Birżebbuġa: minn ġot-taġen għal ġon-nar

Id-deċiżjoni tal-Gvern li jagħżel sit għal trakka għat-tlielaq tal-karozzi f’Ħal-Far, viċin ta’ Birżebbuġa juri nuqqas kbir ta’ sensittività fil-konfront tal-komunità ta’ Birżebbuġa. Ir-residenti ta’ Birżebbuġa ilhom is-snin jaqilgħu ġo fihom bl-istorbju madwarhom. Imma ħadd mill-awtoritajiet m’hu qed jagħti każ. Kollha għala biebhom.

Il-parti l-kbira tal-ajruplani jinżlu fl-Ajruport Internazzjonali tal-Gudja minn fuq parti miż-żona residenzjali ta’ Birżebbuġa. Dan iseħħ kuljum. Ir-residenti tant draw b’dan, li uħud ftit li xejn għadhom jagħtu kaz bl-ajruplani storbjużi jittajjru fil-baxx : avolja xorta qed issir ħsara lill-saħħithom kif tispjega repetutament l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO). Ma’ dan żid l-impatti tat-Terminal tal-Port Ħieles, kuljum, xi drabi lejl u nhar. Xi drabi diffiċli biex tissaporti. Meta wara ġurnata xogħol tfittex il-mistrieħ u ma issibux, tkun ilħaqt il-limitu tal-paċenzja.  

Dan it-tniġġiż xi kultant jitnaqqas ftit bħala riżultat ta’ titjib fl-iżviluppi teknoloġiċi. Imma huwa ċar li sostanzjalment, Birżebbuġa, ser tibqa’ tgħum fl-istorbju.

Iż-żona residenzjali Tal-Papa f’Birżebbuġa hi l-iktar waħda effettwata mill-istorbju ġġenerat mill-ajruplani u mit-Terminal tal-Port Ħieles. Hi ukoll iż-zona l-iktar viċin tat-trakka għat-tlielaq tal-karozzi.   Apparti ż-żona Tal-Papa li qegħda ġol-limiti tal-iżvilupp hemm ukoll il-komunità residenzjali ċkejkna ta’ Bengħajsa kif ukoll numru żgħir ta’ residenzi rurali: fihom ukoll jgħixu in-nies!  

Iz-zona residenzjali Tal-Papa qegħda 1,500 metru biss il-bogħod mit-trakka proposta. Hemm numru ta’ residenzi rurali, barra miz-zona tal-iżvilupp li huma ferm iktar viċin tat-trakka minn hekk.  

L-art li fuqha hemm il-proposta għal trakka tat-tlielaq tal-karozzi illum hi parti miż-żona industrijali ta’  Ħal-Far. Issa jidher li anke l-Malta Industrial Parks ser tibda tilgħab il-logħob elettorali. Mhix xi ħaġa normali li l-Malta Industrial Parks tirrilaxxja art li tifforma parti minn żona industrijali. Għall-ebda raġuni! L-unika żvilupp li jista’ jsir fuq art ta’ din ix-xorta hu żvilupp industrijali. Il-bqija mhux aċċettabbli għax imur kontra dak li jipprovdi l-pjan lokali.  Is-saltna tad-dritt tapplika għall-ippjanar tal-użu tal-art ukoll: għar-regoli u r-regolamenti tal-ippjanar. Il-Pjani Lokali m’għandhomx jibqgħu jġebbdu fihom. Giebuhom agħar miċ-chewing gum.

L-iżvilupp tat-trakka għat-tlielaq tal-karozzi fuq l-art li ġiet indikata ser iwassal għal tniġġiż sostanzjali mill-ħsejjes ġġenerati li ser ikollhom impatt fuq iż-żona residenzjali f’Birżebbuġa li hi viċin ħafna. Miżuri ta’ mitigazzjoni jistgħu jnaqqsu xi ftit dawn l-impatti, imma dawn l-impatti sostanzjalment ser jibqgħu hemm, idejqu lir-residenti.

Is-sit hu diġa użat għat-tlielaq fi tmiem il-ġimgħa. L-istorbju ġġenerat f’dawn il-ġranet jasal anke sa Ħal-Safi u Ħal-Kirkop, aħseb u ara sa Birżebbuġa. Residenti infurmawni li xi drabi l-attività konnessa mat-tlielaq tal-karozzi ġieli damet sas-sagħtejn ta’ fil-għodu. Lir-residenti, id-dilettanti tat-tlielaq tal-karozzi dejjem ġew għala biebhom minnhom!  Hu ftit diffiċli li wieħed jifhem kif jistgħu jibdlu l-imġiebha tagħhom issa.

It-tniġġiż ikkawżat mill-ħsejjes ser ikollu ukoll impatt fuq iż-żona ta’ importanza ekoloġika li qegħda fil-viċin ħafna. Issa ser ikun possibli li naraw kif dawk li jmexxu l-ERA, l-awtorità li tħares l-ambjent, jitgħawġu ġanċ biex jippruvaw jiġġustifikaw dak li mhux ġustifikabbli.

Safejn naf jien, f’Malta ma hawn l-ebda sit li jista’ jakkomoda b’mod raġjonevoli t-trakka proposta għat-tlielaq tal-karozzi mingħajr ma tikkawża impatti negattivi fuq in-nies jew fuq l-ambjent jew it-tnejn. Malta żgħira fid-daqs u iktar ma nirrealizzaw dan malajr iktar ċans li tieqaf issir il-ħsara permezz ta’ proġetti li ma hawnx spazju għalihom. In parti dan hu l-prezz li jeħtieg li nħallsu għal nuqqas ta’ ippjanar tul is-snin.

Kemm il-PN kif ukoll il-PL jappoġġaw dan il-ġenn. It-tnejn li huma jitgħawġu ġanċ biex jappoġġaw dawn il-proposti. Sal-lum ma iddejqux li jissagrifikaw il-kwalità tal-ħajja tar-residenti ta’ Birżebbuġa biex jissodisfaw il-lobby tat-tiġrijiet tal-karozzi.  Il-komunità residenzjali ta’ Birżebbuġa ilha taqla’ ġo fiha.  Li l-Gvern ikompli jżid ma dan hu inuman. Birżebbuġa ser tispiċċa minn ġot-taġen għal ġon-nar.

Huwa biss b’membri parlamentari ħodor minn ADPD fil-Parlament li jmiss li nistgħu nibdew nindirizzaw dawn l-abbużi. Il-PLPN ma jinteresshomx mill-kwalità tal-ħajja tan-nies imma biss mill-poter!

ippubblikat fuq Illum: Il-Ħadd 3 t’Ottubru 2021

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s