Kienet aħbar tajba dal-għodu li l-permess ambjentali tal-Port Ħieles inbidel biex ġie kif kien qabel ma ħolmu bit-tiswija tal-oil rigs u l-vapuri.
Il-MEPA ġimgħat ilu ħadu d-deċiżjoni li jpoġġu l-vantaġġ kummerċjali tal-Port Ħieles qabel dak li xtaqu r-residenti. Hekk iddeċidew. Ippruvaw ukoll kważi jgħadduna biż-żmien waqt il-laqgħa tal-Bord tal-MEPA meta l-każ kien qed jiġi ikkunsidrat.
Tlett membri tal-Bord tal-MEPA dakinnhar fehmu lin-nies u ivvutaw kontra l-permess ambjentali li kien jippermetti t-tiswijiet tal-oil rigs u l-vapuri. Insellmilhom. Lil Alex Vella mir-Ramblers li jwassal fuq il-Bord tal-MEPA il-leħen tal-għaqdiet ambjentali. Lil Ryan Callus (PN) u Joe Sammut (PL) li ukoll taw l-appoġġ tagħhom lir-residenti ta’ Birżebbuġa.
Ankè Joseph Muscat, Prim Ministru, dakinnhar kien iddikjara li d-deċiżjoni tal-Bord tal-MEPA ma kienitx aċċettabbli. Muscat, dakinnhar kien assoċja ruħu mal-posizzjoni li kien ħa Joe Sammut, membru Parlamentari Laburista fuq il-Bord tal-MEPA li kien ivvota kontra l-permess.
U issa?
Tajjeb li nirrejalizzaw li l-permess ġie irtirat fuq talba tal-Port Ħieles stess li irrealizza li ma setax jibqa’ jaħdem kontra l-volonta tar-residenti.
Jiġifieri l-MEPA m’għandha l-ebda mertu f’dak li qed jiġri. Li kien għal MEPA l-permess għadu hemm kif iddeċidew oriġinalment.
Jiena m’hu ser nitlob ir-riżenja ta’ ħadd. Billi m’għandhomx żejt f’wiċċhom, għalxejn nitlob li jirreżenjaw. Imma hu xieraq li l-Gvern jeżamina ftit x’tip ta’nies qed jaħtar fuq il-Bordijiet. Dan hu eżempju ċar li l-membri tal-Bord tal-MEPA, bl-eċċezzjoni ta’ Falzon, Callus u Sammut jiġu jaqgħu u jqumu min-nies. Tajjeb li jibqgħu jinħatru dawn it-tip ta’ nies? Naħseb li le. Iktar ma jwarrbu malajr, aħjar għal kulħadd.
_______________
Biex tara l-istorja kollha kif żviluppat ara l-blogposts segwenti fuq dan il-blog:
4 t’April 2014: Tarżna żgħira f’Birżebbuġa.
5 t’April 2014 : Oil rigs f’Birżebbuġa: Gvern li jipprova jgħaddik biż-żmien.
1 ta’ Mejju 2014: It-Tarżna fil-Port Ħieles.