Jiena u għaliex il-“LE” tiegħi. mill-Orizzont tal-lum (Charles Flores)

ipp

Żgur li ma nistax ningħad bħala xi għadu tal-kaċċa jew tal-kaċċaturi. Apparti li għandi ħbieb antiki li kienu u għadhom joħorġu għall-kaċċa, għamilt żmien nikteb sensiela ta’ stejjer fir-rivista “Il-Passa”.

Il-karattru ewlieni kien Ġierku, kaċċatur mimli ħlewwa u sempliċità li iżda kien iservi tal-aqwa eżempju għal sħabu kollha tar-raħal bir-responsabbiltà soċjali li kien juri saħansitra fejn jidħlu l-ħlejjaq itiru.

Eventwalment, l-istejjer inġabru fi ktieb bl-isem ta’ “Ġierku Ma Jmut Qatt” li, modestja apparti, mar tajjeb ħafna fis-suq tant li stejjer minnu għadhom ikunu mislutin biex jintużaw f’testijiet u eżamijiet ta’ skejjel kemm tal-Gvern kif ukoll tal-privat. It-tir tiegħi (mhux minn xi senter, naturalment) kien biex nuri li kaċċatur hawn Malta jista’ jibqa’ jgawdi d-delizzju tiegħu b’responsabbiltà u b’għaqal.

Fl-istess nifs nemmen li l-kaċċa mhix xi delizzju li jista’ jkollu futur kemm-il darba l-ġenerazzjonijiet il-ġodda jibdew jifhmu aktar li l-ħajja għandha siwi mhux għalina l-bnedmin biss imma għall-ħlejjaq kollha. M’aħniex nitkellmu fuq it-tiġmigħ tal-bolli jew ix-xiri u l-bejgħ tal-għamara antika, iżda fuq il-qtil ta’ annimali u tjur tad-demm ul-laħam bħalna. Ma noqgħodx nidħol ukoll fir-ruħ, għax mhux kulħadd jemmen biha.

Għaldaqstant ħassejt mill-ewwel id-dmir tiegħi li nuri kif ser nivvota fir-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa. LE. Il-vot tiegħi, maqtugħ għal kollox minn xi rbit jew influwenzi politiċi, mhux meqjus biex tispiċċa l-kaċċa, iżda espressament biex ma ssirx kaċċa fir-rebbiegħa. Li l-kaċċa tispiċċa għal kollox trid titħalla f’idejn ġenerazzjonijiet futuri permezz ta’ proċess edukattiv li bejn wieħed u ieħor digà beda.

Hawn taħt ser nagħti lista sħiħa ta’ 16-il raġuni l-għaliex ma naħsibx li għandha ssir il-kaċċa fl-iktar staġun li fih jitnisslu u jiġġeddu speċi.

Fir-rebbiegħa n-natura żżejjinna bil-kuluri u l-ħlejjaq tagħha, aktar minn staġuni oħra.

Il-kampanja timtela bit-twapet tal-fjuri ta’ kull kulur – kollha b’xejn, mhux bħal dawk importati li qed jinżergħu fir-rawndebawts u fin-nofs tat-triqat!

Anke l-fawna tidher aktar kotrana minħabba li dan l-istaġun ikun eħfef għalihom biex jgħixu u joktru, waqt li oħrajn imorru jorqdu minħabba x-xhur sħan.

L-għasafar iħejju biex huma ukoll jgħammru u jkunu jistgħu joktru.

L-għasafar jitilqu mill-Afrika fejn ikunu qattgħu x-xitwa biex jerġgħu lura lejn l-Ewropa fejn hemm jibnu l-bejtiet u jnisslu l-frieħ.

Fl-Afrika jkunu waslu fil-ħarifa meta jitilqu mill-Ewropa fejn il-klima tkun kesħet u l-ikel ikun inqas, u bi sforzi kbar imorru lejn l-Afrika fejn isbu aktar ikel u klima aktar ħanina magħhom. M’għandniex xi ngħidu li mhux kollha jirnexxilhom jaslu hemm minħabba n-numru kbir ta’ perikli li jiltaqgħu magħhm fi triqithom, fosthom kaċċaturi minn kull pajjiż fl-Ewropa.

Dawn il-perikli jerġgħu jiltaqgħu magħhom meta jkunu ġejjin lura lejn l-Ewropa biex ibejtu.

Fl-Ewropa jsibu ma wiċċhom diffikultajiet oħra bħal bexx ta’ pestiċidi li joqtol l-ikel tagħhom u li jista’ jeqred lilhom ukoll. Isibu ma wiċċhom ukoll it-telf tal-ambjent.

Kull għasfur, anke l-gamiem u s-summien, jiżżewġu biex jibnu bejta. Il-gamiem li jirnexxilhom ibejtu jista’ jkollhom tal-inqas żewġt’ifrieħ fi staġun.

Imma mhux il-bejtiet kollha jsalvaw. Uħud ma jfaqqsux il-bajd, oħrajn jintilfu wara li jfaqqsu u ma jirnexxilhomx itiru, u oħrajn ma jirnexxilhomx jgħixu biex, meta jasal żmienhom, wara  li jaqsmu l-Ewropa u l-Mediterran sal-Afrika għal darbtejn, huma wkoll ibejtu.

Wara li jlestu mill-bejta u l-frieħ itiru, kif toqrob il-ħarifa il-ħarifa jlestu biex jerġgħu jpassu lejn l-Afrika.

Għalhekk biex gamiema jew summiena bħall-għasafar kollha li jpassu, tasal biex tbejjet trid tpassi darbtejn mill-Ewropa sal-Afrika – darba fil-ħarifa u oħra lura lejn l-Ewropa – u jekk jirnexxilha tegħleb id-diffikultajiet kollha, tkun tista’ tbejjet.

Naħseb li diffiċli li wieħed jifhem id-diffikultà biex l-għasafar li jpassu għandhom biex ibejtu u jkomplu jitnisslu l-ispeċi tagħhom, biex l-ispeċi tagħhom tibqa’ magħna u ma tinqeridx.

Huwa daqshekk diffiċli li wieħed jgħinhom biex bla problemi jaslu biex ibejtu fir-rebbiegħa, u mbagħad fil-ħarifa jerġgħu lura mal-frieħ tagħhom? Jekk jaslu tnejn fl-Ewropa hem mil-possibilità li jinżlu erbgħa.

Dan huwa mhux biss ta’ sodisfazzjon għal dawk li verament iħobbu l-għasafar, imma għall-bniedem lib l-intelliġenza u r-responsabbiltà tiegħu jkun qed jgħin u jagħti sehmu biex jagħmilha aktar faċli li l-għasafar ikomplu jaqsmu din id-dinja magħna.

Dan il-prinċipju li wieħed għandu jgħin lill-għasafar meta jkunu telgħin biex ibejtu, juri sens ta’ responsabbiltà kbira. Jgħinu lill-għasafar, l-ambjent naturali, is-soċjetà, u anke lil daw li għadhom iħobbu jisparawlhom fil-ħarifa għax ikun hemm ferm aktar.    

(l-artiklu mbagħad ikompli dwar suġġett ieħor)

Kif ippubblikat f’ L-orizzont tas-Sibt 14 ta’ Frar 2015

L-iskandlu tal-Leisure Clothing: meta l-Gvern ta’ Lawrence Gonzi raqad.

sleeping beauty

 

Norman Vella, fil-blog tiegħu Mill-Venda, kiteb artiklu intitolat : L-iskandlu Leisure Clothing: Fil-GWU kien hemm min ilu jaf (30 t’Ottubru). Skond Norman Vella “xi snin ilu ġurnalist tal-gazzetta L-Orizzont kien beda jinvestiga l-abbuż tal-ħaddiema Ażjatiċi fil-fabbrika tal-Leisure Clothing. Dak iż-żmien fil-Gvern kien hemm il-Partit Nazzjonalista.”

L-emfasi ta’ Norman Vella fl-artiklu tiegħu hi li Tony Zarb tal-GWU jekk irid jista’ jkollu l-informazzjoni kollha mingħand il-ġurnalisti tal-Union Press. Hemm ukoll l-issue taċ-ċensura tal-ġurnalisti tal-Union Press mit-tmexxija tal-GWU.

Norman Vella fl-artiklu dwar l-abbużi fil-Leisure Clothing imkien ma jgħidilna għalfejn raqad il-Gvern tal-Lawrence Gonzi.

Kif inhu possibli li dakinnhar, ħlief il-ġurnalisti tal-GWU (li ġew iċċensurati) ħadd ma nduna b’xejn? Il-Gvern ta’ Lawrence Gonzi : kien rieqed u ma nduna b’xejn jew għalaq għajnejh? Liema minnhom?

Forsi l-ġurnaliżmu investigattiv ta’ Joe Mikallef tan-Nazzjon ikun jista’ jagħtina risposta. Jista’ jintervista lill-Ministri tax-Xogħol kollha li kellna tul is-snin li l-Leisure Clothing ilha topera f’Malta (mis-snin 80). Għaliex ħadd ma induna b’xejn tul dawn is-snin kollha?

F’wieħed mill-artikli ippubblikati fin-Nazzjon, Joe Mikallef qalilna li fl-2007 kien hemm investigazzjoni dwar il-Leisure Clothing liema investigazzjoni ma sabet xejn. Ikun interessanti li jkun eżaminat jekk dik l-investigazzjoni kienitx waħda li saret bis-serjeta’.  Jew forsi l-abbużi żviluppaw wara l-2007?

Issa naraw ftit jekk il-ġurnaliżmu investigattiv ta’ Joe Mikallef tan-Nazzjon hux ser jgħidilna ftit dwar dan ukoll.

Kummissarju għal Malta fi Brussels: raġel jew mara?

Orizzont.300814.cahda KVella

 

Il-ġimgħa l-oħra fl-Orizzont ġie miċħud li kien hemm xi ħsieb li l-Gvern Malti jibdel in-nomina ta’ Karmenu Vella għal Kummissarju Ewropew billi jinnomina mara għall-ħatra floku. L-Orizzont f’artiklu ippubblikat nhar is-Sibt 30 t’Awwissu 2014 iffirmat minn Jake Azzopardi w intitolat Miċħud rapport li ser tiġi nominata mara flok Karmenu Vella jirraporta dak li qal ġurnal fil-Croatia u jiċħad l-istess rapport.

It-Times tal-bieraħ it-Tlieta 2 ta’ Settembru 2014 iġġib il-boċċa ftit iktar qrib il-likk. Tgħidilna li qed issir pressjoni fuq il-Gvern Malti biex flok Karmenu Vella jinnomina mara bħala Kummissarju Ewropew. Din il-pressjoni qed issir mhux biss fuq il-Gvern Malti imma ukoll fuq diversi Gvernijiet oħra. Jean-Claude Junker irid ta’ l-inqas 9 Kummissarji nisa minn fost is-27 Kummissarju li flimkien miegħu ser jiffurmaw il-Kummissjoni Ewropeja l-ġdida. S’issa għad m’għandux 9 Kummissarji nisa. Għandu 6 biss  u ċjoe l-Kummissarji nominati mid-Danimarka, mill-Iżvezja, ir-Repubblika Ċeka, l-Italja, Ċipru u l-Bulgarija. Jonqsu ta’ l-inqas tlett Kummissarji nisa oħra u għalhekk qed issir pressjoni “diplomatika” mit-team ta’ madwar Junker fuq diversi pajjiżi, fosthom fuq Malta biex tinbidel in-nomina ta’ Karmenu Vella. Għax Malta hu wieħed minn dawk il-pajjiżi li sal-lum qatt ma nnominaw mara ghall-post ta’ Kummissarju Ewropew.

Waqt il-kampanja għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropeja Jean-Claude Junker wiegħed lill-Membri tal-Parlament Ewropew li fil-Kummissjoni mmexxija minnu mhux ser ikun hemm inqas nisa milli kien hemm fil-Kummissjoni Barroso II. Issa din il-wegħda qatt ma seta jkun f’posizzjoni li jwettaqha għax in-nomini ma jsirux minnu, iżda mill-Gvernijiet. Imma din id-dikjarazzjoni kienet “commitment” politiku ta’ Junker li issa jidher li qed  tinkwetah.

Fil-Parlament Ewropew il-Ħodor u s-Soċjalisti diġa iddikjaraw li jekk ma jkunx hemm biżżejjed nisa maħtura fuq il-Kummissjoni Ewropeja ma kiexux lesti biex jivvutaw favur il-Kummissjoni. Il-Liberali għal raġunijiet oħra ukoll iddikjaraw vot kuntrarju. Bil-konservattivi, il-lemin estrem, l-ewroxettiċi u oħrajn ukoll jivvutaw kontra l-approvazzjoni tal-Kummissjoni, Jean-Claude Junker jista’ jkun li qiegħed f’diffikulta li jkollu l-Kummissjoni approvata u għaldaqstant qed jipprova jsalva dak li jista’. Għalhekk il-pressjoni fuq il-Gvern Malti biex flok Karmenu Vella tkun innominata mara. Għax mingħajr ta’ l-inqas 9 Kummissarji nisa, jista’ jkun hemm il-periklu li l-Kummissjoni ma tkunx approvata mill-Parlament Ewropew.

Id-diffikulta’ li għandu Joseph Muscat hi li hu għaġġel wisq biex ħatar lil Karmenu Vella. Hu ovvju li l-ħatra ta’ Karmenu Vella saret minħabba l-ħtiġijiet taċ-ċess politiku lokali. Kif wara kollox isir f’pajjiżi oħra ukoll.

Seta, kieku ried, Joseph Muscat ħalla d-deċiżjoni għal iktar tard biex ikollu stampa iktar kompleta ta’ x’jaqbel mhux biss għalih u għall-Partit Laburista, imma ukoll x’jaqbel għall-pajjiż. Hemm xi pajjiżi li għamlu eżattament hekk u ppreżentaw in-nomina tagħhom f’dawn l-aħħar jiem.

Matul il-ġimgħa d-dieħla inkunu nafu liema huma dawk il-pajjiżi li reġgħu ħasbuha u bagħtu mara flok raġel fil-Kummissjoni Ewropeja. Minkejja ċ-ċaħdiet kollha li saru hu possibli li wara kollox Karmenu jibqa’ Birżebbuġa u Brussels imur xi ħaddieħor floku. Jiddependi minn ħafna affarijiet. Fi Brussels għandhom ħabta kif dak li jidher impossibli jsir ftehim dwaru f’ħakka t’għajn, minkejja dak kollu li jkun ilu jingħad!

Imma dwar x’ser jiġri eżatt irridu nistennew ftit ieħor. Wara kollox anke Joseph jista’ jibdel l-opinjoni tiegħu jekk jidhirlu li jkun hemm raġuni valida biex jagħmel dan.

Karmenu Vella + EU

Meta s-Servizz tas-Sigurta mar Ħal-Għaxaq: 14 ta’ Diċembru 2009

Ghaxaq Centre

l-orizzont

 

Rapport ippubblikat fl-Orizzont ta’ nhar il-Ġimgħa 18 ta’ Diċembru 2009 kien jgħid hekk:

ESKLUSSIV: Intuża apparat tas-Servizz Sigriet biex instab Franco Debono

MISSJONI POSSIBBLI!

miktub minn John Pisani

 

Il-paniku li ħakem in-naħa tal-Gvern nhar it-Tnejn li għadda fil-Parlament meta ma setax jinstab id-Deputat Franco Debono wassal biex tintalab l-għajnuna urġenti tas-Servizz Sigriet Malti (MSS) ħalli seta’ jiġi lokalizzat. Il-każ kompla jin­kwieta lill-Partit Naz­zjonalista l-aktar wara r-rapporti tal-bieraħ fil-midja, fosthom l-orizzont, fejn ġie żvelat li l-Prim Ministru Lawrence Gonzi u martu Kate marru personalment fir-residenza tal-Avukat Debono f’Ħal Għaxaq. Sorsi li tkellmu magħna qalu li meta t-Tnejn kien se jittie­ħed il-vot fil-Parlament u d-Deputat Nazzjo­nalista deher ħiereġ mill-bini tal-Parlament, il-paniku kien ċar min­ħab­ba li l-Gvern ma kellux maġġoranza. Wara għadd ta’ ten­tattivi biex jinstab, par­ti­ko­lar­ment mill-Whip David Agius, li rriżultaw kollha fin-negattiv u bil-ħin għaddej, xi ħadd iddeċieda li tintalab l-assistenza tas-Serivzz Sigriet biex permezz ta’ apparat sofistikat jiġi lokalizzat l-Avukat Debono. Is-sorsi qalulna li dan l-apparat li għandhom l-MSS kapaċi jintraċċa l-post eżatt tal-mowbajl tal-individwu u jkunu jafu, jekk is-sett tal-mowbajl ikun fuqu, fejn ikun dak il-ħin. Kif Franco Debono kien interċettat marru għalih l-istess Pulizija tas-Servizz Sigriet.

X’aktarx li Debono jew ma kienx jaf li jeżisti dan l-apparat jew qatt ma stenna li l-Partit Nazzjonalista kien daqshekk iddisprat li kellu jirrikori għas-Servizz Sigriet biex jittieħed lura lejn il-Parlament. Dan jiġġustifika għaliex Franco Debono deher fiżakment jirtogħod u palidu waqt li kien dieħel fil-Parlament. Kif twassal fil-Palazz tal-President deher jitkellem mad-Deputati Nazzjonalisti Jesmond Mugliett, Robert Arrigo u Jeffrey Pullicino Orlando u wara resaq lejhom David Agius. Wieħed mill-membri tas-Servizz Sigriet baqa’ jistenna isfel filwaqt li ieħor deher għal xi ħin qrib it-taraġ li jagħti għall-Kamra tar-Rappreżentanti imma telaq minn hemm wara li kien hemm diversi persuni jħarsu lejh u ħassu skomdu. Is-sorsi qalulna li dawn iż-żewġ Pulizija baqgħu hemm sakemm intemmet is-seduta kollha tal-Parlament u sakemm ittieħed l-aħħar vot bi Franco Debono fil-Kamra li vvota favur il-Gvern u ma kienx hemm bżonn il-vot tal-Ispeaker Louis Galea biex salva wiċċ il-Gvern.

 

Meta jfittxu l-passi tagħna

Big Brother is listening

Kellu jkun rapport tal-Vodafone dwar l-operazzjonijiet tagħha globali li nissel interess tal-istampa lokali dwar il-fatt li s-servizzi tas-sigurta’ f’Malta għandhom jew jista’ jkollhom aċċess għat-telefonati tagħna u/jew għal informazzjoni relatata għal dawn it-telefonati.

Dan l-aċċess hu permess mil-liġi kemm fil-ġlieda kontra l-kriminalita’ kif ukoll biex tiġi difiża s-sigurta’ tal-istat.

Ħadd m’hu jikkontesta li s-servizzi tas-sigurta’ għandu jkollhom dan id-dmir.

Id-diffikulta hi dwar x’kontrolli u x’verifika issir biex ikun assigurat illi jkun ġustifikat li jkun hemm dan l-aċċess. Il-liġi Maltija tagħti din l-awtorita’ lill-Ministru responsabbli mis-Servizz tas-Sigurta. Li qed jiġi propost fid-dibattitu pubbliku li qed jiżviluppa hu li m’għandux jibqa’ jkollu l-awtorita’ li jiddeċiedi jekk is-servizzi tas-sigurta’ għandux ikollhom dan l-aċċess, iżda li din l-awtorita’ għandha tgħaddi f’idejn il-Qrati. Għandhom ikunu l-Qrati ta’ Malta li jirċievu talba għal aċċess għal informazzjoni konnessa mat-telefonati u għandhom ikunu huma li jgħarblu jekk dan l-aċċess huwiex meħtieġ u neċessarju.

Dan id-dibattitu jinkwadra fid-dibattitu usa dwar id-dritt li għandu kull ċittadin għal privatezza tad-data diġitali privata dwaru, liema argument Alternattiva Demokratika żviluppat waqt il-kampanja elettorali għall-Parlament Ewropew. Sfortunatament, dakinnhar, kemm il-partiti politiċi l-oħra kif ukoll il-gazzetti u mezzi tax-xandir baqgħu siekta. Ftit ġimgħat ilu dan is-suġġett ma kien jinteressa lil ħadd!

Tajjeb li niftakru li l-Qorti Ewropeja tal-Ġustizzja fil-bidu t’April 2014 ħassret Direttiva Ewropeja dwar għal kemm żmien il-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni għandhom iżommu data diġitali kif ukoll dwar min u kif għandu jkollu aċċess għal din id-data [Data Retention Directive]. Il-Qorti Ewropeja fil-waqt li fehmet il-ħtieġa li fl-interess tal-ġlieda kontra l-kriminalita jkun hemm aċċess mill-forzi tal-ordni ma qablitx li kien hemm biżżejjed garanziji għall-privatezza taċ-ċittadin.

Tajjeb li niftakru li minn żmien għal żmien ikun hemm allegazzjonijiet li l-forzi tas-sigurta’ jkunu abbużaw minn dan id-dritt ta’ aċċess. Per eżempju dan l-aħħar ġejna mfakkra li kien hemm dan is-suspett waqt il-kampanja referendarja dwar id-divorzju in konnessjoni mat-telfon ċellulari ta’ Varist Bartolo kif ukoll dak ta’ Jeffrey Pullicino Orlando.

Kien hemm każ ieħor li s’issa għadu ma ngħatx spjegazzjoni sodisfaċenti dwaru. Ma nafx kemm tiftakru x’ġara nhar it-Tnejn 14 ta’ Diċembru 2009, dakinnhar li Franco Debono ma kienx mar għal votazzjoni l-Parlament imbagħad f’daqqa waħda tfaċċa fil-Parlament skortat.

L-Orizzont ta’ nhar il-Ġimgħa 18 ta’ Diċembru 2009 kienet ippubblikat  artiklu investigattiv ta’ John Pisani intitolat : “Intuża apparat tas-Servizz Sigriet biex instab Franco Debono nhar it-Tnejn. MISSJONI IMPOSSIBLI.”

Il-Gvern, dakinnhar kien ċaħad, imma din iċ-ċaħda ma kienet ikkonvinċiet lil ħadd.

Nistgħu nissugraw li jkun possibli li l-istat jispjuna fuqna b’dan il-mod?

 ippubblikat fuq iNews nhar it-Tlieta 24 ta’ Ġunju 2014

Mhux biss l-imħallfin ……………..

moneylaundering

L-ewwel aħbar interessanti ippubblikata din is-sena hi ta’ investigazzjoni fl-Italja dwar ħasil ta’ flus. Ir-rapporti ġew ippubblikati fil-media tal-GWU, fl-Orizzont u f’iNews u jirrigwardaw żewg persuni afdati sewwa mill-Gvern ta’ Lawrence Gonzi. Żewġ persuni li kienu għodda li intużaw fid-diversi postijiet fejn inħatru matul dawn l-aħħar snin.

Il-posizzjoni li għadhom qed jokkupaw dawn iż-żewġ persuni fil-Malta Enterprise u Transport Malta jirrikjedu azzjoni immedjata min-naħa tal-Gvern.

Mhux biss l-imħallfin jixħtu d-dellijiet meta jkunu taħt investigazzjoni!

Dalgħodu fuq l-Orizzont

L-Orizzont illum għoġobhom jippubblikaw kummentarju dwar il-każ tal-isptar St Philip ibbażata fuq dak li nikteb fuq il-blog tiegħi.  Dik hi għażla tagħhom u għandhom kull dritt li jagħmlu hekk għax l-informazzjoni hi aċċessibli b’mod liberu.

L-Orizzont jippreferu jirreferu għalija bħala ex-President tal-PN (kont fil-fatt President tal-Kunsill Amministrattiv tal-PN fis-snin 90) imma jinsew li illum jiena Viċi Chairman ta’ Alternattiva Demokratika. Dan ma jagħmluħx bi svista iżda b’intenzjoni politika li jnaqqsu referenzi kemm jistgħu għal Alternattiva Demokratika.

Qaluli ukoll li fuq Tvam dal-għodu b’intervista fuq it-telefon Frank Portelli kullma qal kien li jiena qed jikkritikah għax ma’ għamiltx ix-xogħol jien dwar valutazzjoni ta’ propjeta konnessa mal-isptar. It-tweġiba tiegħi lil Frank hi waħda sempliċi. Kont nagħmlu iktar serju minn hekk.  Jiena f’dak li għidt illimitajt ruħi għall-fatti li bil-gżuż ta’ ġurnalisti investigattivi jiġru mas-saqajn qiesu ħadd ma nduna bihom! Jew jekk indunaw għamlu ta’ bir-ruħhom li ma ndunawx.

Dak li qed jiġri in konnessjoni mal-Isptar St Philip’s hu tal-mistħija u kont nistenna li persuna li kontinwament titkellem fuq il-ħtieġa ta’ tmexxija sewwa (good governanace) tkun konsistenti.

Dak li ktibt dwaru jiena, sfortunatament il-ġurnalisti stabiliti injorawh għal ġimgħat sħaħ. Ikun tajjeb kieku jwieġbu ftit u jispjegaw għaliex qadu jistennew lili u l-blog tiegħi!

Verament ġurnaliżmu fuq kollox!

Il-qawsalla skond Varist

 

 

Fl-Orizzont illum Evarist Bartolo, Membru Parlamentari Laburista kiteb artiklu intitolat Ħomor u ħodor … iżjed mill-blù!

 

Ma jgħid xejn ġdid iżda jagħmel riflessjoni ftit negattiva : jara l-ħomor u l-ħodor bħala alleati inevitabbli minħabba konverġenza ta’ ħsieb fuq materji bħall-ġustizzja soċjali, żvilupp ekonomiku, l-ħarsien ambjentali u l-libertajiet ċivili. Dan jiddikjarah fil-kuntest ta’ għan dikjarat li l-PN ma jkunx fil-Gvern.

 

Huwa dibattibbli jekk hux veru jew le li hemm konverġenza ta’ ħsieb. Għax huwa biss issa li l-MLP qed jitkellem fuq issues li ilhom snin esklussivament fuq l-aġenda politika ta’ Alternattiva Demokratika. L-MLP għal snin sħaħ ipprefera li joqgħod ħalqu magħluq għax beża li jitlef il-voti. U issa qed jiftah ftit ħalqu bit-tama li jappella għal dawk li jivvutaw AD. Kwistjoni ta’ konvenjenza pura, u xejn iktar.

 

Varist ma jitkellimx fuq materji importanti. Per eżempju ma jgħid xejn dwar il-fatt li l-Partit Laburista qabel mas-sistema elettorali preżenti sakemm ħaseb li jista’ jiggwadanja minna hu ! L-emendi kostituzzjonali ta’ qabel l-aħħar elezzjoni li bihom ġiet iggarantita l-proporzjonalita stretta liż-żewġ partiti (PN u MLP) u injorat lill-bqija saret bil-kunsens unanimu tal-MLP, inkluż bil-vot ta’ Varist fil-Parlament. Jiġifieri s-sistema elettorali preżenti m’hiex responsabbilta’ unika tal-PN iżda miegħu għandu l-MLP kompliċi fil-beraħ.

 

Għax minkejja dak li jgħid Varist l-MLP bħal PN jemmen f’sistema bi-polari. Jiġifieri sistema li tħalli spazju għal żewġ partiti biss. Għalhekk qed jirreferi meta jgħid “nemmen li jiena leħen fid-deżert”.

 

X’tiswa proposta ta’ alleanza programmatika meta din tiġi minn ħdan partit li kontinwament bil-mod kif jaħdem jippreżenta ruħu bħala l-uniku leħen alternattiv : jew miegħu jew kontrieh ?

 

Fl-elezzjonijiet għall-Parlament  Ewropew ta’ 4 snin ilu Alternattiva Demokratika kisbet 23,000 vot u fl-aħħar elezzjoni ġenerali ftit iktar minn 3,800 vot. Dawn huma kollha voti li jirrikonoxxu li AD għandha identita tagħha, differenti minn dik tal-Partiti l-oħra.

 

Jiġifieri l-ewwel pass li jridu jagħmlu l-partiti l-oħra huwa li jirrikonoxxu dan u ma jibqgħux għaddejjin b’politika li tbeżża’. Huwa inutli li nitkellmu fuq il-pluraliżmu jekk fejn l-iktar meħtieġ, jiġifieri fil-Parlament, l-MLP u l-PN jibqgħu jagħmlu minn kollox biex joħonquħ.