Uġiegħ ta’ ras għal Manwel Mallia

Mallia & Scerri

 

Malta mhiex l-uniku pajjiż fejn is-Servizz tas-Sigurta’ hu l-kawża ta’ diskussjoni. Dan joħroġ min-natura tas-Servizz tas-Sigurta’ li hi neċessarjament waħda ta’ segretezza intiza biex tiġġieled kontra l-kriminalita’ organizzata kif ukoll kontra t-theddid għas-sigurta’ tal-istat. Is-Servizz ta’ Sigurta’ għandu ukoll poteri kbar, meħtieġa biex jitwettqu l-obbligi tas-Servizz. Imma tant huma poteri kbar li kullimkien (f’kull pajjiż) jistgħu jwasslu għal abbuż ta’ poter. Abbuż li xi drabi jibqa’ għaddej bla ma ħadd jinduna. Imma hemm drabi meta dawn l-abbużi nindunaw bihom u meta jiġri hekk hemm l-obbligu ta’ diskussjoni pubblika li għandhom iwasslu biex jittieħdu l-passi meħtieġa. Għax ħadd m’għandu jkun il-fuq mil-liġi, l-anqas is-Servizz tas-Sigurta’.

L-abbuż l-iktar komuni illum f’diversi pajjiżi mhux għax ittieħdet azzjoni partikolari flok oħra imma dwar il-mod kif issir sorveljanza għal ġbir ta’ informazzjoni fuq in-nies. Dwar l-informazzjoni li tinġabar u tinħażen u dwar in-nuqqas ta’ sensittivita’ għall-privatezza taċ-ċittadin.

Meta f’Malta ma kellniex Servizz ta’ Sigurta’ din il-funzjoni kienet issir mill-Pulizija: pulizija pajżana li ħafna drabi kienu jiffurmaw parti mid-Dipartiment tal-Investigazzjoni Kriminali fil-Korp tal-Pulizija, is-CID.  Attivita’ li kienet l-iżjed ovvja u dokumentata fir-rigward tal-“rvellijiet” fis-snin 50 u f’perjodi oħra mqanqlin tal-istorja Maltija. Anke’ dakinnhar kien hemm il-kontroversja dwar kemm minn din il-ħidma kienet sorveljanza kontra l-kriminalita’ u kemm minnha kienet sorveljanza politika. Linja fina li f’mumenti partikolari diffiċli ħafna biex issibha. Perjodu sensittiv għal kulħadd, li kien jirrikjedi l-għaqal ta’ min imexxi li ma jħallix l-entużjażmu żejjed ta’ uħud iwassal għal abbuż. Kemm dan sar fil-passat jew kemm qiegħed isir illum, fl-aħħar, hu ġudizzju li għad trid tgħaddih l-istorja.

Issa kulħadd jaqbel li fil-ħidma biex ikunu evitati delitti (kbar u żgħar) il-forzi tal-ordni, inkluż is-Servizz ta’ Sigurta, għandhom rwol importanti ħafna, inkluż li jiġbru l-informazzjoni neċessarja biex jagħmlu xogħolhom sewwa.

M’huwiex dejjem faċli li taqta’ linja bejn dak li hu neċessarju u aċċettabbli u dak li m’huwiex. L-informazzjoni l-anqas m’hi faċli biex tiksibha. Sakemm l-informazzjoni tista’ tiksibha billi tosserva dak li qed jiġri ftit hemm diffikultajiet. Id-diffikultajiet jibdew meta biex tinkiseb l-informazzjoni tkun meħtieġa li tixxellef il-privatezza taċ-ċittadini individwali. Dan jista’ jkun neċessarju, imma min ser jiddeċiedi meta hu neċessarju? Kontra dak li jiġri f’Malta fejn jiddeċiedi l-Ministru, normalment tkun il-Qorti li tiddeċiedi u tagħti l-permess biex issir sorveljanza u dan minħabba l-ħtieġa ta’ l-imparzjalita’ f’deċiżjoniiet bħal dawn. Il-Ministru mhux dejjem l-aħjar garanzija għall-imparzjalita’. Minkejja d-difetti ta’ uħud mill-ġudikanti, is-sistema ġudizzjarja f’Malta tul is-snin uriet li kapaċi f’mumenti ta’ diffikultajiet kbar isservi ta’ tarka għad-drittijiet ta’ kull wieħed u waħda minnha ferm iżjed minn uħud mill-politiċi.

Dan iżda mhux biżżejjed. Minħabba l-poteri enormi li għandhom is-Servizzi tas-Sigurta jeħtieġu li jkollhom min jissorveljhom kontinwament. Is-sorveljanza tas-Servizzi tas-Sigurta’ tirrikjedi enerġija u attenzjoni kbira.  Dan għandu jkun rifless fil-persuna li tintagħżel biex tagħmel din il-ħidma.

Is-soċjeta’ demokratika tirrikonoxxi li hemm ċirkustanzi fejn id-drittijiet individwali jistgħu jkunu imxelfin. Imma dan għandu jsir biss meta jkun meħtieġ għall-ġid komuni. Għalhekk hemm l-awtoritajiet u l-liġijiet biex kulħadd ikun jaf fejn hu.

M’huwiex aċċettabbli li s-Servizzi tas-Sigurta’ jintużaw għal skop ta’ politika partiġġjana bħalma ntużaw f’Ħal-Għaxaq f’Diċembru 2009. L-anqas m’għandhom ikollhom aċċess għal informazzjoni personali mingħajr ħtieġa u mingħajr awtorizzazzjoni. Jekk dan isirx jiddependi minn kemm inkunu viġilanti.

Hu għalhekk li Alternattiva Demokratika ilha tinsisti fuq il-ħtieġa ta’ drittijiet diġitali. Dan kien wieħed mill-punti li sħaqna dwaru waqt il-Kampanja Elettorali għall-Parlament Ewropew. Dakinnhar kemm il-PN kif ukoll il-PL baqgħu b’ħalqhom magħluq.  Anke l-media injorat l-issue dakinnhar. Għalhekk huwa ta’ sodisfazzjoni li issa hemm min beda jistenbaħ.

Qatt m’hu tard.

 

https://carmelcacopardo.wordpress.com/2014/06/25/meta-s-servizz-tas-sigurta-mar-hal-ghaxaq-14-ta-dicembru-2009/

Advertisements

Ħarsien tal-privatezza f’era diġitali

digitalprivacy1

 

Ix-xahar li għadda l-Qorti Ewropeja tal-Ġustizzja (ECJ) ħassret Direttiva tal-Unjoni Ewopeja (Data Retention Directive) li kienet tippermetti l-ħażna u l-użu ta’ data elettronika personali mill-awtoritajiet fl-istati membri. Dan l-ECJ għamlitu wara li kienet mitluba mill-għola Qrati fl-Irlanda u l-Awstrija biex teżamina din id-Direttiva minħabba numru ta’ kawżi dwar dan li kienu pendenti f’dawk il-pajjiżi.

Id-dinja diġitali hi l-fruntiera l-ġdida tad-drittijiet tagħna. Id-Direttiva imħassra (Data Retention Directive) kienet tagħti aċċess faċli għad-data diġitali personali kemm lill-Gvernijiet kif ukoll lill-Korporazzjonijiet. Il-Qorti Ewropeja tal-Ġustizzja fil-fatt qalet li, kif imfassla, din id-Direttiva tiġġenera is-sensazzjoni li l-ħajja personali tagħna hi taħt sorveljanza kontinwa.

Minħabba d-dipendenza tagħna fuq it-teknolġija diġitali kif applikata, per eżempju, fit-telefonija kif ukoll bl-użu kontinwu tal-internet, kull wieħed minna jħalli warajh traċċi kontinwi ta’ informazzjoni diġitali ta’ natura privata li jekk isir abbuż minna tista’ isservi ta’ theddida kontinwa għall-privatezza tagħna. Permezz tal-mobiles inħallu, per eżempju traċċi diġitali ta’ kull fejn inkunu f’kull ħin. Anke fuq l-internet, kif nafu ilkoll, inħallu warajna ħafna informazzjoni dwarna infusna. Ħafna minn din l-informazzjoni tista’ ma tfisser xejn, imma inħallu warajna ukoll, xi drabi bla ma nafu ħafna informazzjoni privata sensittiva. Min irid jabbuża minn din l-informazzjoni fil-fatt għandu fejn jixxala.

Ovvjament din it-tip ta’ informazzjoni jista’ jkollha użu importanti fil-ġlieda kontra l-kriminalita’. Imma daqskemm hi utli fil-ġlieda kontra l-kriminalita, daqstant ieħor tista’ issir ħsara jekk din l-informazzjoni, essenzjalment ta’ natura privata tiġi f’idejn u tintuża minn min m’għandux jedd għaliha.

Anke’ meta l-istat qiegħed jiġġieled kontra l-kriminalita’ m’għandu l-ebda jedd li jinjora d-drittijiet tagħna. F’kuntest diġitali l-iktar li jsir emfasi hu fuq il-privatezza tad-data kif ukoll li s-sidien tad-data huma n-nies individwali. Dan ifisser li la l-istat u l-anqas il-Korporazzjonijiet m’għandu jkollhom xi jedd assolut fuq informazzjoni diġitali ta’ natura privata. Fi ftit kliem la is-sigurta’ nazzjonali u l-anqas il-kummerċ m’għandhom iservu ta’ skuża biex fid-dinja diġtali jitnaqqru id-drittijiet tagħna.

Huwa essenzjali li f’din l-era diġitali kull ċittadin ikun imħares minn sorveljanza żejda mill-Gvernijiet u l-Korporazzjonijiet. L-informazzjoni personali la hi tal-istat u l-anqas tal-korporazzjonijiet. Għaldaqstant la l-istat u l-anqas il-korporazzjonijiet m’għandu jkollhom drittijiet fuq din l-informazzjoni li hi tagħna u mhux tagħhom.

Alternattva Demokratika u l-Ħodor Ewropej qegħdin fuq quddiem nett f’din il-ġlieda biex id-drittijiet diġitali tagħna jkunu imħarsa.

 

Ippubblikat fuq iNews it-Tlieta 6 ta’ Mejju 2014