Nhar is-Sibt, f’ADPD kellna bidla fil-tmexxija. Sandra ħadet postha bħala Chairperson tal-Partit.
Kif stqarret tajjeb fid-diskors tagħha, fit-tmiem tal-Laqgħa Ġenerali Annwali, irridu nħejju l-partit għal għada: biex ikun iktar effettiv u biex jikkomunika aħjar mal-votanti.
Il-partit illum hu differenti milli kien għaxar snin ilu. Tul is-snin sar aħjar. Imma dak li għamilna qatt ma hu bizzejjed, dejjem jinħtieġ ħidma iktar. Skond ir-riżorsi li jkollna għad-disposizzjoni tagħna.
Is-sena l-oħra, jiena, flok ma qbadt u warrabt hekk kif ħareġ ir-riżultat tal-elezzjoni ġenerali, ftaħt diskussjoni interna fil-partit. Diskussjoni li pass pass wasslitna għall-bidla meħtieġa. Mit-tibdil li għamilna fil-passat, ħafna drabi sfurzat fuqna minħabba riżenji wara l-elezzjoni ġenerali, tgħallimna li fil-waqt li l-bidla hi realtà li rridu niffaċċjaw kontinwament, kien aktar għaqli li nħejju ruħna għaliha flok ma noqgħod nistennew li tiġi fuqna u tkissirna!
Sandra offriet ruħha għall-vjaġġ li jmiss tal-partit. Vjaġġ ta’ ħidma importanti ħafna. Vjaġġ li ilha li bdiet sena imma li l-bieraħ qabdet ritmu li għandu jwassalha biex tiggwida lill-partit għal riżultati aħjar tul is-snin li ġejjin.
Tul is-snin għamilna passi l-quddiem. Mhumiex biżżejjed. Dejjem hemm il-ħtieġa ta’ iktar.
Inkomplu l-mixja tagħna flimkien ma’ Sandra.
Ara ukoll fuq dan il-blog
B’sodisfazzjon inħarsu l-quddiem: 28 ta’ Marzu 2022
Jistaqsuni: meta ser twarrab? : 31 ta’ Marzu 2022
Għada s-Sibt. : 26 ta’ Marzu 2023