L-inċident tal-bieraħ li fih Melvin Theuma spiċċa b’għonqu mħanxar u b’feriti fondi f’diversi partijiet ta’ ġismu huma ta’ tħassib kbir.
The Shift News f’artiklu ippubblikat iktar kmieni illum qed tgħid li għonq Theuma kien kważi f’żewġ biċċiet, tant kienet kbira l-ferita.
Hu diffiċli tasal għall-konkluzjoni f’dan l-istadju dwar x’ġara eżatt. Jekk Theuma jibqa’ ħaj ikun jista’ jispjega hu x’ġara eżattament, imma jekk le jeħtieġ studju sewwa ta’ dak kollu magħruf s’issa. Għax għalkemm il-Pulizja, miċ-ċirkustanzi (u minn dak li qed jgħidu li qal Theuma) mexjin fuq it-tejorija li dak li ġara huwa suwiċidali, a bażi tal-kobor taċ-ċirit f’għonq Theuma mhux impossibli li wieħed jasal għal konkluzjonijiet differenti.
Aħjar nistennew bil-kalma l-konkluzjonijiet tal-esperti forensiċi. L-ispekulazzjoni f’dan il-mument ma tagħmel ġid lil ħadd. L-anqas il-fehma tal-Pulizija, għaldaqstant, m’għandha titqies bħala waħda konklussiva ta’ dak li ġara.