Il-President George Vella u l-ittra ta’ riżenja ta’ Joseph Muscat

The Shift News qed jirrappurtaw li talbu r-rilaxx tal-ittra ta’ riżenja li Joseph Muscat, dakinnhar Prim Ministru, għadda lill-President tar-Repubblika. It-talba saret taħt il-Freedom of Information Act.

Il-President tar-Repubblika ċaħad it-talba u spjega għaliex kien qed jagħmel hekk. It-tweġiba tiegħu hi inkwetanti iktar miċ-ċaħda innifisha.

The Shift News qed jgħidu li t-tweġiba li waslet għandhom mingħand il-President tar-Repubblika kienet tgħid li mhux ġustifikat il-pubblikazzjoni tal-ittra ta’ riżenja għax kieku dan kellu jsir il-ħsara li issir tiżboq bil-bosta il-benefiċċju tal-pubblikazzjoni tal-informazzjoni.

Issa jiena naħseb li ħadd, għajr min kitibha u min irċieviha, ma jaf x’fiha l-ittra. Imma t-tweġiba tal-President tar-Repubblika tagħti lil wieħed x’jifhem li l-ittra fiha spjegazzjoni dettaljata dwar x’wassal għar-riżenja li tmur lil hinn minn dak li nafu diġa.

Jiena għandi kull rispett lejn il-President tar-Repubblika imma naħseb li hu żbaljat. Hu fl-interess pubbliku li l-ittra tkun ippubblikata bla dewmien. Mhux kompitu tal-President tar-Repubblika li jiċċensura informazzjoni ta’ importanza politika.

X’qed jaħbu f’Dar Malta fi Brussels ?

National Representations in Brussels

 

Fi studju mħejji minn ALTER-EU (Alliance for Lobbying Transparency and Ethics Regulation – grupp ta’ NGOs li jaħdmu favur it-trasparenza) ippubblikat f’Marzu li għadda ma tantx jidher li r-rapprezentanti ta’ Malta fi Brussels jipprattikaw wisq it-trasparenza.

Matul l-2015 ALTER-EU talbet lil diversi rapprezentanti ta’ pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea biex jinfurmawhom permezz tal-proċeduri tal-Freedom of Information Act dwar il-lista ta’ laqgħat li r-rapprezentanti ta’ Malta fi Brussels kellhom ma dawk imsejħa lobbyists – jiġifieri dawk li jfittxu li jinfluwenzaw it-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-formolazzjoni ta’ policy fl-istituzzjonijiet ewropej.

Ir-rapprezentanti ta’ Malta fi Brussels (skond ir-rapport) kienu ta’ wieħed minn żewġ pajjiżi li irrifjutaw li jagħtu din l-informazzjoni. L-oħrajn kienu r-rapprezentanti tar-Renju Unit.

X’qed jaħbu f’Dar Malta fi Brussels?