Rapport ippubblikat fl-Orizzont ta’ nhar il-Ġimgħa 18 ta’ Diċembru 2009 kien jgħid hekk:
ESKLUSSIV: Intuża apparat tas-Servizz Sigriet biex instab Franco Debono
MISSJONI POSSIBBLI!
miktub minn John Pisani
Il-paniku li ħakem in-naħa tal-Gvern nhar it-Tnejn li għadda fil-Parlament meta ma setax jinstab id-Deputat Franco Debono wassal biex tintalab l-għajnuna urġenti tas-Servizz Sigriet Malti (MSS) ħalli seta’ jiġi lokalizzat. Il-każ kompla jinkwieta lill-Partit Nazzjonalista l-aktar wara r-rapporti tal-bieraħ fil-midja, fosthom l-orizzont, fejn ġie żvelat li l-Prim Ministru Lawrence Gonzi u martu Kate marru personalment fir-residenza tal-Avukat Debono f’Ħal Għaxaq. Sorsi li tkellmu magħna qalu li meta t-Tnejn kien se jittieħed il-vot fil-Parlament u d-Deputat Nazzjonalista deher ħiereġ mill-bini tal-Parlament, il-paniku kien ċar minħabba li l-Gvern ma kellux maġġoranza. Wara għadd ta’ tentattivi biex jinstab, partikolarment mill-Whip David Agius, li rriżultaw kollha fin-negattiv u bil-ħin għaddej, xi ħadd iddeċieda li tintalab l-assistenza tas-Serivzz Sigriet biex permezz ta’ apparat sofistikat jiġi lokalizzat l-Avukat Debono. Is-sorsi qalulna li dan l-apparat li għandhom l-MSS kapaċi jintraċċa l-post eżatt tal-mowbajl tal-individwu u jkunu jafu, jekk is-sett tal-mowbajl ikun fuqu, fejn ikun dak il-ħin. Kif Franco Debono kien interċettat marru għalih l-istess Pulizija tas-Servizz Sigriet.
X’aktarx li Debono jew ma kienx jaf li jeżisti dan l-apparat jew qatt ma stenna li l-Partit Nazzjonalista kien daqshekk iddisprat li kellu jirrikori għas-Servizz Sigriet biex jittieħed lura lejn il-Parlament. Dan jiġġustifika għaliex Franco Debono deher fiżakment jirtogħod u palidu waqt li kien dieħel fil-Parlament. Kif twassal fil-Palazz tal-President deher jitkellem mad-Deputati Nazzjonalisti Jesmond Mugliett, Robert Arrigo u Jeffrey Pullicino Orlando u wara resaq lejhom David Agius. Wieħed mill-membri tas-Servizz Sigriet baqa’ jistenna isfel filwaqt li ieħor deher għal xi ħin qrib it-taraġ li jagħti għall-Kamra tar-Rappreżentanti imma telaq minn hemm wara li kien hemm diversi persuni jħarsu lejh u ħassu skomdu. Is-sorsi qalulna li dawn iż-żewġ Pulizija baqgħu hemm sakemm intemmet is-seduta kollha tal-Parlament u sakemm ittieħed l-aħħar vot bi Franco Debono fil-Kamra li vvota favur il-Gvern u ma kienx hemm bżonn il-vot tal-Ispeaker Louis Galea biex salva wiċċ il-Gvern.
Ippubblikajt l-artiklu sħiħ mingħajr kummenti.
Għaddew kważi ħames snin minn dawn l-avvenmenti. Għad hemm ħafna mistoqsijiet mhux imwieġba. L-iktar waħda importanti hi dwar min ser jipproteġi lilna ċ-ċittadini minn dan it-tip ta’ Servizz tas-Sigurta’ użat mhux fl-interess tal-pajjiż iżda fl-interess politiku ta’ min imexxi?
Dan il-każ dwar meta s-Servizz tas-Sigurta’ mar Ħal-Għaxaq hu eżempju wieħed. Min jaf x’hemm iktar u li s-issa mhux magħruf.
ara ukoll: https://carmelcacopardo.wordpress.com/2013/07/01/is-servizz-tas-sigurta-fmalta-u-l-politika-partigjana/