Il-biċċa qerq dwar il-liċenzji tas-sewqan li nkixfet fil-Qorti iktar kmieni din il-ġimgħa hi inkwetanti ħafna. Dan qed ngħidu in vista tal-informazzjoni sensittiva li dwarha ingħatat biss indikazzjoni żgħira fix-xhieda li instemgħet s’issa fil-Qorti. Id-dettalji dwar dan kollu li jikkonċerna korruzzjoni fl-eżamijiet tejoretiċi dwar is-sewqan, għadhom mhux magħrufa.
S’issa ġew imħarrka tlett irġiel: wieħed mid-Diretturi u żewġ uffiċjali ta’ Trasport Malta, li wieħed minnhom kien elett bħala kunsillier fil-Kunsill Lokali ta’ Ħaż- Żebbuġ f’isem il-Partit Laburista.
Kien żvelat fil-Qorti li l-akkużati, waqt li kienu interrogati, iġġustifikaw l-azzjonijiet tagħhom billi emfasizzaw li kienu soġġetti għal pressjoni politika kontinwa. L-uffiċjal anżjan fost dawk akkużati ilmenta li ħassu taħt pressjoni kbira minħabba t-telefonati kontinwi minn diversi Ministeri.
Fix-xhieda mogħtija s’issa l-pulizija żvelat li f’mobile li ġabru sabu “chats diversi ma’ persuni b’rabta ma’ partit politiku”. Ma hemm l-ebda informazzjoni uffiċjali dwar l-identità ta’ dan il-partit politiku. L-unika ħaġa li nista’ ngħid hi li dan il-partit definittivament mhux l- ADPD!
Xi ħadd li kellu aċċess għall-informazzjoni fuq il-mobile maqbud imma, fuq il-media soċjali, indirettament żvela l-għala l-pulizija hi kawta u mhux tiżvela ismijiet ta’ dawk involuti. Jidher li rrealizzaw li l-ismijiet, hekk kif ikunu żvelati jistgħu joħolqu terrimot politiku li bħalu qatt ma rajna. Skont l-informazzjoni mhux uffiċjali li qed tiċċirkola b’mod elettroniku jidher li ġew identifikati bħala li ħadu sehem f’din il-biċċa qerq taħt investigazzjoni 4 membri attwali tal-Kabinett flimkien ma tnejn oħra li m’għadhomx fil-Kabinett. Mid-dehra l-parti l-kbira ta’ dawk inkarigati mis-Segretarjat tal-Ministri kif ukoll numru ta’ Membri Parlamentari huma mdeffsa ukoll.
Fl-investigazzjonijiet tagħhom il-Pulizija jidher li f’uffiċċju ta’wieħed mill-akkużati sabu żewġ djarji b’informazzjoni sostanzjali li kienet tikkonsisti f’ismijiet, numri tal-karta tal-identità kif ukoll id-dati ta’ meta dawk li gawdew mill-irregolaritajiet investigati qagħdu għall-eżami tejoretiku għall-liċenzja tas-sewqan.
Wieħed mill-akkużati qed jiddefendieħ il-kelliemi tal-Opposizzjoni dwar l-Intern, l-Avukat Dr Joe Giglio, avukat bi prattika estensiva fil-qasam tal-liġi kriminali. Mhux etika li membri parlamentari jinvolvu ruħhom f’dawn il-każijiet. Id-difiża ta’ persuni akkużati bl-involviment fil-korruzzjoni mhiex kompatibbli mal-ħidma politika kontra l-istess korruzzjoni. Ma jistax ikun kredibbli jekk jipprova jkollu saqajh fuq iż-żewġ naħat. Dan qed ixellef sewwa l-kredibilità politika tiegħu. Jidher li mill-kaz tal-Bank Pilatus ma’ tgħallem xejn!
Minn din l-istorja kollha hemm żewġ punti ta’ importanza.
Għalfejn il-Pulizija joqgħodu lura milli jagħtu informazzjoni fejn ikun hemm il-politiċi involuti? Il-kliem nieqes miċ-ċarezza li intuża mill-Ispettur tal-Pulizija fil-Qorti din il-ġimgħa jwassal dan il-messaġġ. Ma jkunx ferm iktar għaqli li min qiegħed hemm biex iħares il-liġi ma jibqgħax jimxi bl-ingwanti tal-ħarir mal-membri tal-Kabinett?
Imbagħad xi ngħidu għall-irbit li għandhom il-membri parlamentari mal-professjoni jew xogħol tagħhom? Meta ser jinħallu minn dan l-irbit li jxekkilhom fil-qadi ta’ dmirijiethom? Kif propost repetutament minn ADPD fid-diversi manifesti elettorali, għandna bżonn Parlament li mill-iktar fis ikun magħmul minn membri li jiddedikaw ħinhom kollu għall-ħidma Parlamentari. Huwa b’dan il-mod biss li l-Parlament jista’ jkun kredibbli u possibilment effettiv.
ippubblikat fuq Illum: 4 ta’ Settembru 2022