IVF: ir-riżervi ta’ Alternattiva Demokratika dwar il-proposti li saru

Alternattiva Demokratika il-bieraħ ippubblikat dokument bil-fehmiet tagħha dwar il-proposti tal-Gvern biex jestendi is-servizz tal-IVF.

Il-proposti li saru mill-Gvern jestendu l-faċiltá eżistenti tal-iffrizar minn waħda użabbli f’ċirkustanzi eċċezzjonali għal użu normali, ineħħu l-limitazzjoni konnessi mal-ġeneru għal aċċess għas-servizz, joħloq per konsegwenza d-dritt ta’ donazzjoni kemm tal-isperma mingħand raġel kif ukoll ta’ bajd mingħand mara kif ukoll jippermettu li jkun hemm min joffri ruħu bħala sostitut (surrogate) flok l-omm biex iġġorr it-tarbija waqt it-tqala.

Alternattiva Demokratika iddikjarat li taqbel mal-linji ġenerali tal-proposti imma għandha numru ta’ riżervi importanti dwar dak li qiegħed jiġi propost.

Fil-qosor id-dokument ta’ Alternattiva Demokratika jagħmel dawn l-osservazzjonijiet

  1. Għandna nirrispettaw il-pluralità ta’ valuri etiċi fil-pajjiż u għaldaqstant għandu jkun possibli li persuna li għal raġunijiet ta’ kuxjenza ma taċċettax l-iffriżar tal-embrijuni jkollha l-opinjoni tagħha rispettata u per konsegwenza jkun possibli li tagħmel użu mis-servizz tal-IVF b’din il-limitazzjoni, (opt-out etiku mill-iffrizar): dan id-dritt għandu jkun rikonoxxut minn stat lajk;
  2. Li f’kull ħin għandu jkun rispettat id-dritt tal-informazzjoni, kemm tal-persuna li ser tirċievi d-donazzjoni tal-isperma jew il-bajda kif ukoll ta’ kull wild li jirriżulta, id-dritt tal-informazzjoni jfisser li l-identità ta’ min ikun qed jagħmel id-donazzjoni għandha tkun magħrufa kemm lil min ikun ser jirċievi d-donazzjoni, kif ukoll lill-ulied ġġenerati meta dawn jagħlqu is-16-il sena: is-segretezza mhiex aċċettabbli;
  3. Li hu neċessarju li jsir screening tal-isperma u l-bajda għal mard trasmess ġenetikament;
  4. Nifhmu li s-surrogacy qed tkun proposta bil-kundizzjoni li dan ma jkunx kummerċjalizzat, però għadu mhux ċar kif dan ser isir għax ġaladarba jkun infetaħ il-bieb ser ikun diffiċli li jkun hemm kontrolli effettivi tal-kummerċjalizzazzjoni;
  5. Il-proposta tal-addozzjoni tal-embrijuni ma jidhirx li tista’ tkun implimentata u teħtieġ diskussjoni iktar profonda.

Fid-dawl ta’ dan għandha jkun emfasizzata l-ħtieġa li f’soċjetá li tħaddan il-pluraliżmu etiku nirrispettaw iktar l-opinjonijiet ta’ xulxin. Ovvjament, l-iktar mumenti fejn hu meħtieġ dan ir-rispett hu fejn il-fehmiet jikkuntrastaw: għax fejn dawn jaqblu ma hemm bżonn l-ebda sforz!

Huwa meħtieġ li ma jkunx hemm għaġġla żejda fid-diskussjoni pubblika. Il-Gvern qed jgħaġġel ħafna u mhux jagħti biżżejjed ċans lill-opinjoni pubblika biex tiddiġerixxi biżżejjed dak li qed ikun propost. Għad hemm diversi punti li jeħtieġu iktar ħsieb għax is-soluzzjonijiet proposti mhux ċari. Ikun għaqli għall-Parlament li jidħol f’iktar dettall dwar l-implikazzjonijiet tas- soluzzjonijiet proposti u dan billi fost oħrajn jitlob direttament hu l-assistenza ta’ esperti biex jgħinuh jindirizza xi difetti tal-proposti li qed jipproponi l-Gvern.

Alternattiva Demokratika tittama li l-Parlament jagħmel xogħolu sewwa. L-ebda mandat elettorali ma jagħti lill-Gvern is-setgħa li jagħmel li jrid. Tajjeb li niftakru li għalkemm diffiċli biex jitħaddmu jeżistu rimedji f’kaz li l-Parlament jonqos mill-jagħmel xogħolu sewwa.