Meta l-mexxej Laburista Robert Abela indirizza lill-partitarji fil-Każin Laburista ta’ Birkirkara, nhar il-Ħadd li għadda, kellu raġun jilmenta li s-sentenzi f’kawżi kriminali, bosta drabi jidhru baxxi jew laxki. Xi drabi qed jingħata l-messaġġ li qiesu ma ġara xejn. Il-Prim Ministru għandu bosta postijiet iktar addattati fejn jista’ jwassal il-preokkupazzjoni tiegħu dwar il-ħtieġa ta’ politika iktar addattata dwar is-sentenzi li qed jingħataw mill-Qrati.
Seta ġibed l-attenzjoni tal-President tar-Repubblika biex il-materja tkun ikkunsidrata fil-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja. Seta qajjem il-materja f’laqgħa formali mal-Prim Imħallef. Seta ukoll illeġisla biex inaqqas il-flessibilità li għandha l-Qorti meta tapplika l-pieni li hemm fil-liġi. Fil-fatt kellu għad-disposizzjoni tiegħu bosta għodda jew mezzi biex jasal għall-bidla mixtieqa. Imma li joqgħod ipeċlaq fil-każin laburista ta’ B’Kara bil-prietka ta’ nhar ta’ Ħadd mhux wieħed minnhom.
F’Birkirkara Robert Abela tkellem ukoll dwar il-kunflitt ta’ interess li Membri Parlamentari li jipprattikaw il-liġi kriminali huma esposti għalih. Matul in-nofstanhar ta’ filgħodu b’abbiltà, dawn l-avukati, jiddefendu lill-klijenti tagħhom u jippreżentaw sottomissjonijiet quddiem il-Qrati dwar pieni baxxi jew tnaqqis fil-pieni inkella dwar sentenzi sospiżi. Imbagħad, waranofsinnhar, emfasizza Robert Abela, dawn l-istess Membri Parlamentari jiġu fil-Parliament jargumentaw b’qawwa fuq il-perikli ta’ żieda fil-kriminalità.
Dwar dan għandu raġun. Imma din il-linja ta’ ħsieb ma tapplikax biss għall-avukati li jipprattikaw il-liġi kriminali. Tapplika ukoll għal avukati fiċ-ċivil u fil-liġi kummerċjali kif ukoll għal membri parlamentari fi professjonijiet oħra kif kellna l-opportunità li naraw bosta drabi tul is-snin! Din hi esperjenza li diġà għaddejna minnha matul is-snin.
Il-Membri Parlamentari għandhom jiddedikaw il-ħin kollu tagħhom għall-ħidma parlamentari. M’għandux ikun possibli li Membri Parlamentari jibqgħu jagħmlu kwalunkwe xogħol ieħor, kemm jekk dan ikun imħallas kif ukoll jekk le. Bħala partit dan aħna ilna ngħiduh is-snin, għax nemmnu li fil-prattika hu l-uniku mod kif tista’ tindirizza u tnaqqas b’mod effettiv il-kunflitt ta’ interess ovvju li jirriżulta illi Membru tal-Parlament hu espost għalih fis-sistema tagħna kif inhi illum.
Robert Abela qal iktar minn hekk. Irrefera għad-diskursata li kellu ma’ Maġistrat dwar is-sentenzi baxxi li ħerġin mill-Qrati Kriminali. Il-Maġistrat, qal Abela, iddefendiet ruħha billi emfasizzat li s-sentenzi mogħtija qed jitbaxxew mill-Qorti tal-Appell, li fid-dawl ta’ sentenzi oħra ġja mogħtija qed tnaqqas sentenzi li jkunu ngħataw mill-Maġistrati.
Robert Abela żbalja meta ikkomunika direttament mal-Maġistrat. Żbalja iktar meta tkellem dwar dan fil-pubbliku għax b’hekk bagħat messaġġ żbaljat u inkwetanti li l-Qrati qed jirċievu ordnijiet diretti mingħand l-eżekuttiv. Dan fi kliem sempliċi hu ta’ theddida għall-indipendenza tal-ġudikatura. Bħala avukat, bla dubju, Robert Abela jirrealizza li qabeż il-linja ta’ dak li hu tollerabbli mill-politiku f’soċjetà demokratika.
F’pajjiż demokratiku fejn is-saltna tad-dritt hi realtà mhux ħrafa, Robert Abela kien jirreżenja fi ftit siegħat minn x’ħin pubblikament ammetta li hu għamel pressjoni fuq il-Maġistrat. Il-Maġistrat li min-naħa tagħha kompliet miegħu fid-diskussjoni s’issa, kienet tkun ġiet identifikata u dixxiplinata.
Imma, kif tafu, minn dan kollu, ma ġara xejn.
Nhar it-Tnejn fi stqarrija għall-istampa, jiena tlabt lill-President tar-Repubblika biex isejjaħ laqgħa urġenti tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja biex din tkun tista’ tieħu l-passi neċessarja dwar dak li ġara.
S’issa għad ma ġara xejn. Forsi l-President kien imsiefer, inkella kien imħabbat b’xi attività dwar il-larinġ li nsibu fil-ġonna Presidenzjali ta’ Sant Anton.
Issa forsi jmiss iċ-ċelebrazzjoni tal-ġimgħa tal-banana fl-aġenda Presidenzjali. Bla dubju din tieħu prijorità fuq l-indipendenza tal-ġudikatura fir-Repubblika tal-Banana!
ippubblikat fuq Illum: 4 ta’ Frar 2023