Ġie jew ma ġiex iffirmat il-kuntratt biex jibda x-xogħol għall-power station f’Delimara li ser taħdem bil-gass?
Is-skiet tal-Gvern jindika li mhux kollox miexi kif mixtieq jew ippjanat.
Online hemm informazzjoni dwar waħda mill-kumpaniji li jiffurmaw parti mill-konsorzju li rebaħ is-sejħa għall-offerti : Gasol plc.
L-Electrogas Malta Consortium huwa magħmul mis-Siemens Project Ventures GMBH (20%), SOCAR Trading SA (20%), Gasol plc (30%) u GEM Holdings Ltd (30%).
Il-Malta Today nhar l-14 ta’ Mejju 2014 kienet irrappurtat illi l-Gasol plc kienet diġa ħadet f’isimha parti mill-ishma tas-sussidjarja tal-Korporazzjoni Enemalta, Malta Power and Gas Limited, liema sussidjara hu mistenni li tibni u tmexxi l-impjant li ser jaħdem bil-gass f’Delimara.
Imma issa ninsabu nfurmati li l-Gasol plc tinsab f’diffikultajiet, u li l-ishma tal-Gasol plc ħadu tisbita ta’ 56% fil-valur.
Dawn huma affarijiet serji ħafna għax jirriflettu fuq is-saħħa finanzjarja ta’ sieħeb ewlieni tal-konsortium. Xi ħadd għandu l-obbligu li jispjega x’inhu jiġri.