Il-President George Vella u l-ittra ta’ riżenja ta’ Joseph Muscat

The Shift News qed jirrappurtaw li talbu r-rilaxx tal-ittra ta’ riżenja li Joseph Muscat, dakinnhar Prim Ministru, għadda lill-President tar-Repubblika. It-talba saret taħt il-Freedom of Information Act.

Il-President tar-Repubblika ċaħad it-talba u spjega għaliex kien qed jagħmel hekk. It-tweġiba tiegħu hi inkwetanti iktar miċ-ċaħda innifisha.

The Shift News qed jgħidu li t-tweġiba li waslet għandhom mingħand il-President tar-Repubblika kienet tgħid li mhux ġustifikat il-pubblikazzjoni tal-ittra ta’ riżenja għax kieku dan kellu jsir il-ħsara li issir tiżboq bil-bosta il-benefiċċju tal-pubblikazzjoni tal-informazzjoni.

Issa jiena naħseb li ħadd, għajr min kitibha u min irċieviha, ma jaf x’fiha l-ittra. Imma t-tweġiba tal-President tar-Repubblika tagħti lil wieħed x’jifhem li l-ittra fiha spjegazzjoni dettaljata dwar x’wassal għar-riżenja li tmur lil hinn minn dak li nafu diġa.

Jiena għandi kull rispett lejn il-President tar-Repubblika imma naħseb li hu żbaljat. Hu fl-interess pubbliku li l-ittra tkun ippubblikata bla dewmien. Mhux kompitu tal-President tar-Repubblika li jiċċensura informazzjoni ta’ importanza politika.

Meta Joseph ħassu ħażin

Nhar l-14 t’Ottubru 2017 Joseph Muscat waqt attività fil-Lukanda Le Meridien f’San Ġiljan ħassu ħażin. The Shift News kien irrapporta dak li ġara u staqsa għalfejn ħadd ma kien ta’ spjegazzjoni dwar dan, meta fil-passat kien hemm diversi drabi meta d-Dipartiment tal-Informazzjoni ħareġ bulletin mediku anke fuq affarijiet minuri.

Jumejn wara li Joseph Muscat ħassu ħażin, Daphne Caruana Galizia nqatlet.

Din il-ġimgħa huwa u jixhed Melvin Theuma dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galiza intqal li l-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia kellha titqiegħed xi ġranet qabel is-16 t’Ottubru 2017 imma minħabba li t-tlett imqabbdin iltaqgħu ma roadblock, ipposponew kollox.

Ikun interessanti kieku xi ħadd mill-HQ tal-Mafja f’Kastilja jispjega ftit.