Meta s-Servizz tas-Sigurta mar Ħal-Għaxaq: 14 ta’ Diċembru 2009

Ghaxaq Centre

l-orizzont

 

Rapport ippubblikat fl-Orizzont ta’ nhar il-Ġimgħa 18 ta’ Diċembru 2009 kien jgħid hekk:

ESKLUSSIV: Intuża apparat tas-Servizz Sigriet biex instab Franco Debono

MISSJONI POSSIBBLI!

miktub minn John Pisani

 

Il-paniku li ħakem in-naħa tal-Gvern nhar it-Tnejn li għadda fil-Parlament meta ma setax jinstab id-Deputat Franco Debono wassal biex tintalab l-għajnuna urġenti tas-Servizz Sigriet Malti (MSS) ħalli seta’ jiġi lokalizzat. Il-każ kompla jin­kwieta lill-Partit Naz­zjonalista l-aktar wara r-rapporti tal-bieraħ fil-midja, fosthom l-orizzont, fejn ġie żvelat li l-Prim Ministru Lawrence Gonzi u martu Kate marru personalment fir-residenza tal-Avukat Debono f’Ħal Għaxaq. Sorsi li tkellmu magħna qalu li meta t-Tnejn kien se jittie­ħed il-vot fil-Parlament u d-Deputat Nazzjo­nalista deher ħiereġ mill-bini tal-Parlament, il-paniku kien ċar min­ħab­ba li l-Gvern ma kellux maġġoranza. Wara għadd ta’ ten­tattivi biex jinstab, par­ti­ko­lar­ment mill-Whip David Agius, li rriżultaw kollha fin-negattiv u bil-ħin għaddej, xi ħadd iddeċieda li tintalab l-assistenza tas-Serivzz Sigriet biex permezz ta’ apparat sofistikat jiġi lokalizzat l-Avukat Debono. Is-sorsi qalulna li dan l-apparat li għandhom l-MSS kapaċi jintraċċa l-post eżatt tal-mowbajl tal-individwu u jkunu jafu, jekk is-sett tal-mowbajl ikun fuqu, fejn ikun dak il-ħin. Kif Franco Debono kien interċettat marru għalih l-istess Pulizija tas-Servizz Sigriet.

X’aktarx li Debono jew ma kienx jaf li jeżisti dan l-apparat jew qatt ma stenna li l-Partit Nazzjonalista kien daqshekk iddisprat li kellu jirrikori għas-Servizz Sigriet biex jittieħed lura lejn il-Parlament. Dan jiġġustifika għaliex Franco Debono deher fiżakment jirtogħod u palidu waqt li kien dieħel fil-Parlament. Kif twassal fil-Palazz tal-President deher jitkellem mad-Deputati Nazzjonalisti Jesmond Mugliett, Robert Arrigo u Jeffrey Pullicino Orlando u wara resaq lejhom David Agius. Wieħed mill-membri tas-Servizz Sigriet baqa’ jistenna isfel filwaqt li ieħor deher għal xi ħin qrib it-taraġ li jagħti għall-Kamra tar-Rappreżentanti imma telaq minn hemm wara li kien hemm diversi persuni jħarsu lejh u ħassu skomdu. Is-sorsi qalulna li dawn iż-żewġ Pulizija baqgħu hemm sakemm intemmet is-seduta kollha tal-Parlament u sakemm ittieħed l-aħħar vot bi Franco Debono fil-Kamra li vvota favur il-Gvern u ma kienx hemm bżonn il-vot tal-Ispeaker Louis Galea biex salva wiċċ il-Gvern.

 

Meta jfittxu l-passi tagħna

Big Brother is listening

Kellu jkun rapport tal-Vodafone dwar l-operazzjonijiet tagħha globali li nissel interess tal-istampa lokali dwar il-fatt li s-servizzi tas-sigurta’ f’Malta għandhom jew jista’ jkollhom aċċess għat-telefonati tagħna u/jew għal informazzjoni relatata għal dawn it-telefonati.

Dan l-aċċess hu permess mil-liġi kemm fil-ġlieda kontra l-kriminalita’ kif ukoll biex tiġi difiża s-sigurta’ tal-istat.

Ħadd m’hu jikkontesta li s-servizzi tas-sigurta’ għandu jkollhom dan id-dmir.

Id-diffikulta hi dwar x’kontrolli u x’verifika issir biex ikun assigurat illi jkun ġustifikat li jkun hemm dan l-aċċess. Il-liġi Maltija tagħti din l-awtorita’ lill-Ministru responsabbli mis-Servizz tas-Sigurta. Li qed jiġi propost fid-dibattitu pubbliku li qed jiżviluppa hu li m’għandux jibqa’ jkollu l-awtorita’ li jiddeċiedi jekk is-servizzi tas-sigurta’ għandux ikollhom dan l-aċċess, iżda li din l-awtorita’ għandha tgħaddi f’idejn il-Qrati. Għandhom ikunu l-Qrati ta’ Malta li jirċievu talba għal aċċess għal informazzjoni konnessa mat-telefonati u għandhom ikunu huma li jgħarblu jekk dan l-aċċess huwiex meħtieġ u neċessarju.

Dan id-dibattitu jinkwadra fid-dibattitu usa dwar id-dritt li għandu kull ċittadin għal privatezza tad-data diġitali privata dwaru, liema argument Alternattiva Demokratika żviluppat waqt il-kampanja elettorali għall-Parlament Ewropew. Sfortunatament, dakinnhar, kemm il-partiti politiċi l-oħra kif ukoll il-gazzetti u mezzi tax-xandir baqgħu siekta. Ftit ġimgħat ilu dan is-suġġett ma kien jinteressa lil ħadd!

Tajjeb li niftakru li l-Qorti Ewropeja tal-Ġustizzja fil-bidu t’April 2014 ħassret Direttiva Ewropeja dwar għal kemm żmien il-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni għandhom iżommu data diġitali kif ukoll dwar min u kif għandu jkollu aċċess għal din id-data [Data Retention Directive]. Il-Qorti Ewropeja fil-waqt li fehmet il-ħtieġa li fl-interess tal-ġlieda kontra l-kriminalita jkun hemm aċċess mill-forzi tal-ordni ma qablitx li kien hemm biżżejjed garanziji għall-privatezza taċ-ċittadin.

Tajjeb li niftakru li minn żmien għal żmien ikun hemm allegazzjonijiet li l-forzi tas-sigurta’ jkunu abbużaw minn dan id-dritt ta’ aċċess. Per eżempju dan l-aħħar ġejna mfakkra li kien hemm dan is-suspett waqt il-kampanja referendarja dwar id-divorzju in konnessjoni mat-telfon ċellulari ta’ Varist Bartolo kif ukoll dak ta’ Jeffrey Pullicino Orlando.

Kien hemm każ ieħor li s’issa għadu ma ngħatx spjegazzjoni sodisfaċenti dwaru. Ma nafx kemm tiftakru x’ġara nhar it-Tnejn 14 ta’ Diċembru 2009, dakinnhar li Franco Debono ma kienx mar għal votazzjoni l-Parlament imbagħad f’daqqa waħda tfaċċa fil-Parlament skortat.

L-Orizzont ta’ nhar il-Ġimgħa 18 ta’ Diċembru 2009 kienet ippubblikat  artiklu investigattiv ta’ John Pisani intitolat : “Intuża apparat tas-Servizz Sigriet biex instab Franco Debono nhar it-Tnejn. MISSJONI IMPOSSIBLI.”

Il-Gvern, dakinnhar kien ċaħad, imma din iċ-ċaħda ma kienet ikkonvinċiet lil ħadd.

Nistgħu nissugraw li jkun possibli li l-istat jispjuna fuqna b’dan il-mod?

 ippubblikat fuq iNews nhar it-Tlieta 24 ta’ Ġunju 2014