It-Torċa tal-lum irrappurtat storja dwar numru ta’ uffiċjali pubbliċi mlaħħqa li kienu qed jgħaddu informazzjoni lil Tonio Fenech, ex-Ministru tal-Finanzi. Billi kienu msieħba f’google group dawn kienu jiddiskutu bejniethom issues kurrenti hekk kif jinqalgħu w jgħaddu informazzjoni sensittiva lil Tonio Fenech xi kultant ankè qabel ma jkun jaf biha l-Gvern stess.
Għal Tonio Fenech bla dubju kienet scoop għax kien ikun armat b’informazzjoni biex ikun jista’ jitkellem “in real time” imma għas-servizz pubbliku hi daqqa ta’ ħarta.
Għax is-servizz pubbliku mhux qiegħed hemm biex jivvantaġġa lil xi partit politiku imma biex imexxi u jagħti servizz lill-pajjiż kollu. Għalhekk ngħidu li l-lealtà tas-servizz pubbliku hi waħda lejn il-Gvern tal-ġurnata li jiddetermina d-direzzjoni. Is-servizz pubbliku imbagħad jimplimenta.
L-artiklu fit-Torċa jidentifika uħud minn dawn l-uffiċjali pubbliċi b’isimhom. Qegħdin fost oħrajn fil-Bank Ċentrali, l-MFSA (Malta Financial Services Authority), u fl-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.
Dan hu ħażin, avolja mhux l–ewwel darba li ġara. Kien hemm indikazzjonijiet fil-passat li dan ġara. Id-differenza issa hi li qed jingħad li dawn inqabdu “red-handed”, jiġifieri li hemm il-provi. Probabbilment li l-provi huma ta’ natura teknika u jinvolvu traċċi elettroniċi tal-emails mibgħuta, kif fil-fatt ġie ippubblikat fit-Torċa.
Dawn sfortunatament huma l-konsegwenzi tar-rwol tal-politika partiġġjana fis-serviżż pubbliku li timmanifesta ruħha ukoll fil-parti l-kbira tal-ħatriet li saru u jsiru prinċipalment fil-gradi l-għoljin. Mhux kaz ta’ Nazzjonalisti kontra Laburisti jew ta’ Laburisti kontra Nazzjonalisti, iżda hi ferm iktar ikkumplikata minn hekk. L-abbuż bl-impiegi pubbliċi imsejħa “position of trust” hi parti importanti mill-problema. Il-mod kif ġew ittrattati s-Segretarji Permanenti immedjatament wara l-elezzjoni hi aspett ieħor tal-problema.
Sfortunatament, dawn l-affarijiet ikomplu. L-ispjuni ta’ Tonio Fenech kienu l-boloh li nqabdu. Il-problema l-kbira huma dawk li għandhom aċċess għal informazzjoni sensittiva ħafna jużawha kif jaqblilhom u ma jinqabdu qatt. Kien hemm minnhom qabel Marzu 2013 u jkun hemm oħrajn li jagħmluha issa.
Fis-settur pubbliku ukoll, dak li tiżra’ taħsad.