Il-Gvern qed jipproponi li jestendi t-terminu tal-Kunsilli Lokali b’mod li l-elezzjoni tibda issir kull ħames snin mal-elezzjoni għall-Parlament Ewropew.
Naqbel perfettament tant li fl-2008 meta Alternattiva Demokratika issottomettiet proposti għal riforma tal-Kunsilli Lokali għamlet eżattament din il-proposta. Dakinnhar il-Kunsilli Lokali kellhom ħajja ta’ tlett snin.
Fl-2008, f’dokument datat 11 ta’ Settembru 2008 AD kienet ipproponiet dan li ġej:
“Alternattiva Demokratika taqbel illi l-atmosfera ta’ elezzjoni permanenti li hawn fil-pajjiż in parti minħabba l-elezzjoni kull sena ta’ terz mill-Kunsilli Lokali m’hiex posittiva. Il-perjodu ta’ tlett snin li għalih huwa elett Kunsill Lokali huwa meqjus ukoll bħala ftit qasir u għandu jitwal. AD taqbel li t-terminu tal-Kunsilli Lokali għandu jiżdied għal ħames snin biex l-elezzjoni tagħhom tkun tista’ tibda issir flimkien mal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. B’hekk ikun hemm elezzjoni waħda f’Malta u Għawdex għall-Kunsilli Lokali kollha darba kull ħames snin.”
Il-Gvern, dakinnhar ma kienx qabel mal-proposta ta’ AD.