Ma hemmx biex nieħdu pjaċir

Ma hemm xejn li bih nistgħu nieħu pjaċir meta dawk fit-tmexxija jiġu mixlija b’korruzzjoni, frodi u ħasil ta’ flus. Dan għal diversi raġunijiet.

L-ewwel nett, minħabba li dawn in-nuqqasijiet, jekk seħħu, jfisser li dawk l-istituzzjonijiet imwaqqfa biex jipproteġuna ma ħadmux. Dan hu inkwetanti ħafna. Din mhiex xi ħaġa li ma nafux. Mhiex xi ħaġa ġdida. Ma ġratx illum. Ilha tiġri is-snin. Hemm responsabbiltà politika x’tinġarr għal dan il-fatt. Responsabbiltà li hi mifruxa tul is-snin u fuq diversi persuni li kellhom is-setgħa u għażlu li jħallu t-toqob minn fejn jgħaddu l-ġrieden.

It-tieni punt ta’ importanza hu li mhux billi hemm persuni li ser jiġu mixlija. Mhux bilfors li jinstabu ħatja. Jista’ jkun li l-provi ma jkunux ċari, inkellha li joħorġu fatti li sal-lum mhumiex magħrufa u li jispiċċaw idgħajfu l-provi.

It-tielet punt hu li jista’ jkun hemm żbalji tekniċi fil-mod kif jiżviluppaw il-proċeduri kriminali. Kemm żbalji ġenwini inkella żbalji intenzjonati!

Li t-tmexxija tal-pajjiż, tal-bieraħ u tal-lum, tkun mixlija bi ħmieġ ma jfissirx li huma ħatja, għalissa. Irridu nistennew biex inkunu nafu eżattament x’ġara.

Fl-aħħarnett dak li qed jiġri jħammeġ lill-pajjiż kollu, mhux biss lil dawk li qed jiġu akkużati. Għalhekk, ma hemmx biex nieħdu pjaċir.