Fir-Raħal Ġdid : il-kwalità tal-ħajja tar-residenti

Marsa Shipbuilding site

Tħabbar dak li ilu ftit magħruf ( 1 u 2). Ċjoe li s-sit tal-Marsa Shipbuilding ser ikun żviluppat f’ċentru għas-servizzi lill-oil rigs li qed jirreferu għalih bħala l-Mediterranean Maritime Hub.

Qed jingħad li dan ser ifisser investiment ta’ €55 miljun u li ser joħloq 150 impieg ta’ kwalità fil-qasam tal-industrija taż-żejt u tal-gass.

Ħadd ma hu ser jargumenta kontra l-ħolqien tal-ġid, imma tajjeb li anke f’dan l-istadju nemfasizza li s-sit magħżul hu viċin ħafna ta’ żona residenzjali – il-parti t’isfel tar-Raħal Ġdid. L-impatt fuq ir-residenti għandu jkun indirizzat minn issa meta d-dettalji tal-proġett għadhom fl-istadju ta’ ippjanar.

Dan ser jinkludi  prinċipalment storbju u tniġġiż tal-arja imma ukoll dwar kif ser ikun immaniġjat l-iskart tossiku li bla dubju ser joriġina mix-xogħolijiet ippjanati.

Għax il-kwalità tal-ħajja tar-residenti tar-Raħal Ġdid hi importanti daqs il-ħolqien tal-impiegi. Għandna diġa esperjenza qarsa fl-Isla u Birżebbuġa. Nittama li minn din l-esperjenza tgħallimna bħala pajjiż biex l-affarijiet isiru aħjar.

Daqqa ta’ ħarta oħra għall-ambjent

Commercialisation of Sports Facilities

Id-dokument ta’ konsultazzjoni dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-faċilitajiet sportivi li dwaru l-konsultazzjoni pubblika ġiet fi tmiemha llum hi daqqa ta’ ħarta oħra lill-ambjent ta’ pajjiżna.

L-iskop tal-Gvern hu biex ikunu mgħejjuna assoċjazzjonijiet u klubbs sportivi ħalli dawn jimmasimizzaw il-potenzjal tal-faċilitajiet tagħhom u b’hekk ikunu jistgħu jiffinanzjaw lilhom infushom.

L-iskop hu wieħed tajjeb.

Imma biex jintlaħaq dan l-iskop, hemm iċ-ċans, mhux żgħir, li nispiċċaw b’xi grounds tal-futbol barra mill-irħula tagħna mibnijin bi ħwienet u uffiċini u bil-ground tal-futbol fuq il-bejt, bħalma diġa hemm f’Tignè! U jekk inti toqgħod fit-tarf tar-raħal hemm ċans tajjeb li tkun tista’ issegwi partita futbol minn fuq il-bejt. Jekk tkun iffurtunat tkun tista’ issegwiha ukoll mill-kamra tas-sodda! Anke l-floodlights jispiċċaw idawlulek il-kmamar tad-dar. Tispiċċa tiffranka l-konsum tal-elettriku! Dan apparti l-problemi ta’ parking u l-istorbju, sajf u xitwa. Dan eżempju wieħed. Hemm bosta oħra.

Fi stqarrija li ħriġna Alternattiva Demokratika għidna li dak propost f’dan id-dokument ta’ konsultazzjoni, jekk implimentat, jista’ jkun il-kawża ta’ ħafna ħsara ambjentali kif ukoll ikollu effett neġattiv fuq iż-żoni residenzjali tagħna. Daqqa ta’ ħarta oħra għall-ambjent.