’ Malta fi Brussels. Dawn it-tip ta’ ħatriet, fil-fehma tiegħi, għandhom jiksbu l-approvazzjoni tal-Parlament permezz ta’ public hearing kif jagħmel is-Senat Amerikan dwar l-ambaxxaturi Amerikani. Il-persuna li tkun ser tinħatar għandha tkun mgħarbla fil-pubbliku. Il-Parlament permezz ta’ wieħed mill-kumitati tiegħu għandu jesprimi opinjoni li jekk ma tkunx favorevoli għandha twassal biex il-ħatra ma ssirx.
6. X’ taħseb li kienet ir-raġuni għalfejn il-PN ma rnexxilux jiġġestixxi lill-grupp parlamentari tiegħu?
Kif għidt iktar il-fuq, Lawrence Gonzi fil-PN mexxa l-quddiem politika ta’ esklużjoni. Meta induna x’kienu l-konsegwenzi beda jipprova jixtri lura l-lealta’ bil-ħolqien tal-post ta’ Assistent Parlamentari. Ħatra li offrieha lil kull membru tal-grupp parlamentari tiegħu li ma kellux xi ħatra oħra. Li hu interessanti hu li dan il-post hu mmudellat fuq dak ta’ Parliamentary Private Secretary, fil-House of Commons fir-Renju Unit, bid-differenza li dak Ingliż hu post onorarju, jiġifieri bla ħlas! Fil-każ ta’ Malta, ovvjament hu bi ħlas.
7. Għalfejn dħalt fl-AD?
Meta waqaft milli nkun attiv fil-PN fuq livell nazzjonali fl-1997 qatt ma kelli l-ħsieb li nerġa’ ninvolvi ruħi fil-politika attiva. Wara li l-MEPA irrifjutat li taċċetta l-parir tal-Uffiċjal tal-Verifika tagħha u ma ġedditlix il-kuntratt tax-xogħol tiegħi jiena mingħajr ma qatt ippjanajt għaliha sibt ruħi fin-nofs ta’ kontroversja politika li ffukat fuq issues li kienu fuq l-agenda politika ta’ Alternattiva Demokratika.
Dak li għidt dakinnhar hu dokumentat pubblikament. Harry Vassallo dakinnhar segwa l-każ, kiteb dwaru u gradwalment ikkonvinċieni li stajt nagħti kontribut politiku mill-ġdid din id-darba permezz ta’ involviment tiegħi f’Alternattiva Demokratika. Pass li għalkemm qatt ma ippjanajtu seħħ qiesu bl-iżjed mod naturali.
8. X’ tista’ toffri l-AD ghal-landscape politiku lokali?
F’ Malta qabel ma twaqqfet Alternattiva Demokratika kien ilna snin twal ma jkollna it-tielet partit politiku attiv fuq skala nazzjonali. Imma iktar minn hekk meta kien hemm multiplikazzjoni tal-partiti politiċi fis-snin 50 u 60, bl-eċċezzjoni tal-Partit Kostituzzjonali Progressiv (il-partit ta’ Mabel Strickland) dawn kienu splinter groups: il-Partit Demokratiku Nazzjonalista (il-partit ta’ Herbert Ganado) kien splinter group tal-PN u l-Partit tal-Ħaddiema Nsara (il-partit ta’ Toni Pellegrini) kien splinter group tal-Partit Laburista. Il-ħolqien ta’ AD fl-1989 bdiet bħala refuġju għal Wenzu Mintoff u Toni Abela meta dawn tkeċċew mill-Partit Laburista. Imma minn dak in-nhar żviluppat f’Partit bi ħsieb politiku distint mill-PN u l-PL. L-assoċjazzjoni ta’ AD mal-Ħodor Ewropej (EGP – European Green Party) għin biex AD issaħħaħ din l-identita’ distinta tagħha.
Il-filosofija politika ħadra hi kristallizzata b’mod ġenerali fid-dikjarazzjoni ta’ Canberra tal-Global Greens liema dikjarazzjoni kienet approvata fl-2001 u tiġbor il-ħsieb politiku aħdar f’sitt oqsma u ċjoe: ir-rispett lejn l-eko-sistema li niffurmaw parti minnha, l-integrazzjoni tal-ġustizzja soċjali u l-ġustizzja ambjentali, demokrazija parteċipattiva, in-non-vjolenza u kultura ta’ paċi bejn il-ġnus, is-sostenibilita w ir-rispett għad-diversita’ .
Il-politika ta’ AD li hi l-implimentazzjoni ta’ dan f’kuntest lokali tikkuntrasta ma dik offruta mill-PN u l-PL. Hi politika li tagħti sens ta’ valur lill-komunita’ u lill-kwalita tal-ħajja bħala oġġettiv primarju tal-politika ambjentali. Politika li żżewweġ flimkien il-politika ambjentali u dik soċjali fi sforz biex hi u tnaqqas il-konsum żejjed tassigura li r-riżorsi limitati jistgħu jintużaw ukoll mill-fqir li għandu dritt għal għixien diċenti.
9. Taqbel mal-kritika li l-AD qed isir aktar Marxista?
M’hemm l-ebda kritika li AD qed issir Marxista. Dak kien biss kumment tal-ex Deputat Segretarju Ġenerali ta’ AD Henrik Piski, barrani ta’ oriġini Tedesko-Ungeriża. Huwa għamel dan il-kumment għax ma qabilx li AD torġanizza konferenza stampa l-Imsida quddiem il-monument tal-GWU. Għalih li ġej minn ambjent komunista ta’ wara l-purtiera tal-ħadid l-abbuż kontinwu fl-użu tal-kelma “ħaddiem” kienet tfisser propju hekk. Kien jinsisti li tintuża l-kelma “impjegat” (employee) u mhux il-kelma “ħaddiem” (worker). Dik hi l-istorja kollha.
10. Michael Briguglio, bħala mexxej, x’ impatt għamel fl-AD?
Ir-rwol ta’ tmexxija taċ-Chairman ta’ AD hu wieħed limitat. F’AD iċ-Chairman jagħti direzzjoni ġenerali, jippresjedi l-laqgħat tal-Eżekuttiv tal-Partit u huwa l-wiċċ pubbliku ewlieni ta’ AD. AD tħaddem demokrazija orizzontali fejn tinkoraġixxi l-involviment tal-uffiċjali u l-kelliema kontinwament. Id-demokrazija interna f’AD għandha għeruq fondi u dan hu rifless fil-kwalita’ tad-deċiżjonijiet, avolja xi kultant nispiċċaw indumu ftit biex niddeċiedu. Michael huwa bniedem validu u enerġiku. Irnexxielu jlaħħam l-ideat tagħna lkoll u dan billi kontinwament jifrex il-ħarsa ta’ AD lil hinn minna fejn nisimgħu u nitgħallmu minn interazzjoni kontinwa mas-soċjeta’ ċivili.
11. Fuqiex hija mibnija l-identita’ tal-AD?
Kif għidt iktar il-fuq AD tidentifika ruħha prinċipalment ma issues ambjentali u drittijiet ċivili. Madwarhom hi mibnija l-identita’ ta’ AD.
12. X’ inhi l-aġenda tal-AD?
L-aġenda ta’ AD hi sehem attiv fil-ħajja politika tal-pajjiż biex iġġib il-quddiem l-ideat u l-prinċipji ħodor. Dan tagħmlu billi tipparteċipa fl-elezzjonijiet lokali, Ewropej u nazzjonali kif ukoll billi tieħu sehem fid-dibattitu pubbliku kif dan jiżviluppa minn żmien għal żmien.
13. X’ inhuma l-prioritajiet politiċi tal-AD?
Bħal kull partit politiku ieħor il-prijorita politika ta’ AD hi li kontinwament tfittex li tkun preżenti fid-dibattitu pubbliku u dan minkejja n-nuqqas ta’ riżorsi. F’dan is-sens matul dawn l-aħħar snin żdiedet il-parteċipazzjoni ta’ AD f’livell ta’ Kunsilli Lokali. AD illum għandha Kunsilliera eletti f’Ħ’Attard u Tas-Sliema u kandidati f’diversi lokalitajiet. Diġa bdejna nidentifikaw kandidati għall-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali ta’ Marzu 2013. Għalkemm għadu kmieni jidher li ser ikollna numru ta’ kandidati ġodda.
14. Partit li jġib perċentaġġ u numru ta’ voti tant żgħir huwa worth l-isforz li tagħmlu?
Din l-istess mistoqsija nimmaġina li kienet issir lill-Partit Laburista fis-snin 20 meta t-Tabib Pawlu Boffa u l-Partit Laburista kienu sandwich bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Kostituzzjonali ta’ Gerald Strickland. Għal snin twal il-Partit Laburista kien insinifikanti fix-xena politika Maltija. Storja li qed tiġi rakkuntata f’dawn il-ġranet biex tiġġedded il-memorja ta’ l-ewwel Prim Ministru Laburista Pawlu Boffa li f’dawn il-ġranet għalaq 50 sena mejjet.
L-ideal tagħna f’Alternattiva Demokratika jiġġustifika kull sforz għax nafu li l-ewwel nett l-appoġġ li ngawdu hu ikbar minn dak rifless fil-voti li niksbu. Dan jidher ċar waqt kull kampanja elettorali u dan minkejja l-kampanja negattiva li issir kontra tagħna.
L-appoġġ potenzjali għal AD deher waqt l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew fl-2004 meta l-kandidat ta’ AD Arnold Cassola kiseb kważi 23,000 vot fl-ewwel għadd.
Hu inevitabbli li f’xi stadju l-monolit bipartitiku jikkrolla. Kemm il-PN kif ukoll il-PL m’humiex partiti fis-sens normali tal-kelma iżda koalizzjonijiet opportunistiċi li jġibu flimkien persuni b’ideat tant differenti li jagħmilha diffiċli ħafna li jikkoeżistu politikament. Dan li qiegħed jiġri presentement fil-PN. Fil-futur għad irid iseħħ ukoll fil-PL.
15. L-AD tikkonsidra tagħmel koalizzjoni ma’ wieħed mill-pariti l-kbar? Jekk jinħoloq dan ix-xenarju liema partit tagħżlu?
L-idea ta’ koalizzjoni kienet minfuħa ftit iżżejjed waqt il-kampanja elettorali tal-2008. Teoretikament hemm żewġ possibilitajiet għal koalizzjoni. Jew qabel elezzjoni ġenerali inkella wara, meta jkun magħruf ir-riżultat.
Fix-xenarju Malti koalizzjoni pre-elettorali jkollha l-iskop illi partit kbir bħall-PN jew il-PL jiftiehem ma’ AD biex jiġi ppreżentat front wieħed elettorali. Bħala riżultat jingħaddu flimkien il-voti taż-żewġ partiti fl-ewwel għadd. B’hekk ikun iktar possibli li t-total tal-voti miksuba jkun maġġoranza assoluta jew relattiva u per konsegwenza il-front uniku ppreżentat jkun intitolat għall-maġġoranza ta’ siġġijiet parlamentari. Fil-prattika li jkun qed isir hu li l-partit il-kbir ikun qed jutilizza l-voti li jgib il-partit iż-żgħir billi jipprovdi mekkaniżmu biex dawn jingħaddu flimkien. Bil-liġi elettorali li għandna biex dan iseħħ ikun meħtieg li tkun ippreżentata lista elettorali waħda li fiha tiġbor il-kandidati kollha taż-żewġ partiti.
Issa AD m’hiex disposta illi tippreżenta l-kandidati tagħha taħt l-ebda isem ħlief dak ta’ Alternattiva Demokratika. Allura din il-possibilta’ ta’ koalizzjoni pre-elettorali hu ċar li m’hux possibli li tkun ikkunsidrata u dan sakemm ma jkunux emendati l-liġijiet elettorali.
Koalizzjoni wara l-elezzjoni ġenerali tiddependi l-ewwel minn jekk ikollokx membri parlamentari eletti w it-tieni minn jekk il-membri parlamentari eletti jkunux meħtieġa biex tkun iffurmata maġġoranza parlamentari. Jekk dan ikun neċessarju kollox imbagħad ikun jiddependi minn ftehim programmatiku f’liema każ AD timxi mal-programm elettorali tagħha u dan billi tiffoka fuq l-issues prinċipali u tipprova tasal fi ftehim fuq issues oħra.
Dan kollu jfisser li AD fil-preżent m’għandha l-ebda preferenza partikolari għal koalizzjoni. Jekk jinqala’ l-każ tista’ tiftiehem ma dak il-partit li miegħu tasal fi qbil fuq programm politiku ta’ ħidma li jkun ibbażat fuq il-programm elettorali. Imma dan biss wara riżultat elettorali li joħloq il-ħtieġa li tkun iffurmata koalizzjoni.
Il-programm elettorali ta’ AD għall-elezzjoni li ġejja kważi lest. L-Eżekuttiv tal-Partit diġa iddiskuta kważi l-kapitli kollha b’mod individwali. Jonqos l-aħħar tlett kapitli li ser niddiskutuhom dalwaqt. Wara nerġgħu naraw il-programm elettorali kollu b’mod komplet u integrat. Imbagħad ikun lest għal-konsiderazzjoni tal-laqgħa ġenerali.
16. Dak li ġara fil-Parlament taħseb seħħ ghax kien hemm maġġoranza ta’ siġġu wieħed? Jekk iva, ma taħsibx illi dan kien ifisser li hija kważi impossibbli biex koalizzjoni tirnexxi?
Il-mistoqsija tiegħek tixhed preġudizzju kontra anke’ l-idea ta’ koalizzjoni. Dwarha hawn Malta m’kellna l-ebda esperjenza mill-Indipendenza lil hawn. Fl-Ewropa kollha fi kważi kull pajjiż (ħlief l-Italja) hemm riżultati pożittivi li nkisbu tul is-snin bħala riżultat tal-politika tal-kunsens li l-formazzjoni ta’ koalizzjoni tiġġenera. Anke’ f’San Marino hemm koalizzjoni fil-Gvern!
Ħares lejn il-Ġermanja, id-Danimarka, il-Finlandja, in-Norveġja, l-Iżlanda, l-Awstrija, l-Olanda, il-Portugall, l-Isvizzera ………….. F’kull wieħed minn dawn il-pajjiżi il-koalizzjoni hi l-mod normali ta’ ggvernar. L-anqas joħolmu li hu possibli tiggverna mod ieħor. Riċentment r-Renju Unit ukoll beda jitgħallem kif iħaddem il-koalizzjoni.
M’hux l-ewwel darba li partit politiku kellu maġġoranza ta’ siġġu wieħed fil-Parlament Malti. Fil-leġislatura 1971-76 Mintoff kellu maġġoranza ta’ siġġu wieħed u ħlief inċident wieħed li kien jinvolvi lil Pawlu Carachi (meta talab siġġu fin-nofs) ma kienx hemm.
Fl-1987 il-PN ukoll kellu siġġu wieħed maġġoranza. Ma kellu l-ebda diffikulta.
Id-diffikultajiet inqalgħu fil-leġislatura tal-1996 u f’dik tal-lum. F’kull każ mhux id-differenza ta’ siġġu wieħed kienet il-kawża iżda l-instabilita’ tas-sistema taż-żewġ partiti. Kemm fil-leġislatura 1996-98 kif ukoll fil-leġislatura attwali d-diffikultajiet fil-maġġoranża li tappoġġa lill-Gvern inħolqu għax f’kull wieħed miż-żewġ partiti hemm diverġenza enormi fil-ħsieb u fil-metodu .
Il-kliem li kien intqal li Mintoff per eżempju fl-1996 kellu programm politiku għalih għandu jinftiehm fis-sens illi l-ideat u l-ideali tiegħu (u ta’ oħrajn) kienu jvarjaw b’mod sostanzjali minn dawk tal-Partit li minnu kien jifforma parti. Mhux għax neċessarjament kellu programm miktub għalih fis-sens litterali tal-kelma.
L-istess qed jiġri llum fil-PN. Id-diskussjoni u d-deċiżjoni dwar id-divorzju forsi tillustra s-sitwazzjoni u l-qasma ideologika profonda fi ħdan il-PN. Qasma li kull ma tmur tikber għax il-ġenerazzjonijiet il-ġodda m’humiex ser joqgħdu lura milli jesprimu dak li jaħsbu u dan irrispettivament minn dak li jgħidu u jagħmlu l-mexxejja tal-partiti politiċi.
Il-lealta’ għamja, għamlitu żmiena. Huwa pożittiv illum li l-ġenerazzjoni li tiela’ tistaqsi iktar qabel ma tiddeċiedi. Il-kelma tal-mexxejja m’hiex iktar vanġelu, iżda trid tiġi mgħarbla.
Il-generation gap m’hiex qegħda fil-familji biss. Waslet ukoll fil-familji politiċi. L-effett tagħha hu l-illaxkar inevitabbli tal-kontroll reġimentat tal-Partiti fuq il-Membri Parlamentari. Tal-PN bdiet illum. Tal-PL bla dubju tiġi għada. U meta tara l-varjazzjoni enormi fit-tip, kwalita’ u ideat tal-kandidati li l-Partit Laburista ser jippreżenta naħseb li għad irridu naraw affarijiet ferm interessanti jiżviluppaw fil-PL.
Fi ftit kliem dak li qed jiġri illum m’huwiex riżultat ta’ maġġoranza ta’ siġġu wieħed li l-PN għandu fil-Parlament. Huwa iżda il-konkluzjoni loġika tal-fraġilita’ tas-sistema ta’ żewġ koalizzjonijiet kbar imsejħa partiti liema sistema bdiet tikkrolla.
05.07.2012
Jekk trid tara l-intervista kif pubblikata originalment :
aghfas hawn ghall-ewwel parti, u aghfas hawn ghat-tieni parti
Min jahseb li l-problemi ha jissolvew wahedhom jew billi tattendi seduta fil-gimgha ghax bilfors inkella ma tithallasx qieghed tghaddi n-nies biz-zmien bir-rispett kollu.
Sabiha l-ingravata!