Il-marċ tal-kaċċaturi kontra d-drittijiet demokratiċi

Michael Falzon hunter

 

Għada t-Tnejn il-kaċċaturi ser jimmarċjaw il-Belt Valletta biex jippreżentaw petizzjoni lill-Parlament.

Il-petizzjoni li ser tkun ippreżentata f’isimhom mis-Segretarju Parlamentari u kaċċatur Michael Falzon titlob li jitnaqqas id-dritt tar-referendum. Il-kaċċaturi huma tal-fehma illi għandhom isiru emendi għall-liġi tar-referendum biex ikomplu jonqsu l-possibilitajiet fejn il-votanti jkunu jistgħu jsejħu referendum abrogattiv.

Il-proposta tal-kaċċaturi hi waħda li timmira li tnaqqas id-drittijiet demokratiċi fil-pajjiż. Il-kaċċaturi jidher li ma jaqblux illi jittieħdu deċiżjonijiet b’mod demokratiku billi nivvutaw dwarhom. Minflok il-kaċċaturi jippreferu li d-deċiżjonijiet jittieħdu fi kmamar magħluqin fejn deċiżjonijiet politiċi jitpartu ma voti ta’ appoġġ lil partit politiku jew ieħor. Żmien dawn it-tip ta’ konfoffi għadda.

Fejn il-Parlament wera ruħu impotenti li jieħu deċiżjonijiet importanti bħal dik dwar il-kaċca fir-rebbiegħa ma hemm l-ebda triq oħra għajr dik tar-referendum abrogattiv.

Mhiex triq faċli. Fil-fatt sal-lum hi triq li qatt ma intuzat. L-użu tagħha huwa biss f’każi eċċezzjonali fejn il-Parlament wera, tul is-snin, illi huwa impotenti.