Meta jissemmgħu t-telefonati

Li l-forżi tal-ordni għandu jkollhom dritt li jissemmgħu t-telefonati meta dan ikun meħtieġ biex jinvestigaw delitt kif ukoll biex jippruvaw jevitaw li jsir delitt huwa aċċettabbli f’kull soċjetá demokratika.

Imma x’kontrolli għandu jkun hemm fuq il-Pulizija jew is-Servizz tas-Sigurtá meta jagħmlu dan?

Illum l-awtoritá biex jissemmgħu tingħata mill-Ministru tal-Intern inkella mill-Prim Ministru. Jiġifieri huwa l-politiku li jagħti l-awtorizzazzjoni.

Dan mhux tajjeb. Il-politiku mhux l-aħjar persuna li teżerċita kontrolli fuq materja ta’ din id-delikatezza. Xi drabi, l-politiku jkollu ukoll interess f’dak li jkun qiegħed jingħad. Interess politiku li każ jissolva u possibilment anke li ma jissolviex. Interess ukoll li xi persuni partikolari ma jkunux investigati.

Kien għalhekk li fil-Manifest Elettorali tal-Elezzjoni tal-2017 Alternattiva Demokratika ipproponiet li ma għandux ikun iktar il-politiku li jagħti l-awtoritá biex jissemmgħu t-telefonati, imma l-Qrati.

Dan qiegħed ngħidu għax matul din il-ġimgħa kien hemm referenza għal dan b’referenza għal żewġ każijiet pendenti.

Jason Azzopardi qed jallega li Robert Abela kellu aċċess għall-informazzjoni li irriżultat minn interċettazzjoni tat-telefonati konnessi mal-każ ta’ qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Abela ċaħad.

Fil-Qorti, avukati f’każ kriminali ieħor, li hu pendenti, qed jikkontestaw il-validitá tas-sehem tal-politiku fid-deċiżjoni li l-Pulizija u/jew is-Servizz tas-Sigurtá jingħataw il-permess biex jissemmgħu t-telefonati.

Għandha tkun il-Qorti li tiddeċiedi dwar dan. Mhux għax il-Qorti hi perfetta, imma għax bis-sorveljanza tal-Qorti hemm probabbiltá ferm ikbar li l-affarijiet isiru sewwa. Li d-drittijiet ta’ kulħadd ikunu imħarsa. Kemm id-dritt tal-komunitá kif ukoll id-drittijiet tas-suspettati.

Indħil politiku lill-pulizija

L-allegazzjonijiet ta’ Jonathan Ferris dwar indħil politiku fil-qadi ta’ dmirijietu meta kien Spettur tal-Pulzija huma ta’ gravità kbira. F’pajjiż serju l-Maġistrat tal-Għassa kien jibgħat għas-Sur Ferris u jitolbu għall-provi, u jekk dawn jirriżultaw jordna li jittieħdu l-passi immedjatament.

Għax kif qal il-Prim Imħallef xi ġimgħat ilu, kulħadd għandu responsabbiltà biex titħares is-saltna tad-dritt. Inkluż l-Imħallfin u l-Maġistrati. U is-saltna tad-dritt tfisser li kulħadd għandu jbaxxi rasu quddiem il-liġi.

Jonathan Ferris qal li meta jippubblika l-informazzjoni li għandu kulħadd ikun jista’ jasal għall-konklużjonijiet tiegħu. Ikun ferm aħjar jekk il-provi li għandu jmur bihom għand min jista’ jieħu passi, immedjatament.

Għax jekk l-istituzzjonijiet inżommuhom sajmin mill-informazzjoni kif nistgħu nippretendu li dawn jaġixxu biex jipproteġuna?

Inti ukoll għandek dritt tiekol

Qed jintqal li l-Prim Imħallef Silvio Camilleri fid-diskors tiegħu iktar kmieni din il-ġimgħa ta’ ħasla papali lill-Gvern. Jiena naħseb li dan mhux korrett.

Fil-fehma tiegħi il-Prim Imħallef emfasizza li r-responsabbiltà biex ħadd ma jkun il-fuq mill-liġi mhiex biss tal-Qrati imma ukoll tal-Pulizija u tal-Avukat Ġenerali. Fi ftit kliem il-poter fil-pajjiż hu mifrux u biex ikollna s-saltna tad-dritt jeħtieġ li kulħadd jagħmel xogħolu.

Il-mistoqsija li allura teħtieġ tweġiba hi jekk l-uffiċjali pubbliċi humiex jagħmlu dmirhom, bla biża’ jew favuri. Għalhekk hu importanti li l-ħatriet isiru sewwa. Li jinħatru persuni kapaċi u integri li fl-aħħar mill-aħħar ikunu it-tarka tal-pajjiz kollu. Għax kulħadd għandu dritt jiekol, mhux il-bulijiet biss.