Għada s-Sibt għandna l-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-partit.
Kif ħabbart żmien ilu (is-sena l-oħra fil-fatt) naħseb li jkun għaqli li t-tmexxija tal-partit tgħaddi f’idejn persuna iżgħar minni. Persuna li tista’ twassal lill-partit sal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u dik tal-Kunsilli Lokali s-sena d-dieħla u sal-Elezzjoni Ġenerali madwar 4 snin oħra.
Naħseb li dan hu fl-aħjar interess tal-partit li jsir. Issa hu l-aħjar waqt għal pass bħal dan. F’partit żgħir bħal tagħna hu għaqli li t-tibdil meħtieġ nagħmluh gradwalment, fil-mument addattat, bil-pass tagħna, biex inkunu nistgħu nieħdu l-ikbar benefiċċju possibbli minnu!
Aħna jkollna elezzjoni tal-uffiċjali kollha tal-partit kull sena. Din is-sena mhux ser nippreżenta ismi għal kariga ta’ Chairperson tal-partit. (Aħna m’għandniex Kap iżda Chairperson! Qafas sempliċi ta’ tmexxija bla ħafna kumplikazzjonijiet u xinxilli.)
Meta nħares lejn il-ħidma li għamilna flimkien tul is-snin, sar ħafna xogħol, mertu ta’ kulħadd. Imma għad baqa’ ukoll ħafna x’isir.
Da parti tiegħi għalkemm mhux ser nibqa’ fil-kariga ta’ Chairperson tal-partit fi ħsiebni nibqa’ attiv fil-partit biex nibqa’ nagħti l-kontribut tiegħi fil-ħidma li hi tant meħtieġa li tibqa’ issir.
Ir-riżultati li ħdimna għalihom mhux dejjem jidhru. Ħdimna ħafna, numru żgħir ta’ nies f’ambjent li hu mfassal għal żewġ partiti politiċi biss. Ambjent li lilna jarana żejda u jostakolna l-ħin kollu.
Is-sena l-oħra, ftit wara l-elezzjoni ġenerali ftaħna kawża kostituzzjonali dwar is-sistema elettorali imfassla b’mod li toħnoqna. Din il-kawża qed toqrob lejn it-tmiem u huwa ittamat li fl-aħħar kwart tas-sena, wara s-sajf, ikollna l-ewwel deċiżjoni. Hi triq twila li irridu nimxu flimkien.
Mhiex triq faċli, imma hi triq li mxejniha pass pass. Kultant b’diffikultà kbira. Hemm min jikkritikana għax jixtieqilna l-ġid. Lil dawn ngħidilhom grazzi. Nagħtu każ kull ma jingħad. Hemm min imaqdar. B’dawn nieħdu paċenzja.
Tagħna hi ħidma li tirrikjedi paċenzja, inkluż li anke tissaporti kritika inġusta li kultant ifajjar min hu mgħaġġel, bla sabar, inkella ma jafx l-affarijiet jew saħansitra moħħu biss fih innifsu.
Repetutament immorru għand l-Awtorità tax-Xandir dwar il-mod kif il-medja politika tinjorana. Jagħtuna raġun, imma bla rimedju.
Dan hu l-ambjent li fih ħdimna u għadna naħdmu, ghax qatt ma qtajna qalbna. F’dan l-ambjent fl-aħħar elezzjoni ġenerali ġibna 4747 vot, kważi d-doppju tal-elezzjoni ta’ qabel. Mhux biżżejjed. Imma fil-klima li qed naħdmu, b’kollox kontra tagħna, bla riżorsi, hu raġjonevoli.
Dan mhux ambjent li ser jinbidel mil-lum għal għada. Però qatt ma qtajna qalbna. Sadanittant il-ħidma tkompli.
Għada s-Sibt ngħaddi s-siġġu lil Sandra li nawgurala ħafna ħidma fejjieda.
Nieħu din l-opportunità biex nirringrazzja lit-tim kollu li ħdimna flimkien. Grazzi lil kulħadd.