Illum fl-Awtorità tax-Xandir

Illum wara nofsinnhar kont flimkien ma’ Ralph Cassar u Sandra Gauci fl-uffiċini tal-Awtorità tax-Xandir biex nippreżenta ilment kontra l-ONE li għal darba oħra naqsu li jirrappurtaw konferenza tal-aħbarijiet ta’ ADPD.

Kienet konferenza tal-aħbarijiet indirizzata minn Sandra u Ralph fejn tkellimna dwar il-periklu għad-demokrazija meta in-nies tal-politika jkun viċin wisq tad-dinja tan-negozju.

Tkellimna dwar ic-chats ta’ Rosianne Cutajar u Yorgen Fenech kif ukoll bosta affarijiet oħra. Imma l-ONE għal darba oħra iċċensurawna.

Ħadd minn ONE ma ġie l-Awtorità tax-Xandir biex jiddefendi ċ-ċensura li qed iwettqu repetutament kontra tagħna. Ma nafx għalfejn ma ġewx, forsi fl-aħħar irrealizzaw li ma jistgħux jagħtu spjegazzjoni kredibbli dwar il-mod partiġjan li bih qed jopera l-ONE.

Nistennew d-deċiżjoni għax minkejja li l-ONE għażlu li ma jiġux l-ilment instema’ xorta waħda!

X’inhu għaddej bejn il-PN u 17 Black ?

L-aħbar fit-Times tal-Ħadd dwar il-laqgħa bejn il-Membri Parlamentari tal-PN Kristy Debono u Hermann Schiavone ma Yorgen Fenech ta’ 17 Black fil-21 sular tat-torri ta’ Portomaso hi prova tal-wiċċ b’ieħor tal-Partit Nazzjonalista.

Is-17 Black hi kumpanija (inkorporata fid-Dubai) li dwarha hemm allegazzjoni ta’ tixħim li fih jissemmew Konrad Mizzi u Keith Schembri. Niftakru fl-emails dwar l-iskandlu Panama fejn intqal minn fejn ġejjin il-miljuni fil-kontijiet bankarji ta’ Mizzi u Schembri.
Dakinnhar il-PN għamilha tal-paladin kontra l-korruzzjoni. Imma llum imur għand l-istess 17Black biex jitolbu l-għajnuna.

Kristy Debono qalet li talbet għajnuna dwar użu ta’ sala żgħira għall-konferenzi. Hermann Schiavone min-naħa l-oħra kien evażiv u ma riedx jagħti informazzjoni.

Kif tista’ temmen lil dawn in-nies (u lil sħabhom) meta jitkellmu kontra l-korruzzjoni?
Kristy Debono u Hermann Schiavone għandhom l-obbligu li jagħtu spjegazzjoni pubblika. Anzi, li kieku l-Partit Nazzjonalista kien serju, diġa ssospendihom.

Imma ilna nafu, li s-serjetà ma toqgħodx tal-Pietà.