L-istorbju madwarna

noise_pollution

Nhar il-Ġimgħa li għaddiet, kmieni fil-għodu, bosta residenti ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa qamu maħsudin bi ħsejjes li bdew jinstemgħu għall-ħabta tas-sitta ta’ fil-għodu, liema ħsejjes baqgħu għaddejjin għal ftit minuti. S’issa, wara li għaddew iktar minn tlett ijiem għad mhux magħruf x’kien il-kawża ta’ dawn il-ħsejjes ħlief li dawn oriġinaw mill-inħawi tal-power station ta’ Delimara.

Għar-residenti ta’ Birżebbuġa din mhiex xi esperjenza ġdida għax f’Birżebbuġa  ilhom is-snin jisimgħu l-ħsejjes matul il-lejl: ħsejjes ġejjin mid-direzzjoni tal-Port Ħieles. Ħsejjes ikkawżati minn containers li jaħbtu jew jistabtu huma u jkunu qed jiġu mċaqalqa minn post għall-ieħor, inkella ħsejjes ikkawżati mill-generators tal-vapuri mal-mollijiet tal-Port Ħieles.

Ir-residenti ta’ Birżebbuġa, kif ukoll dawk ta’ diversi lokalitajiet fil-madwar, kemm matul il-lejl kif ukoll matul il-jum iridu jissaportu ukoll il-ħsejjes tal-ajruplani nieżla għall-mitjar Internazzjonali ta’ Malta fil-Gudja. Dawn l-ajruplani ħafna drabi jkunu l-iktar qrib il-bini meta jkunu għaddejjin minn fuq iż-żona residenzjali  tal-Papa f’Birżebbuġa.

Ir-residenti tal-Isla (u dawk ta’ Bormla) ilhom jilmentaw ukoll mill-ħsejjes matul il-lejl ġejjin mit-Tarżna ta’ Palumbo. Ħsejjes ġejjin mill-grit blasting li jkun għaddej matul il-lejl fit-tarżna, inkella minn xogħol ta’ tiswija ta’ vapuri jew ta’ oil rigs. Ħsejjes li ma jħalluhomx jorqdu.

Pajjiżna hu żgħir fid-daqs. L-ispazju li naħdmu fih hu ristrett u allura kull ħidma li issir fih bil-fors li jkollha impatt fuq l-inħawi tal-madwar li huma viċin wisq ta’ xulxin.

Uħud qed jargumentaw li dawn l-ilmenti kollha kontra l-ħsejjes huma ta’ theddida għall-għixien tal-familji li jiddependu għall-ħobża ta’ kuljum tagħhom mit-Tarżna ta’ PaIumbo, inkella mill-Port Ħieles jew mill-mitjar Internazzjonali tal-Gudja.

Għall-bosta snin l-awtoritajiet tal-pajjiż (kif ukoll il-management ta’ dawn l-azjendi) ġew jaqgħu u jqumu mill-fatt li l-gwadann ekonomiku ta’ dawn l-azjendi qed isir għad-detriment tar-residenti madwarhom, li lejl u nhar iridu jissaportu impatti kbar fuq ħajjithom. Impatti li qed iħallu effett fuq saħħithom u l-kwalità tal-ħajja tagħhom u tal-familji tagħhom.

Il-mistoqsija li teħtieġ tweġiba hi : kemm jagħmel sens li din il-ħidma issir daqshekk viċin ta’ żoni residenzjali? It-tweġiba, ħafna drabi tkun li din l-attività ekonomika ilha għaddejja s-snin u li m’hemm imkien iktar fejn issir. Allura, qiesu jridu jgħidu li m’hemm xejn x’tagħmel. Jgħidulna li Malta ajruport wieħed għandna u li l-faċilitajiet għat-tarznari jew għall-Port Ħieles ma hemm imkien iktar fejn isiru jekk mhux fejn ġja qegħdin. Sfortunatament dan hu kollu minnu bħalma hu minnu ukoll li dawn il-faċilitajiet ġew żviluppati meta ħadd ma kien jagħti kaz tal-impatti fuq ir-residenti.

Imma allura, nistaqsi, jekk ta’ qabilna ma kienux jagħtu kaz għandna nibqgħu aħna ukoll ma nagħtux kaz? Jekk il-Gvernijiet u l-awtoritajiet tal-bieraħ għalqu għajnejhom u widnejhom, dawn għandhom jibqgħu b’għajnejhom u widejhom magħluqa illum ukoll? L-ewwel pass jista’ jkun li dawn l-azjendi, matul il-lejl, iwaqqfu l-ħidma tagħhom li tikkawża l-istorbju.

Il-Gvern mhux ser jiċċaqalaq jekk in-nies tibqa’ lesta li tissaporti. Jekk in-nies ma titkellimx iktar l-ebda Gvern jew awtorità m’hi ser tiċċaqlaq.

Jiddependi minnek ukoll li qed tisma’ jew taqra dawn il-kelmtejn jekk jittieħdux passi. Mela jekk xbajt tissaporti qum minn hemm u tkellem. Jekk ma tagħmilx hekk, ikun inutli toqgħod tgorr, għax ser jibqgħu jgħadduk biż-żmien.

Advertisements