ADPD: wara l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali nhar it-8 ta’ Ġunju

L-elezzjoni mill-ġdid ta’ Ralph Cassar bħala kunsillier f’Ħ’Attard u l-elezzjoni ta’ Sandra Gauci f’San Pawl il-Baħar huma bla dubju riżultat pożittiv. Huma rifless tal-ħidma li għamlu. Fil-każ ta’ Ralph hi rifless tal-ħidma tul ħafna snin, filwaqt li fil-kaz ta’ Sandra hi ukoll frott tal-ħidma u determinazzjoi tagħha kemm ilha attiva.

Mhux biss.

Għalkemm mhux kulħadd jirrealizza, l-elezzjoni tagħhom hi ukoll rifless tal-ħidma tal-partit kollu tul is-snin.

Kellna ukoll kandidati oħra validi ħafna. Fuq quddiem Brian Decelis f’Marsaskala li għalkemm ma ġiex elett mar tajjeb ħafna. Il-kandidati l-oħra kollha, Melissa Bagley f’Birżebbuġa, Mark Zerafa f’Birkirkara, Samuel Vella f’Ħal-Balzan u Janet Zahra Walker f’ Tal-Pietà, lkoll taw kontribut mhux biss fil-lokal fejn ikkontestaw imma ukoll kontribut biex jasal iktar il-messaġġ tal-partit.

Bla dubju hemm ħafna iktar li jista’ jsir. F’dawn iċ-ċirkustanzi, iżda għandna napprezzaw li r-risorsi tal-partit huma limitati u li għaldaqstant il-ħidma li għamel il-partit kienet, sa ċertu punt, limitat minn dawn ir-riżorsi. Kulħadd jixtieq li sar iktar. Imma ma hemmx biex naqtgħu qalbna. Bid-determinazzjoni inkomplu nimxu, pass pass il-quddiem.

Il-ħidma ta’ dawn is-7 kandidati, tnejn minnhom eletti, hi pediment tajjeb għall-futur. Futur li jrid jinbena fuq dak li wettaqna illum.

Grazzi lil kull wieħed u waħda minn dawn il-kandidati li ħadmu minn qalbhom.

Da parti tiegħi, nibqa’nagħti l-kontribut żgħir tiegħi li jingħaqad flimkien ma dak ta’ dawk ta’ rieda tajba li jixtiequ l-ġid lill-partit.

Brian Decelis: aħdar ta’ veru

Brian hu persuna mimlija enerġija. Hu dedikat. Jiffoka l-enerġija tiegħu b’mod kreattiv favur dak li jemmen fih.

Għandu viżjoni ħadra. Hu aħdar ta’ veru.

Segwejtu mill-bogħod snin twal ilu waqt l-ewwel kampanja elettorali għall-Kunsilli Lokali fl-1992. Dakinnhar kien ġie elett fil-lokalità tal-Fgura għan-nom ta’ Alternattiva Demokratika.

Għaddew 32 sena, u għalkemm bħali,  b’inqas xagħar, għadu mimli bl-istess ħeġġa u determinazzjoni li fejn hu possibli jmidd għonqu għall-ħidma biex jagħmel id-differenza.

Dan hu l-impenn politiku tagħna, li bil-viżjoni ħadra tagħna nagħmlu differenza fil-ħajja tal-oħrajn, biex ħajjithom tkun aħjar.

Hemm ħafna xi jsir fuq livell ta’ lokalità. F’kull lokalità hemm ħtieġa ta’ Kunsill Lokali magħmul min-nies li kapaċi jkunu proattivi.

Tul dawn l-aħħar snin, kelli l-opportunità li naħdem mill-viċin ma’ Brian. Miegħu kelli l-opportunità li niddiskuti u nfassal il-ħidma tal-partit f’ċirkustanzi differenti.  Fi Brian dejjem sibt persuna li kienet kapaċi tittraduċi l-ftit kliem tiegħi (kultant anke espress b’mod telegrafiku) f’ħidma effettiva.

Fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet, jekk Ralph (Segretarju Ġenerali tal-Partit) kien l-id il-leminija tiegħi, Brian, bla ebda dubju kien l-id ix-xellugija tiegħi, biex, flimkien mal-kumplament tat-tim organizzajna l-partit aħjar u bil-ftit riżorsi li kellna irnexxielna kważi nirduppjaw il-voti li ksibna minn elezzjoni ġenerali għall-oħra.

L-isfidi fil-lokalità mhumiex wisq differenti. L-issues li irridu niffaċċjaw huma kemm dawk ambjentali kif ukoll dawk ta’ governanza tajba. 

Brian għandu għarfien tajjeb ta’ dak li hemm lest għalih, meta, xahar ieħor nawguralu li jkun elett. Hu kapaċi jkun leħen taż-żgħir, tal-vulnerabbli, tar-resident abbandunat mill-awtoritajiet.

Ix-xahar id-dieħel, bi Brian elett bħala kunsillier, Marsaskala jkollha biex jirrappreżentha persuna determinata li tiddefendi liż-żgħir.  Meta nassiguraw li jkun imħares l-iċken wieħed fostna, għandna l-garanzija li nkunu qed inħarsu lil kulħadd. Brian hu l-bniedem li xahar ieħor jagħmel id-differenza.

Awguri Brian.

(diskors f’Marsaskala, Il-Ħadd 12 ta’ Mejju 2024)

Iċ-ċavetta li tista’ tiftaħ il-bibien magħluqa ………………

Opening door with key

 

Mhux l-ewwel wieħed li ser nikkummenta li bir-riżultati elettorali ta’ tmiem il-ġimgħa kulħadd hu kuntent. Ovvjament din hi reazzjoni artifiċjali ħafna u għandha titqies biss bħala l-ewwel reazzjoni sakemm kulħadd ikollu ċ-ċans li jifli ftit ir-riżultati daqsxejn iktar fil-fond.

Iċ-ċifri uffiċjali, per eżempju jgħidu li Alternattiva Demokratika kisbet 1.10% tal-voti mitfugħa f’dan ir-rawnd ta’ elezzjonijiet lokali. Dawn iċ-ċifri huma korretti imma ma jagħtux l-istampa rejali. Dan minħabba li AD ikkontestat biss f’7 lokalitajiet minn 34. Il-lokalitajiet li fihom AD ikkontestat l-elezzjonijiet nhar il-11 t’April l-anqas ma huma għal kollox l-istess lokalitajiet li fihom AD ikkontestat fl-2012 u allura ftit li xejn tista’ tagħmel paraguni.

Fil-Qala, fin-Nadur u f’Ħal-Qormi AD kisbet numru żgħir ta’ voti li huma kumparabbli kemm ma dawk miksuba fl-elezzjoni ġenerali kif ukoll, fejn applikabbli, ma’ parteċipazzjoni f’elezzjonijiet oħra tal-Kunsilli Lokali fl-istess lokalitajiet. F’dawn il-lokalitajiet mela jkun ġust li wieħed jikkonkludi li AD baqgħet fl-istess ilma.

Imma mhux l-istess jista’ jingħad fil-lokalitajiet l-oħra. F’Ħ’Attard reġa’ ġie elett għal darba oħra s-Segretarju Ġenerali ta’ AD Ralph Cassar li fl-ewwel għadd kiseb 7.3% tal-voti mitfugħa.  Mhux biss reġa’ ġie elett imma kiseb ammont ta’ voti iktar mis-soltu, u, iktar importanti minn hekk, wiret biżżejjed voti mingħand kandidati oħra (PN, PL u Indipendenti) biex ġie elett f’lokalita fejn il-Partit Laburista naqqas il-presenza tiegħu billi tilef kunsillier. Issa dan il-fatt għandu l-importanza tiegħu prinċipalment għax ifisser li Alternattiva Demokratika qed tikkonsolida l-egħruq tagħha f’dik iż-żona ta’ Malta li hi iktar sensittiva minn żoni oħra għal materji ambjentali.

Argumenti simili jistgħu jingħadu għal-lokalita’ ta’ San Ġiljan fejn il-kandidat ġdid u żgħażugħ Gulio Caruana irdoppja l-voti (ġieb 5.4%) li kisbet il-kandidat ta’ AD fl-istess lokalita fl-2012. Żieda simili kellu Simon Galea fuq San Pawl il-Baħar fejn irid jingħad li kienu bil-voti tiegħu, meta ġie eliminat, li l-PN seta jirbaħ il-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar. L-istess kif kien ġara fil-Mosta fl-2012 bil-voti li dakinnhar kienu inkisbu minngħand Robert Callus.

Min-naħa l-oħra kienet esperjenza ġdida l-kandidatura taż-żgħazugħa Monique Agius fuq Ħaż-Żebbuġ li kisbet 3.1% tal-voti l-ewwel darba li kkontestat.

Dan kollu jrid ukoll ikun ikkunsidrat fl-isfond tad-49.6% miksuba mill-LE fir-referendum kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa. Dan ir-referendum kien riżultat ta’ petizzjoni li bdiet Alternattiva Demokratika flimkien ma’ 13-il għaqda ambjentali fil-pajjiż. Fil-parti l-kbira tagħhom dawk li ivvutaw LE m’humiex votanti li soltu jivvutaw Alternattva Demokratika. Huwa ovvju li fil-parti l-kbira tagħhom is-soltu jivvutaw lill-partiti oħra. Ta’ l-inqas fil-konfront ta’ uħud, dan mhux bil-fors jibqa’ l-każ u dan in vista tal-kummenti diversi minn dawk li ma qablux mal-posizzjoni li ħadu l-partiti l-kbar.

Din hi storja li għad trid tiżviluppa matul it-tlett snin li ġejjin. Jekk tiżviluppax jew le f’ċaqlieq ta’ votanti min-naħa għall-oħra tal-ispettru politiku huwa kmieni biex jingħad imma l-ingredjenti biex dan iseħħ qegħdin hemm. Għandek persentaġġ għoli ta’ votanti li ma mxewx mad-direzzjoni indikata mill-mexxejja tal-partiti l-kbar. Għal uħud mhux importanti li kellhom opinjoni differenti mill-mexxejja. Imma għal oħrajn li ivvutaw LE fuq prinċipju tal-ħarsien tal-bijodiversita fir-rebbiegħa il-mistoqsijiet mhux imwieġba huma interminabbli. Huwa l-ewwel darba li l-partiti l-kbar kellhom l-opportunità li jagħmlu għażla ċara. Għamluha u issa ħadd ma għandu l-iskuża li ma jafx fejn hu.

Għax bla ma trid bil-fors tirrifletti u tistaqsi lilek innifsek : kif tista’ tieħu posizzjoni favur l-ambjent fir-referendum u mbagħad ma tagħtix l-istess piz lill-ambjent f’elezzjonijiet oħra?  Għal uħud mill-votanti ma hemm xejn ħażin li l-ambjent jingħata prijorita sekondarja, imma għal numru dejjem ikbar jidher li dan mhux il-każ.

Kemm hu kbir dan in-numru għad irridu naraw. Kliem l-ambjentalista Alan Deidun fis-Sunday Times ta’ nhar il-Ħadd li għadda huwa ċar:

“Effectively, the spineless stance taken by both PL and PN MP’s effectively meant that over 124,000 Maltese citizens were not represented by their elected parliamentarians, bar one. This is the boldest of statements about our political class…..the aspirations of such a large minority have only been voiced by a party – AD – which is not even represented in Parliament…..yet another quirk of democracy.”

Din hi l-isfida li Alternattiva Demokratika għandha quddiema bħala riżultat tal-votazzjoni tal-11 t’April. Hi opportunità unika li mhux ser tirrepeti ruħha fil-futur qarib. Il-futur ta’ Alternattiva Demokratika jiddependi fuq kemm ser tkun kapaċi matul ix-xhur li ġejjin taddatta ruħha biex issarraf din l-opportunità.

Bħala konsegwenza tar-riżultat tal-11 t’April diversi qed jinteressaw ruħhom iktar fil-ħidma ta’ Alternattiva Demokratika. Dan jawgura tajjeb għall-futur għax jagħti l-possibilità lill-Alternattiva Demokratika li torganizza ruħha aħjar, biex twassal b’mod iktar effettiv il-messaġġ tagħha li l-ħarsien tal-ambjent jiddetermina l-kwalità tal-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna peró l-iktar ta’ dawk fil-periferija tas-soċjetà.

Ir-riżultat tal-votazzjonijiet tal-11 t’April fih iċ-ċavetta li biha jistgħu jinfetħu ħafna bibien li illum huma magħluqa.

Dejjem sakemm ma tilħaqx tinbidel is-serratura.

TimesTalk u l-Koalizzjoni

new-identity.jpg

TimesTalk nhar it-Tlieta li għaddew reġa’ qajjem mill-mewt l-idea ta’ koalizzjoni  f’Malta billi lejn l-aħħar tal-programm staqsa lill-Kap tal-Opposizzjoni jekk jeskludix (fil-futur) koalizzjoni ma’ Alternattiva Demokratika.

Simon Busuttil, ġustament, wieġeb li ma jeskludix.

Dal-għodu Arnold Cassola ikkummenta mat-Times li dan hu kollu ħolm (pie in the sky) ! U hekk hu.

Għad baqa’ tlett snin sal-elezzjoni ġenerali u sa dakinnhar min jaf kemm jinbidlu affarijiet. Kemm għad isiru kalkoli u paroli.

Jekk għadx ikun hemm min ikun imħajjar jikkunsidra koalizzjoni jiddependi minn kif ser tittrasforma ruħha l-politika Maltija minn issa sa tlett snin oħra. Tista’ tinbidel ftit jew inkella ħafna, u tista’ tibqa’ kif inhi! Ilkoll nafu li kif qal darba Harold Wilson, Prim Ministru u Kap tal-Partit Laburista Ingliz: fil-politika anke ġimgħa hu żmien twil ħafna. Aħseb u ara tlett snin!

Mela meta tiġi naraw.  Din ukoll kienet is-sustanza tal-kummenti tal-Professur Henry Frendo lit-Times dal-għodu.

Sadanittant nibqgħu iffukati fuq il-11 t’April. L-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u l-ewwel referendum abrogattiv biex tispiċċa darba għal dejjem il-kaċċa fir-rebbiegħa.

 

Jekk Joseph irid jiffranka l-flus …………..

localcouncils

 

Il-Gvern ta’ Joseph irid jiffranka l-flus.

Irid jiffranka madwar €3 miljuni billi l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali jsiru darba kull ħames snin flok darba kull 4 snin maqsumin f’darbtejn, f’nofs Malta kull darba.

Imma jekk verament irid jiffranka l-flus ikun tajjeb li jnaqqas id-daqs tal-Kabinett li hu stmat li jiswa’ mal-€15.4 miljun fis-sena.  Il-Kabinett ta’ Joseph Muscat (l-ikbar wieħed fl-istorja politika ta’ Malta) jiswa’ lill-pajjiż €6.4 miljuni iktar fis-sena mill-Kabinett ta’ qablu.

Kull sena, jiġifieri, il-Kabinett jiswa daqs kemm illum jiswew lill-pajjiż  l-elezzjonijiet għall-Kunsilli Lokali kollha ta’ Malta u Għawdex għal għoxrin sena.

Iva sewwa qed taqra: l-ispiża tal-Kabinett biha tista’ titħallas in-nefqa li issir għall-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali għal ħames darbiet bir-rata ta’ €3 miljuni kull darba! U jibqa’ l-bqija ukoll.

Minn fuq il-Kabinett jista’ jiffranka l-flus, mhux minn fuq il-Kunsilli Lokali.

Jista’ jiffranka kemm irid.

Il-flus li jintefqu fuq it-tħaddim tad-demokrazija huma kollha flus investiti fis-sod. Il-Gvern għandu jkun onest u jgħid b’mod ċar li l-mira tiegħu hi li jnaqqas in-numru ta’ dawk li jivvutaw fir-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa (li għandu jsir f’Marzu 2015) u dan biex jgħin lill-kaċċaturi u lill-FKNK. Imma l-Gvern ta’ Joseph m’għandux il-kuraġġ li jkun onest.

Joseph u r-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa

kaccaturi-2

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qed jikkunsidra li l-elezzjonijiet għall-Kunsilli Lokali jibdew isiru kull ħames snin, mal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew. Probabilment li dan ifisser ukoll li l-elezzjonijiet kollha lokali li kellhom isiru sal-2019 ikunu posposti sadakinnhar.

Issa kif jaf kulħadd probabilment li r-referendum abrogattiv dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa jsir f’Marzu li ġej, Marzu 2015, preċiżament ma numru ta’ elezzjonijiet lokali li sal-lum il-liġi torbot li jsiru: elezzjonijiet f’34 Kunsill Lokali.

Din il-mossa hi interpretat minn uħud bħala pass ta’ appoġġ minn Joseph u l-Gvern tiegħu favur il-kaċċa fir-rebbiegħa. Jagħtihom appoġġ billi jnaqqas dawk l-affarijiet li jagħmluha iktar faċli illi tmur tivvota.

Joseph kien daqshekk ġentili li qalilna illi din m’għandha tagħmel l-ebda differenza għal dawk li għandhom daqshekk entużjażmu biex isir dan ir-referendum. Ta’ l-inqas hekk irrappurtat il-Malta Today illum fir-rapport intitolat Standalone Referendum shouldn’t trouble eager supporters.

Xi ftit effett anke jekk żgħir jista’ jkun hemm. Pero’ kull deni ħudu b’ġid: hemm ukoll il-possibilita’ li jekk ikun ċar li l-Gvern ser jilgħab maħmuġ billi jfittex l-opportunitajiet biex jagħti l-gambetti, allura l-effett jista’ wara kollox ikun bil-maqlub ta’ dak li għandu f’moħħu l-Gvern.

Għax il-Gvern ta’ Joseph Muscat ma jridx li r-referendum abrogattiv iwassal biex il-kaċċa fir-rebbiegħa  tieqaf.  M’għandi l-ebda dubju li din hi l-ewwel waħda minn diversi mossi jew tricks biex jagħti daqqa t’id.

Tajjeb li kulħadd jiftaħ għajnejh.