Kif ser tinħatar il-ġudikatura?

Qalulna dan l-aħħar li ftehmu. Il-Ministru tal-Ġustizzja Edward Zammit Lewis qal li mal-PN ftiehem. Li l-PN u l-PL ftehmu bejniethom u li soġġett għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa l-kaz hu prattikament magħluq.

Jiġifieri ftehmu bil-biebien magħluqa. Dan mhux sewwa u huwa inaċċettabbli anke jekk ġew ispirati mill-Kummissjoni Venezja innifisha, kif qal Zammit Lewis.

Ilkoll kemm aħna jinteressana li nikkontribwixxu għad-diskussjoni dwar kif għandhom jinħatru l-membri tal-ġudikatur. Allura għalfejn dawn id-diskussjonijiet isiru bil-bibien magħluqin?

Dawn affarijiet li jiġru f’repubblika tal-banana.

Il-pastizzi fir-Repubblika tal-Banana

The Banana Republic of Malta

Veru qegħdin ottu. L-aħħar polemika fir-Repubblika tal-Banana hi dwar il-pastizzi tas-Serkin, skond Ann Fenech.

GħaI bosta ma tagħmel l-ebda differenza fejn Joseph u ħbiebu jmorru għall-pastizzi.

Imma min-naħa l-oħra l-imġieba tal-politiku u l-pastizzi ta Velbert kellha tittieħed iktar bis-serjetá. Il-libelli ma jsolvu xejn ħlief itawwlu ftit iżżmien. L-importanti imma hu li fir-Repubblika tal-Banana għandna l-aqwa Kabinett fl-Ewropa!

Xejn m’hu xejn: fir-Republika tal-Banana

The Banana Republic of Malta

 

Għall-Partit Laburista fil-Gvern, jidher li xejn m’hu xejn. Għall-Partit Nazzjonalista fl-Opposizzjoni, fil-pajjiż hawn rieħa taqsam ta’ korruzzjoni li tinxtamm wara kull kantuniera. Tlett snin ilu l-affarijiet kienu bil-maqlub. Dakinnhar għall-Partit Nazzjonalista fil-Gvern kollox kien miexi fuq ir-rubini u għall-Partit Laburista fl-Opposizzjoni l-pajjiz kien qabad it-triq tan-niżla.

Il-vizjoni taż-żewġ partiti politiċi fil-Parlament hi waħda mċajpra. Dak li jagħmlu huma hu kollu tajjeb. Huwa biss dak li tagħmel in-naħa l-oħra li hu ħażin.

Il-Prim Ministru qed jgħidilna li l-Ministru Konrad Mizzi ma għamel xejn ħażin meta akkwista jew irreġistra kumpanija fil-Panama.

Għalfejn ikunu akkwistati jew reġistrati kumpaniji fil-Panama? Jekk tfittxu u taqraw daqsxejn issibu li l-Panama, pajjiż fl-Amerika Ċentrali, huwa ħafna drabi mfittex minn min irid jaħbi l-ġid li jkun akkumula, ikun xi jkun is-sors li minnu dan joriġina. Il-Panama għandha leġislazzjoni finanzjarja żviluppata li tipprovdi fost oħrajn għal eżenzjoni minn kull taxxa lil dawk il-kumpaniji li filwaqt li jkunu reġistrati fil-Panama ma joperawx hemmhekk.

Il-Ministru Konrad Mizzi, u issa żdied miegħu ċ-Ċhief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri, fil-komunikazzjonijiet tagħhom mal-istampa spjegaw li l-kumpaniji tagħhom (s’issa) la għandhom assi u l-anqas ma għamlu l-ebda transazzjoni. Mizzi qal li l-kumpanija fil-Panama u t-trust assoċjata magħha li qegħda fi New Zealand huma intenzjonati biex jamministraw il-ġid tal-familja fil-waqt li Keith Schembri qed jgħid li da parti tiegħu kellu bżonn alternattiva għal trust preżentement ibbażat f’Malta li l-bank li bħalissa qed jamministrah qed jikkunsidra li jgħaddieh f’idejn ħaddieħor.

L-opinjoni pubblika kemmxet xuftejha għal dawn l-ispjegazzjonijiet għax dawn bl-ebda mod ma jiġġustifikaw il-ħolqien ta’ kumpaniji fil-Panama li ngħiduha kif inhi, iktar huma assoċjati mal-ħabi tal-ġid milli għal xi kwalunkwe skop ieħor. Filwaqt li s’issa ħadd għadu ma ġieb l-ebda prova ta’ xi fondi illeċiti assoċjati ma dawn il-kumpaniji fil-Panama kull min għandu rasu fuq għonqu qed jistaqsi għaliex inħolqot din l-assoċjazzjoni perikoluża minn Mizzi u Schembri.

Tweġiba konvinċenti s’issa ma hemmx. Imma hu ovvju għal kulħadd li l-qasba ma ċċaqċaqx għalxejn.

Il-persuna fil-ħajja pubblika ma tiżbaljax biss meta tikser il-liġi, imma ukoll meta jibgħat messaġġi żbaljati. Hu messaġġ żbaljat dak li qed jibgħatu Konrad Mizzi u Keith Schembri meta qed jassoċjaw ruħhom mal-Panama, pajjiż li l-Unjoni Ewropea tqiesu bħala tax haven, u mal-ħasil tal-flus maħmuġin. Pajjiż li d-dinja demokratika tqiesu bħala wieħed fejn jinħbew il-flus li joriġinaw minn attività illeċita.

Hu żball oħxon tal-Prim Ministru li ma jara xejn ħażin f’dak li hu għaddej. Dan hu rifless tal-kumpass etiku tal-Prim Ministru, u sfortunatament ukoll il-kumpass etiku tal-amministrazzjoni li hu qiegħed imexxi.

Fi kwalunkwe pajjiż demokratiku ieħor, pajjiż li jirrispetta lilu nnifsu, Konrad Mizzi, anke biss bħala riżultat ta’ dak li hu magħruf s’issa, kien ikun xkupat il-barra mill-Kabinett, illum qabel għada. Minflok inħatar bħala Deputat Mexxej tal-Partit fil-Gvern.

Qed insiru pajjiż fejn xejn m’hu xejn, fejn kollox jgħaddi. Fi ftit kliem sirna qiesna Repubblika tal-Banana f’nofs il-Mediterran.

Malta: Repubblika tal-Banana fil-Mediterran

The Banana Republic of Malta

Bil-mod il-mod qiegħed jidher ċar it-twemmin politiku tal-Partit Laburista ta’ Joseph.

Alfred Sant għaddielu partit li ried jittrasforma lil Malta bħala Svizzera fil-Mediterran. Joseph jidher li hu iffukat biex jittrasforma lil din ir-Repubblika bħala r-Repubblika tal-Banana fil-Mediterran. Anzi, fl-Unjoni Ewropeja.

Ir-Repubblika tal-Banana oriġinali għandha l-oriġini tagħha fl-Amerika Ċentrali u hi deskritta fil-kitba tal-awtur Amerikan O.Henry biex jiddiskrivi r-Repubblika fittizija ta’ Anchuria fil-ktieb tiegħu Cabbages and Kings, ġabra ta’ novelli ispirati mill-perjodu li hu għex fil-Honduras, maħrub mill-ġustizzja Amerikana in konnessjoni ma’ frodi ta’ bank.

Fil-politika d-deskrizzjoni Repubblika tal-Banana tfisser li fit-tmexxija tal-pajjiż l-interessi privati ta’ dawk li jmexxu u ta’ madwarhom jiġu qabel il-ġid komuni. Terminu li intuża spiss dwar diversi pajjiżi fl-Amerika Latina u Ċentrali.

Fir-Repubblika tal-Banana l-Prim Ministru jikri lilu innifsu bħala Prim Ministru l-karozza privata tiegħu stess. Kif qed jagħmel Joseph Muscat.

Fir-Repubblika tal-Banana fl-ewwel jum tas-setgħa jixkupa lil kulħadd mit-tmexxija tad-Dipartimenti tal-Gvern. Qiesu sar kolp ta’ stat. Kif għamel Joseph Muscat. Inkluż fl-Armata ta’ Malta.

Issa għandna l-aħħar waħda.

Fir-Repubblika tal-Banana meta tinqabad tmexxi Lukanda illegali bħal-Lukanda Damiani f’Buġibba qiesu ma ġara xejn. Jekk inti Direttur tal-Awtorita’ tat-Trasport  tista’ tibqa’ hemm bħala Direttur għax l-etika fit-tmexxija tal-korpi pubbliċi hi biss materja ta’ interess akkademiku.

Repubblika tal-Banana  …………….. fil-Mediterran. L-aħjar fl-Ewropa!