L-iscoop li tilef Salvu Balzan

 

Mela skond il-blogger Daphne Caruana Galizia xi ħadd fil-burdell FKK Acapulco fVelbert il-Ġermanja, li kien jifhem bil-Malti, qed jgħid li sema raġel jesklama (bil-Malti) dwar id-daqs tal-warrani ta waħda mill-prostituti.

Dan qed jingħad li kellu  wiċċ Che Guevara, tattoo mal-ġewnaħ ta spallejh. Mhux bħal Diego Armando Maradona li għandu t-tattoo ta Che Guevara fil-parti ta fuq ta driegħu.

Issa jiena ma nafx jekk l-Onorevoli Ministru Chris Cardona għandux it-tattoo ta Che Guevara mal-ġewnaħ ta spallejh. Ovvjament li jekk mgħandux dan it-tattoo ifisser li min qal li rah fil-burdell kien żbaljat!

Ikun ħafna konvinċenti iktar minn libel kieku Chris Cardona jurina l-ġewnaħ ta spallejh, għax jekk mgħandux l-ixbieha ta Che Guevara, kull min hu konvint li Cardona kien fil-burdell ikollu jibla kliemu.

Il-libelli li qal li ser jagħmel Cardona jistgħu jdumu is-snin. Imma spallejh jista jurihom għada fil-għodu billi jsejjaħ konferenza stampa u jinża l-qmis!

Imma jekk Cardona għandu dan it-tattoo, imbagħad iqumu iktar dubji dwar dak kollu li qed jgħid.

Ħasra li Salvu Balzan ma ġietux l-idea li jitlob lil Chris Cardona jinża l-qmis waqt Xtra ta nhar il-Ħamis fuq TVM. Kieku kien ikollu scoop tal-ostra!

Xtra ma jħares lejn wiċċ ħadd, imma lejn l-ispallejn naħseb li jista jħares ftit!

Advertisements

€20 miljun dejn tal-Partit Nazzjonalista: mhux affarik?

ann fenech

 

Fuq il-programm ta’ diskussjoni Reporter li jmexxi Salvu Balzan fuq TVM , Ann Fenech, meta mistoqsija minn Ian Borg dwar jekk hux veru illi l-Partit Nazzjonalista għandu €20 miljun dejn b’mod arroganti wieġbet: mhux affarik.

Ann Fenech hi żbaljata. Din l-informazzjoni hi affari ta’ kulħadd. Partit Politiku f’Malta li għandu €20 miljun dejn għandu problemi kbar, anke jekk għandu assi x’jagħmel tajjeb għal dan id-dejn. Hi informazzjoni li f’soċjetà demokratika hu neċessarju li tkun magħrufa .

Is-soċjetà għandha dritt li tkun taf xi pressjonijiet hemm fuq l-amministrazzjoni tal-partiti politiċi. Dejn ta’ dak il-kobor joħloq pressjoni kbira kemm fuq l-imġieba kif ukoll fuq id-deċizjonijiet ta’ dawk li huma responsabbli għalih.

Hi responsabbiltà etika tal-partiti politiċi li ma jaħbux din l-informazzjoni. Idealment kellu jkun il-partit nazzjonalista innifsu li jagħti din l-informazzjoni. Ir-rifjut li Ann Fenech twieġeb mistoqsija leġittima ta’ avversarju politiku hi attitudni arroganti.

Hu għalhekk li ġustament il-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi titfa l-obbligu fuq kull partit politiku reġistrat li jippreżenta l-kontijiet verifikati tiegħu kull sena. Dawn il-kontijiet verifikati ser ikunu pubbliċi.

Hi ħasra kbira li Ann Fenech, President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista qed tieħdu din l-attitudi arroganti.

 

Salvu Balzan u meta tiċċaqlaq id-dubbiena

Saviour Balzan

Ix-xhieda ta’ Salvu Balzan quddiem il-Kumitat għall-kontijiet pubbliċi tagħti l-istampa l-kbira tax-xibka mifruxa madwar il-Korporazzjoni Enemalta dwar l-iskandlu tax-xiri taż-żejt.

Hemm numru ta’ osservazzjonijiet validi ħafna li jagħmel Salvu Balzan.

L-osservazzjoni prinċipali hi bla dubju immirata lejn dawk li qatt ma jkunu jafu xejn meta għandhom il-fama li anke meta tiċċaqlaq dubbiena jkun jafu, kemm x’ħin kif ukoll għaliex tkun iċċaqalqet.

Huma interessanti l-kliem attribwiti lil George Farrugia fis-sens li jekk jinkixef il-każ jaqa’ l-Gvern. Fil-fatt il-Gvern kien diġa moribond meta inkixef il-każ u bla dubju li kieku l-każ inkixef qabel il-Gvern immexxi minn Lawrence Gonzi kien ikollu diffikultajiet ferm iktar milli kellu matul l-aħħar ftit xhur tal-eżistenza tiegħu.

Il-każ tal-ħlas ta’ €5 miljuni kumpens lix-Shell f’Malta minħabba l-ostakli għas-suq tal-fuel tal-avjazzjoni iqajjem żewg punti ta’ importanza kbira. Dan il-każ kien il-bozza l-ħamra għal min kien qiegħed imexxi . Kienet indikazzjoni  li kien hemm xi ħaġa mhux f’postha. Iktar inkwetanti hu s-sehem ta’ Simon Busuttil, meta kien Membru tal-Parlament Ewropew, bħala konsulent legali tax-Shell fin-negozjati mal-Gvern Malti dwar il-likwidazzjoni tad-danni li sofrew. Is-sehem tiegħu jixegħel bożża ħamra oħra dwar kemm jintqal ħafna paroli dwar l-etika imma fis-siegħa tal-prova donnu jintesa kollox.

Meta tqis kollox jibqa’ l-fatt li hemm dubju serju kemm kien jagħmel sens li George Farrugia jingħata l-maħfra presidenzjali.

Nota:

Inġibdet l-attenzjoni tiegħi li b’referenza għax-xhieda ta’ Salvu Balzan fil-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament, u kif anke ippubblikata fil-Malta Today online, l-Kap tal-Opposizzjoni bagħat risposta għall-pubblikazzjoni. Qed nippubblika jiena ukoll din ir-risposta in vista tal-kummenti tiegħi ta’ hawn fuq:

Simon Busuttil right of reply 061115

Spekulazzjoni dwar Alternattiva Demokratika

 May 2011. divorce referendum result

Hi normali li fejn l-informazzjoni tkun ftit nieqsa l-media tispekula dwar x’jista’ jkun qiegħed jiġri. Dan tagħmlu biex twassal ritratt tas-sitwazzjoni kif tkun qed tarah hi dak il-ħin.

Hekk qed tagħmel parti mill-media dal-għodu dwar it-tmexxija ta’ Alternattiva Demokratika.

Fit-Torċa hemm artiklu interessanti ta’ Mark Camilleri intitolat Il-bidla u ċ-ċaqlieq ideoloġiku. Hu analiżi tas-sitwazzjoni attwali kif ukoll tal-mixja ta’ Alternattiva Demokratika tul dawn l-aħħar ħames snin. Ir-riflessjonijiet tiegħu huma validi u xejn ma jdejquni. Jistimulaw id-diskussjoni.

Hemm imbagħad artiklu fil-Malta Today intitolat Briguglio decapitates himself after internal criticism. Dan l-artiklu m’huwiex iffirmat. Jieħu spunti selettivi minn diskussjoni interna f’Alternattiva Demokratika u jibni storja fuq dan. L-inċens ma jonqosx. Jikkonkludi li d-deċiżjoni ta’ Michael Briguglio li jwarrab tidher mgħaġġla.

M’għandix dubju li l-awtur ta’ dan l-artiklu jifhem li partit politiku li fih m’hemmx diskussjoni ħajja (u jekk meħtieġ ukoll imqanqla) jkun partit mejjet. Id-dibattitu intern hu pre-rekwizit essenzjali għall-ħidma politika. Fortunatament f’Alternattiva Demokratika matul dawn il-ħames snin kien hemm diskussjoni ħajja u kontinwa.

Hemm imbagħad fil-Malta Today ukoll il-kumment ta’ Salvu Balzan fil-paġna tiegħu. Kumment dwari li donnu pprogrammat li jidher fil-Malta Today kull darba li jkun hemm il-kariga ta’ Chairman ta’ Alternattiva Demokratika battala. Għal darba oħra Salvu jibbottja li jekk jiena nieħu t-tmexxija ta’ Alternattiva Demokratika wara Michael Briguglio dan ikun diżastru madornali.

Hemm imbagħad kumment fil-paġna 7 tal-gazzetta l-Illum iffirmata mill-korrispondent li jiddeskrivi lilu innifsu bħala Il-poodle. Dawn l-osservazzjonijiet huma deskritti b’dan il-mod “Ġabra ta’ osservazzjonijiet bażati fuq il-veritajiet li qatt ma joħorġu għax hekk iridu”.

Mela Il-poodle jgħid ukoll li jiena irrid immexxi l-Ħodor. Jagħti ukoll ftit tal-kulur. Jgħid li fl-1996 meta kont għadni attiv fil-PN kont mort għand Austin Gatt flimkien ma George Pullicino u tlabtu (lill-Austin Gatt) biex jirreżenja.

Issa li kieku fl-1996 tlabt lil Austin Gatt biex jirreżenja ma kontx ser nistħi ngħid li għamilt hekk. Imma sfortunatament dan m’għamiltux.

Dwar it-tmexxija ta’ Alternattiva Demokratika naħseb li f’dan l-istadju ħadd għadu ma jaf xejn għax ħlief għal Michael Briguglio jidher li ħadd għadu ma ħa l-ebda deċiżjoni. Naħseb li jkun għaqli iżda li jkun hemm ħafna demm ġdid.