Alternattiva Demokratika semgħet l-ilmenti tar-residenti tal-Isla (prinċipalment dawk fi Triq is-Sur) dwar l-istorbju kontinwu pero’ prinċipalment bil-lejl bħala riżultat tal-oil rigs li qed isirulhom tiswijiet fit-Tarżna ta’ Palumbo. Ir-residenti tal-Isla tul Triq is-Sur sal-Ponta tal-Isla qed jgħaddu iljieli sħaħ bla mistrieħ minħabba l-istorbju prinċipalment iġġenerat minn xogħolijiet fuq dawn l-oil rigs.
Min ħa din id-deċiżjoni li jsir dan ix-xogħol mingħajr ma qabel eżamina l-konsegwenzi fuq ir-residenti?
It-Tarżna tul l-istorja tagħha mhux l-ewwel darba li rritat lir-residenti kemm bi storbju kif ukoll bl-impatt tal-grit blasting.” Il-fatt li t-Tarżna ta’ Palumbo tmiss ma żona residenzjali titfa fuqha l-obbligu li tqis sewwa qabel ma tieħu deċiżjonijiet ta’ dawn it-tip. X’inhu jagħmel id-Direttorat tal-Ambjent tal-MEPA biex jipproteġi l-kwalita’ tal-ħajja tar-residenti tal-Isla? Kellu jkun id-Direttorat tal-Ambjent tal-MEPA li jissorvelja u jieħu passi immedjati hekk kif ikun meħtieġ biex ikun provdut ħarsien mit-tniġġiż ikkażat mill-ħsejjes.
Jidher, sfortunatament, li d-Direttorat tal-Ambjent tal-MEPA m’huwiex sensittiv għall-ħtieġijiet tar-residenti. Mhux biss għal dawk tal-Isla. Il-ġimgħa l-oħra rajna kif l-istess Direttorat tal-Ambjent irrakkomanda lill-Bord tal-MEPA biex l-istess attivita ta’ tiswijiet ta’ oil rigs tkun permessa fil-Port ta’ Marsaxlokk, mal-mollijiet tal-Port Ħieles. Għalkemm il-Bord tal-MEPA approva l-permess għal dawn l-attivitajiet fil-Port Ħieles kien ta’ sodisfazzjon li r-rapprezentant tal-għaqdiet ambjentali fuq il-Bord tal-MEPA ingħata l-appoġġ mir-rappreżentanti tal-Parlament fuq dan il-Bord fil-vot kontra dan il-permess.
Alternattiva Demokratika tinnota li l-ġimgħa l-oħra l-Gvern iddisassoċja ruħu mill-permess għat-tiswija tal-oil rigs fil-Port Ħieles. Ikun ferm għaqli kieku l-Gvern jikkommetti ruħu li din it-tip ta’ attivita’ ma issir ħdejn l-ebda żona residenzjali f’Malta jew Għawdex.
Nistennew li l-Gvern jieħu posizzjoni ċara f’qasir żmien għax ir-residenti ta’ kull parti ta’ Malta jeħtieġu din il-protezzjoni. Mhux biss dawk ta’ Birżebbuġa u l-Isla, imma f’kull rokna ta’ dawn il-gżejjer.