Meta jfittxu l-passi tagħna

Big Brother is listening

Kellu jkun rapport tal-Vodafone dwar l-operazzjonijiet tagħha globali li nissel interess tal-istampa lokali dwar il-fatt li s-servizzi tas-sigurta’ f’Malta għandhom jew jista’ jkollhom aċċess għat-telefonati tagħna u/jew għal informazzjoni relatata għal dawn it-telefonati.

Dan l-aċċess hu permess mil-liġi kemm fil-ġlieda kontra l-kriminalita’ kif ukoll biex tiġi difiża s-sigurta’ tal-istat.

Ħadd m’hu jikkontesta li s-servizzi tas-sigurta’ għandu jkollhom dan id-dmir.

Id-diffikulta hi dwar x’kontrolli u x’verifika issir biex ikun assigurat illi jkun ġustifikat li jkun hemm dan l-aċċess. Il-liġi Maltija tagħti din l-awtorita’ lill-Ministru responsabbli mis-Servizz tas-Sigurta. Li qed jiġi propost fid-dibattitu pubbliku li qed jiżviluppa hu li m’għandux jibqa’ jkollu l-awtorita’ li jiddeċiedi jekk is-servizzi tas-sigurta’ għandux ikollhom dan l-aċċess, iżda li din l-awtorita’ għandha tgħaddi f’idejn il-Qrati. Għandhom ikunu l-Qrati ta’ Malta li jirċievu talba għal aċċess għal informazzjoni konnessa mat-telefonati u għandhom ikunu huma li jgħarblu jekk dan l-aċċess huwiex meħtieġ u neċessarju.

Dan id-dibattitu jinkwadra fid-dibattitu usa dwar id-dritt li għandu kull ċittadin għal privatezza tad-data diġitali privata dwaru, liema argument Alternattiva Demokratika żviluppat waqt il-kampanja elettorali għall-Parlament Ewropew. Sfortunatament, dakinnhar, kemm il-partiti politiċi l-oħra kif ukoll il-gazzetti u mezzi tax-xandir baqgħu siekta. Ftit ġimgħat ilu dan is-suġġett ma kien jinteressa lil ħadd!

Tajjeb li niftakru li l-Qorti Ewropeja tal-Ġustizzja fil-bidu t’April 2014 ħassret Direttiva Ewropeja dwar għal kemm żmien il-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni għandhom iżommu data diġitali kif ukoll dwar min u kif għandu jkollu aċċess għal din id-data [Data Retention Directive]. Il-Qorti Ewropeja fil-waqt li fehmet il-ħtieġa li fl-interess tal-ġlieda kontra l-kriminalita jkun hemm aċċess mill-forzi tal-ordni ma qablitx li kien hemm biżżejjed garanziji għall-privatezza taċ-ċittadin.

Tajjeb li niftakru li minn żmien għal żmien ikun hemm allegazzjonijiet li l-forzi tas-sigurta’ jkunu abbużaw minn dan id-dritt ta’ aċċess. Per eżempju dan l-aħħar ġejna mfakkra li kien hemm dan is-suspett waqt il-kampanja referendarja dwar id-divorzju in konnessjoni mat-telfon ċellulari ta’ Varist Bartolo kif ukoll dak ta’ Jeffrey Pullicino Orlando.

Kien hemm każ ieħor li s’issa għadu ma ngħatx spjegazzjoni sodisfaċenti dwaru. Ma nafx kemm tiftakru x’ġara nhar it-Tnejn 14 ta’ Diċembru 2009, dakinnhar li Franco Debono ma kienx mar għal votazzjoni l-Parlament imbagħad f’daqqa waħda tfaċċa fil-Parlament skortat.

L-Orizzont ta’ nhar il-Ġimgħa 18 ta’ Diċembru 2009 kienet ippubblikat  artiklu investigattiv ta’ John Pisani intitolat : “Intuża apparat tas-Servizz Sigriet biex instab Franco Debono nhar it-Tnejn. MISSJONI IMPOSSIBLI.”

Il-Gvern, dakinnhar kien ċaħad, imma din iċ-ċaħda ma kienet ikkonvinċiet lil ħadd.

Nistgħu nissugraw li jkun possibli li l-istat jispjuna fuqna b’dan il-mod?

 ippubblikat fuq iNews nhar it-Tlieta 24 ta’ Ġunju 2014

Ħarsien tal-privatezza f’era diġitali

digitalprivacy1

 

Ix-xahar li għadda l-Qorti Ewropeja tal-Ġustizzja (ECJ) ħassret Direttiva tal-Unjoni Ewopeja (Data Retention Directive) li kienet tippermetti l-ħażna u l-użu ta’ data elettronika personali mill-awtoritajiet fl-istati membri. Dan l-ECJ għamlitu wara li kienet mitluba mill-għola Qrati fl-Irlanda u l-Awstrija biex teżamina din id-Direttiva minħabba numru ta’ kawżi dwar dan li kienu pendenti f’dawk il-pajjiżi.

Id-dinja diġitali hi l-fruntiera l-ġdida tad-drittijiet tagħna. Id-Direttiva imħassra (Data Retention Directive) kienet tagħti aċċess faċli għad-data diġitali personali kemm lill-Gvernijiet kif ukoll lill-Korporazzjonijiet. Il-Qorti Ewropeja tal-Ġustizzja fil-fatt qalet li, kif imfassla, din id-Direttiva tiġġenera is-sensazzjoni li l-ħajja personali tagħna hi taħt sorveljanza kontinwa.

Minħabba d-dipendenza tagħna fuq it-teknolġija diġitali kif applikata, per eżempju, fit-telefonija kif ukoll bl-użu kontinwu tal-internet, kull wieħed minna jħalli warajh traċċi kontinwi ta’ informazzjoni diġitali ta’ natura privata li jekk isir abbuż minna tista’ isservi ta’ theddida kontinwa għall-privatezza tagħna. Permezz tal-mobiles inħallu, per eżempju traċċi diġitali ta’ kull fejn inkunu f’kull ħin. Anke fuq l-internet, kif nafu ilkoll, inħallu warajna ħafna informazzjoni dwarna infusna. Ħafna minn din l-informazzjoni tista’ ma tfisser xejn, imma inħallu warajna ukoll, xi drabi bla ma nafu ħafna informazzjoni privata sensittiva. Min irid jabbuża minn din l-informazzjoni fil-fatt għandu fejn jixxala.

Ovvjament din it-tip ta’ informazzjoni jista’ jkollha użu importanti fil-ġlieda kontra l-kriminalita’. Imma daqskemm hi utli fil-ġlieda kontra l-kriminalita, daqstant ieħor tista’ issir ħsara jekk din l-informazzjoni, essenzjalment ta’ natura privata tiġi f’idejn u tintuża minn min m’għandux jedd għaliha.

Anke’ meta l-istat qiegħed jiġġieled kontra l-kriminalita’ m’għandu l-ebda jedd li jinjora d-drittijiet tagħna. F’kuntest diġitali l-iktar li jsir emfasi hu fuq il-privatezza tad-data kif ukoll li s-sidien tad-data huma n-nies individwali. Dan ifisser li la l-istat u l-anqas il-Korporazzjonijiet m’għandu jkollhom xi jedd assolut fuq informazzjoni diġitali ta’ natura privata. Fi ftit kliem la is-sigurta’ nazzjonali u l-anqas il-kummerċ m’għandhom iservu ta’ skuża biex fid-dinja diġtali jitnaqqru id-drittijiet tagħna.

Huwa essenzjali li f’din l-era diġitali kull ċittadin ikun imħares minn sorveljanza żejda mill-Gvernijiet u l-Korporazzjonijiet. L-informazzjoni personali la hi tal-istat u l-anqas tal-korporazzjonijiet. Għaldaqstant la l-istat u l-anqas il-korporazzjonijiet m’għandu jkollhom drittijiet fuq din l-informazzjoni li hi tagħna u mhux tagħhom.

Alternattva Demokratika u l-Ħodor Ewropej qegħdin fuq quddiem nett f’din il-ġlieda biex id-drittijiet diġitali tagħna jkunu imħarsa.

 

Ippubblikat fuq iNews it-Tlieta 6 ta’ Mejju 2014