TimesTalk u l-Koalizzjoni

new-identity.jpg

TimesTalk nhar it-Tlieta li għaddew reġa’ qajjem mill-mewt l-idea ta’ koalizzjoni  f’Malta billi lejn l-aħħar tal-programm staqsa lill-Kap tal-Opposizzjoni jekk jeskludix (fil-futur) koalizzjoni ma’ Alternattiva Demokratika.

Simon Busuttil, ġustament, wieġeb li ma jeskludix.

Dal-għodu Arnold Cassola ikkummenta mat-Times li dan hu kollu ħolm (pie in the sky) ! U hekk hu.

Għad baqa’ tlett snin sal-elezzjoni ġenerali u sa dakinnhar min jaf kemm jinbidlu affarijiet. Kemm għad isiru kalkoli u paroli.

Jekk għadx ikun hemm min ikun imħajjar jikkunsidra koalizzjoni jiddependi minn kif ser tittrasforma ruħha l-politika Maltija minn issa sa tlett snin oħra. Tista’ tinbidel ftit jew inkella ħafna, u tista’ tibqa’ kif inhi! Ilkoll nafu li kif qal darba Harold Wilson, Prim Ministru u Kap tal-Partit Laburista Ingliz: fil-politika anke ġimgħa hu żmien twil ħafna. Aħseb u ara tlett snin!

Mela meta tiġi naraw.  Din ukoll kienet is-sustanza tal-kummenti tal-Professur Henry Frendo lit-Times dal-għodu.

Sadanittant nibqgħu iffukati fuq il-11 t’April. L-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u l-ewwel referendum abrogattiv biex tispiċċa darba għal dejjem il-kaċċa fir-rebbiegħa.

 

Advertisements

Garanzija biex min seraq, igawdi dak li seraq

Bajja 2.2003 GPullicino jiltaqa' mal-Assocjazzjoni

Fir-ritratt ta’ hawn fuq li hu meħud minn Il-Bajja No.2 ta’ April 2003 jidher George Pullicino, dakinnhar Segretarju Parlamentari, jippoża mal-kumitat inkarigat mill-boathouses tal-Aħrax tal-Mellieħa wara waħda mil-laqgħat fejn min seraq l-art pubblika fl-Aħrax tal-Mellieħa ingħata l-appoġġ mill-politiċi li huma eletti fil-Parlament.

Id-dibattitu fil-pajjiż dwar il-kmamar tal-Aħrax tal-Mellieħa kif ukoll (ftit inqas) dwar dawk fil-Bajja ta’ San Tumas ilu għaddej. Min hu kontra, min hu favur u min jiġi jaqa’ u jqum.

Il-każ huwa wieħed li jattakka s-soċjeta demokratika fl-egħruq tagħha. Għax il-messaġġ ċar li ilu jidwi hu li quddiem il-liġi m’aħniex kollha xorta. Fl-Aħrax tal-Mellieħa (L-Armier, Little Armier, it-Torri l-Abjad) u fil-Bajja ta’ San Tumas il-prinċipju tas-Saltna tad-Dritt (r-Rule of Law) idub u jisparixxi.

Min seraq l-art, bniha bla permess u anke seraq l-elettriku ser ikun ippremjat.

Alternattiva Demokratika biss tkellmet ċar kontra dan l-abbuż. Ftehemu kemm mal-Partit Laburista kif ukoll mal-Partit Nazzjonalista. Fil-Gvern għal 25 sena l-Partit Nazzjonalista ma rnexxilux jerfa’ subgħajh biex iġib sens ta’ ordni. Ipprova darba l-Perit Michael Falzon meta kien Ministru tal-Ippjanar u l-Kabinett bagħtu jixxejjer! Falzon riċentement kiteb fil-gazzetti li dakinnhar tgħallem li l-voti huma iktar importanti mill-prinċipji!

Waqt li l-Perit Michael Falzon ried iwaqqa’ dak li kien illegali, Ministri oħrajn ftehmu ma min b’mod sfaċċat u fid-dawl tax-xemx sfida l-liġi. Dawn dejjem irraġunaw li bl-appoġġ tal-PN u l-PL ħadd ma jista’ għalihom! Fl-aħħar jidher li ser jirnexxilhom.

Il-PN irnexxilu jipproteġihom għal 25 sena sħaħ. Fil-futur qarib il-Labour fil-Gvern jidher li ser jissiġilla din l-sfida kbira għall-liġi u l-ordni fil-pajjiż.

Messaġġ ċar li l-Labour Party ta’ Malta qed jagħti (bl-appoġġ tal-PN). Il-Labour fil-Gvern jiggarantilek li tgawdi dak li sraqt.

Il-lejla fuq Times Talk niddiskuti dan is-suġġett mal-preżentaturi Mark Micallef u Herman Grech u mistednin mill-partiti politiċi l-oħra.

lokalitajiet minn fejn joriginaw dawk li ghandhom il-boathouses f'idejhom 2010

Il-lista ta’ hawn fuq hi estratt minn Il-Bajja Nru 30 ta’ April 2010 u turi l-lokalitajiet fejn joqgħodu dawk li għandhom il-boathouses f’idejhom.