Il-Lobbying u l-eżerċizzju tal-poter

Meta niddiskutu l-politika dwar ir-regolamentazzjoni tal-lobbying bosta drabi jqum l-argument dwar dawk il-politiċi li hekk kif jispiċċaw mill-politika attiva jingħataw responsabbiltajiet f’azjendi kbar. Din nirreferu għaliha bħala politika tar-“revolving door”, imsemmija għall-dawk il-bibien tal-lukandi li jduru u li hekk kif tidħol fiċ-ċirku tagħhom, malajr tispiċċa ġewwa.

L-eżempju klassiku li jissemma hu l-ingaġġ ta’ Josè Manuel Barroso li sa ħames snin ilu kien President tal-Kummissjoni Ewropea mill-bank multinazzjonali Goldman Sachs. Il-kumitat tal-etika tal-Unjoni Ewropea kien iddeskriva l-imġieba ta’ Barroso bħala waħda li kienet etikament ħażina avolja kien konkluż li ma kien hemm l-ebda ksur tal-Kodiċi tal-Etika.

Imġiba bħal din hi meqjusa bħala parti integrali mill-proċess tal-lobbying li jeħtieġ li jkun regolat b’mod adegwat.

F’Malta dawn l-affarijiet nagħmluhom “aħjar” minn hekk għax l-anqas regoli dwar imġieba ta’ din ix-xorta ma għandna! Fost oħrajn, dan huwa riżultat tal-fatt li ma kienx hemm qbil bejn Gvern u Opposizzjoni fil-Parlament dwar ir-regolamentazzjoni tal-lobbying meta kienet qed tkun diskussa il-liġi dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Allura ipposponew id-diskussjoni billi tefgħuha f’ħoġor il-Kummissarju dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler, bl-inkarigu li jkun hu li jabbozza r-regoli proposti dwar il-lobbying f’Malta.

F’Malta dan fil-fatt seħħ ukoll fil-passat riċenti mhux biss meta John Dalli kien ingaġġat mal-Grupp tal-Marsovin imma ukoll meta l-Grupp Corinthia, fi żminijiet differenti, ingaġġa kemm lis-Sur Dalli kif ukoll lill-Karmenu Vella, li għadu kif temm perjodu ta’ ħames snin bħala Kummissarju tal-Unjoni Ewropea. Ma nkisrux regoli minħabba li l-imġiba etika f’dan il-pajjiż hi ġeneralment injorata. Ir-reazzjoni lokali għal dan l-ingaġġ ta’ politiċi ġeneralment kienet: għala le?

Hu loġiku li nikkonkludu li jekk f’Malta niġu naqgħu u nqumu milli nirregolaw kif fid-dinja tan-negozju u l-industrija jingaġġaw malajr politiċi li jkunu għadhom kif spiċċaw mill-ħatra, aħseb u ara kemm ser nagħtu kaz meta nies tan-negozju jiġu ngaġġati huma stess f’posizzjonijiet viċin il-politiċi biex b’hekk jinfluwenzaw u jirregolaw l-aġenda pubblika.

Wara skiet twil, f’wieħed mill-messaġġ qosra, qishom it-talba ta’ filgħodu, li qed jippubblika fuq facebook, Varist Bartolo, qalilna kemm hu perikoluż li nies tan-negożju jkunu viċin iżżejjed tal-poter. Probabbilment li qed jitkellem mill-esperjenza, wara li hu u sħabu fil-Kabinett kienu qed jiffaċċjaw lill-Keith Schembri għal kważi seba’ snin sħaħ fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. U dan mhux l-uniku kaz.

Meta l-Kummissarju dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika ikollu l-ħin biex ifassal regoli dwar il-lobbying, dan kollu, bla dubju, jkun wieħed mill-punti fundamentali li jkunu meħtieġa illi jkunu indirizzati. In konformità ma dak li jiġri band’oħra, probabbilment li jikkonsidra regolament li ma jippermettix li l-qabża mis-settur politiku għal dak kummerċjali jseħħ immedjatament. Dan ikun ifisser li ħatriet ta’ din ix-xorta jkollhom jistennew bejn sena u nofs u sentejn minn meta tkun ġiet fi tmiemha l-ħidma fis-settur li fiha l-persuna tkun ħadmet l-aħħar. Dan isir bl-intenzjoni li jkun imnaqqas l-impatt negattiv tal-lobbying li inevitabilment jirriżulta u li jkun intrinsikament assoċjat ma dawn it-tip ta’ ħatriet.

Qegħdin tard ukoll biex ikun regolat il-lobbying b’mod ġenerali. Ir-rimedju bażiku kontra l-impatti negattivi tal-lobbying hi t-trasparenza.

Il-lobbying, kemm-il darba jsir sewwa u b’mod etiku m’għandux iwassal għal governanza ħażina. Għax huwa perfettament leġittimu li ċittadin, gruppi ta’ ċittadini, kumpaniji u anke għaqdiet mhux governattivi jfittxu li jinfluwenzaw it-teħid tad-deċiżjonijiet. Dan isir il-ħin kollu u jinvolvi l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni u opinjonijiet jew veduti lill-leġislaturi u lil dawk li jamministraw minn kull min għandu kwalunkwè xorta ta’ interess.

Dan hu perfettament leġittimu għax iżomm lil min jieħu d-deċiżjonijiet infurmat bl-impatti ta’ dak li jkun qiegħed ikun ikkunsidrat. Imma huwa importanti li dan il-lobbying ma jkunx trasformat fi proċess li bħala riżultat tiegħu il-politiku jagħmel il-wisa’ u d-deċiżjonijiet fil-fatt jeħodhom ħaddieħor mid-dinja tal-business.

Il-lobbying jirrikjedi ammont konsiderevoli ta’ transpareza: hu essenzjali li jkun sganċjat mis-segretezza jew kunfidenzjalità artifiċjali. Fejn il-lobbying hu regolat dan isir billi l-laqgħat jew attivitajiet oħra li jservu għall-lobbying jingħataw pubbliċità biex b’hekk ikun possibli li jsir skrutinju mill-opinjoni pubblika. Il-minuti ta’ dan it-tip ta’ laqgħat ikunu pubbliċi kif għandu jkun ukoll kull dokument u studju assoċjat. Għandna d-dritt li nkunu nafu min u kif qed ifittex li jinfluwenza l-proċess tad-deċiżjonijiet. Dan jassigura li l-lobbying ma jkunx użat bħala għodda sigrieta biex iħarbat il-proċess demokratiku li bih jittieħdu d-deċiżjonijiet politiċi.

Din hi waħda mill-problemi ewlenin li tat kontribut biex tixxettel il-kriżi politika preżenti f’Malta: in-nuqqas ta’ apprezzament tal-ħtieġa ta’ mġiba etika korretta f’kull ħin fil-ħajja pubblika. Problema li jeħtieġilna li niffaċċjawha immedjatament.

 

Ippubblikat fuq Illum : Il-Ħadd ta’ Diċembru 2019

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s