Mistiedna fi Franza tal-President Francois Hollande diversi mexxejja Soċjalisti ta’ Gvernijiet fl-Unjoni Ewropeja qed jaqblu li l-immigrazzjoni għandha tingħata iktar importanza.
Qalulna ukoll li l-operazzjoni Mare Nostrum immexxija mill-Gvern Taljan għandha tgħaddi f’idejn il-Frontex. Il-Gvern Malti jaqbel ma dan u ser jagħti l-appoġġ kollu tiegħu. Li kieku jseħħ hekk ikun tajjeb. Issa jekk dan isirx jew le ma nafx. Imma anke’ jekk isir, il-proċess ta’ salvataġġ huwa biss parti żgħira minn dak li għandu jsir. Wara li l-immigranti jkunu salvati x’ser jiġri? Hemm qegħda l-problema l-kbira. Dwaha ma hemmx qbil. Min irid il-push-backs u min ma jrid jagħmel xejn.
Issa ħa nkun ċar: jidher li hemm qbil minn Jean Claude Junker li l-Kummissjoni Ewropeja immexxija minnu tagħti prijorita’ lill-immigrazzjoni. M’għandix dubju li ser jipprova jagħmel hekk. Fid-diskussjoni issemmiet il-ħtieġa ta’ politika olistika dwar l-immigrazzjoni. Junker wiegħed ukoll li ser jeżamina l-proposta tal-Ħodor għall-bdil fir-regoli ta’ Dublin.
Imma biex jittieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa huma l-Gvernijiet li jridu jiċċaqalqu u mhux il-Kummissjoni Ewropeja biss. Il-Kummissjoni tul is-snin għamlet bosta proposti. Iżda l-passi l-quddiem kienu ftit u bil-mod.
Il-laqgħa ta’ Pariġu hi pass tajjeb. Iżda xi tfisser fil-fatt għad irridu naraw meta niġu għad-deċiżjonijiet. Pariġi kienu presenti rappreżentanti minn 10 pajjiżi, meta fl-Unjoni Ewropeja hemm 28 pajjiż! Kif jaħsbuha it-18-il pajjiż l-ieħor?
Fil-passat kemm il-Gvernijiet immexxija mis-Soċjalisti kif ukoll dawk immexxija mid-Demokristjani jew mill-Liberali dejjem qagħdu lura milli jaċċettaw li l-immigrazzjoni hi problema tal-pajjiżi kollha fl-Unjoni Ewropeja, u mhux biss ta’ dawk fuq il-fruntiera. Jekk is-Soċjalisti hux ser jibdlu it-triq għad irridu naraw.
Meta kienu Malta f’Mejju li għadda kemm Martin Schultz kif ukoll Jean Claude Junker tkellmu b’mod li jpoġġihom viċin ħafna tal-posizzjoni tal-Ħodor fil-Parlament Ewropew.
Jekk dak kienx tejatrin, għad irridu naraw.