It-turiżmu: benefiċċji biss?

Malta Tourism Authority

 

Illum it-Tnejn, fil-Parlament ġew diskussi l-estimi tad-dħul u l-ħruġ tal-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu.

Bħalma aħna mdorrijin nisimgħu, sena wara l-oħra, smajna fuq records ta’ numri ta’ turisti li żaru Malta.  Matul l-2013, qalilna Edward Żammit Lewis, Ministru tat-Turiżmu, ġew f’Malta 1,500,000 turist, żieda ta’ 9.6% fuq l-2012. Dan kien ifisser nefqa ta’ biljun euro f’Malta. Dħul tajjeb għal Malta li jsostni eluf ta’ impiegi.

Ikun tajjeb ukoll iżda jekk f’diskussjoni ta’ din ix-xorta napprezzaw ukoll li t-turiżmu għandu impatt mhux żgħir fuq l-ambjent. Ras għal ras kull turist għandu impatt ambjentali 50% iktar minn residenti permanenti f’Malta.

Dan l-impatt ifisser li ras għal ras turist jikkonsma iktar ilma u iktar elettriku kuljum. Ifisser ukoll li jiġġenera iktar skart u iktar tniġġis. Ħuwa importanti li jsir sforz ikbar milli sar s’issa biex dan l-impatt jonqos.

Huwa xieraq li nirrikonoxxu li diġa saru sforzi kbar. Anke mil-lukandi infushom. Permezz tal-Malta Business Bureau u b’għajnuna mill-Unjoni Ewropeja qed jiġi indirizzat il-konsum tal-ilma. Bosta lukandi ħadu jew qed jieħdu passi. Diversi diġa naqqsu b’mod mhux żgħir il-konsum tagħhom tal-ilma. Tajjeb, għax b’inqas konsum ta’ ilma mill-industrija tat-turiżmu żdied il-qliegħ tal-industrija u tnaqqas impatt ambjentali.

Hemm bżonn inżidu l-isforz, mhux biss dwar l-ilma, iżda dwar l-oqsma l-oħra kollha ta’ impatti ambjentali.