Ħarsien tal-privatezza f’era diġitali

digitalprivacy1

 

Ix-xahar li għadda l-Qorti Ewropeja tal-Ġustizzja (ECJ) ħassret Direttiva tal-Unjoni Ewopeja (Data Retention Directive) li kienet tippermetti l-ħażna u l-użu ta’ data elettronika personali mill-awtoritajiet fl-istati membri. Dan l-ECJ għamlitu wara li kienet mitluba mill-għola Qrati fl-Irlanda u l-Awstrija biex teżamina din id-Direttiva minħabba numru ta’ kawżi dwar dan li kienu pendenti f’dawk il-pajjiżi.

Id-dinja diġitali hi l-fruntiera l-ġdida tad-drittijiet tagħna. Id-Direttiva imħassra (Data Retention Directive) kienet tagħti aċċess faċli għad-data diġitali personali kemm lill-Gvernijiet kif ukoll lill-Korporazzjonijiet. Il-Qorti Ewropeja tal-Ġustizzja fil-fatt qalet li, kif imfassla, din id-Direttiva tiġġenera is-sensazzjoni li l-ħajja personali tagħna hi taħt sorveljanza kontinwa.

Minħabba d-dipendenza tagħna fuq it-teknolġija diġitali kif applikata, per eżempju, fit-telefonija kif ukoll bl-użu kontinwu tal-internet, kull wieħed minna jħalli warajh traċċi kontinwi ta’ informazzjoni diġitali ta’ natura privata li jekk isir abbuż minna tista’ isservi ta’ theddida kontinwa għall-privatezza tagħna. Permezz tal-mobiles inħallu, per eżempju traċċi diġitali ta’ kull fejn inkunu f’kull ħin. Anke fuq l-internet, kif nafu ilkoll, inħallu warajna ħafna informazzjoni dwarna infusna. Ħafna minn din l-informazzjoni tista’ ma tfisser xejn, imma inħallu warajna ukoll, xi drabi bla ma nafu ħafna informazzjoni privata sensittiva. Min irid jabbuża minn din l-informazzjoni fil-fatt għandu fejn jixxala.

Ovvjament din it-tip ta’ informazzjoni jista’ jkollha użu importanti fil-ġlieda kontra l-kriminalita’. Imma daqskemm hi utli fil-ġlieda kontra l-kriminalita, daqstant ieħor tista’ issir ħsara jekk din l-informazzjoni, essenzjalment ta’ natura privata tiġi f’idejn u tintuża minn min m’għandux jedd għaliha.

Anke’ meta l-istat qiegħed jiġġieled kontra l-kriminalita’ m’għandu l-ebda jedd li jinjora d-drittijiet tagħna. F’kuntest diġitali l-iktar li jsir emfasi hu fuq il-privatezza tad-data kif ukoll li s-sidien tad-data huma n-nies individwali. Dan ifisser li la l-istat u l-anqas il-Korporazzjonijiet m’għandu jkollhom xi jedd assolut fuq informazzjoni diġitali ta’ natura privata. Fi ftit kliem la is-sigurta’ nazzjonali u l-anqas il-kummerċ m’għandhom iservu ta’ skuża biex fid-dinja diġtali jitnaqqru id-drittijiet tagħna.

Huwa essenzjali li f’din l-era diġitali kull ċittadin ikun imħares minn sorveljanza żejda mill-Gvernijiet u l-Korporazzjonijiet. L-informazzjoni personali la hi tal-istat u l-anqas tal-korporazzjonijiet. Għaldaqstant la l-istat u l-anqas il-korporazzjonijiet m’għandu jkollhom drittijiet fuq din l-informazzjoni li hi tagħna u mhux tagħhom.

Alternattva Demokratika u l-Ħodor Ewropej qegħdin fuq quddiem nett f’din il-ġlieda biex id-drittijiet diġitali tagħna jkunu imħarsa.

 

Ippubblikat fuq iNews it-Tlieta 6 ta’ Mejju 2014

Dak li tiżra’ taħsad

Il-Qorti Ewropeja tal-Ġustizzja f’deċizjoni li tat nhar l-Erbgħa 22 ta’ Diċembru 2010 qalet li Malta kisret id-Direttiva dwar l-Ilma (Water Framework Directive) meta naqset milli tagħmel il-moniteraġġ neċessarju u tirrapporta dwaru.

It-Times tirrapporta illum fil-paġna 4 “Malta guilty of violating Water Framework Directive”. Irrappurtat l-istorja ukoll online nhar l-Erbgħa “One size fits all as EU Court convicts Malta” .

Qiegħed jingħad  illi dawn ir-regoli li saru fis-sena 2000 ma jgħoddux għal Malta.  Ngħid jien, allura, għaliex fin-negozjati għad-dħul ta’ Malta fl-EU ma tqajjimx dan il-punt kif tqajmu diversi oħra biex jieħdu in konsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari tal-pajjiż? Ir-realta hi li din hi biss skuża biex tgħatti inkompetenza grassa.  

Hemm ħafna mistoqsijiet x’jiġu imwieġba.

Din kienet responsabbilta’ tal-MEPA.

Ninsab infurmat li għal perjodu ta’ żmien  kien hemm min kien qiegħed iħejji biex isir il-moniteraġġ neċessarju. Imma min kien imexxi dak iż-żmien ġie jaqa’ u jqum tant li l-uffċjali inkarigati kienu irreżenjaw. Għax xebgħu jaħdmu f’ċirkustanzi li min kien imexxi ma kienx jinteressaħ li jisma’ u jsegwi l-pariri tekniċi.

Tajjeb ħafna li l-Gvern jgħid illi issa fi ħsiebu jikkoordina mal-Kummissjoni Ewropea biex isib mod prattiku ħalli tkun implimentata d-deċiżjoni tal-Qorti. Imma naħseb li kien ikun ħafna aħjar li kieku l-Gvern ta każ tal-pariri li kellu f’waqthom. Ninsab infurmat li anke’ pariri bil-miktub  hemm. Dawn kienu wissew illi it-traskuraġni u l-inkompetenza ser iwasslu għal dak li qed jiġri llum.

Għax dejjem bla eċċezzjoni dak li tiżra’ taħsad.