Wara r-Referendum fir-Renju Unit

Johnson Boris + Cameron David

 

It-tmexxija tal-Unjoni Ewropeja ddikjarat li wara r-riżultat tar-referendum ikun jaqbel għal kulħadd li r-Renju Unit idabbar rasu malajr kemm jista’ jkun. Għaldaqstant qed issir insistenza biex jibda minnufih il-proċess tat-tluq skond il-proċeduri kif stabilit fl-artiklu 50 tat-trattati tal-Unjoni.

Imma r-Renju Unit m’jidhirx li għandu għaġġla. Anke għax hemm min qed jirrealizza li l-ħsara li ser isseħħ hi kbira wisq u allura qed jerġa’ jibdielu. Ironikament, il-maġġoranza tal-Membri Parlamentari ma jaqblux li r-Renju Unit ma jibqax membru tal-Unjoni Ewropeja!

Meta David Cameron nhar il-Ġimgħa fil-għodu ħabbar ir-riżenja tiegħu minn Prim Ministru tar-Renju Unit, huwa qal li l-proċess tan-negożjati għat-tluq mill-Unjoni Ewropeja ser iħallih għas-suċċessur tiegħu. Dan jista’ jkun Boris Johnson, sa ftit ilu Sindku ta’ Londra, imma jista’ jkun ħaddieħor ukoll bħal Theresa May presentment Segretarju tal-Istat għall-Intern fil-Kabinett immexxi minn David Cameron. Dan ifissser li tal-inqas baqa’ tlett xhur, imma ma hemm l-ebda garanzija li f’għeluq dawn it-tlett xhur dan il-proċess ser jibda. Dan minħabba li l-politika u l-istrateġija tat-tmexxija l-ġdida għad mhiex magħrufa, dejjem jekk din teżisti.

Fil-fatt, Boris Johnson diġa iddikjara li m’hemmx għaġġla biex ir-Renju Unit jitlaq mill-Unjoni Ewropeja. X’għandu f’moħħu mhux magħruf imma minn dak li ntqal waqt il-kampanja referendarja ma jidhirx li s’issa hemm xi pjan dwar kif jista’ jseħħ it-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropeja. Minn dak li nkiteb fil-gazzetti Ingliżi jidher li għandu mnejn issir emfasi fuq negozjati informali u dan biex ikun evitat li jibda jgħodd il-limitu ta’ sentejn li jistabilixxu t-trattati Ewropej, liema limitu jibda jgħodd minn meta tingħata n-notifika skond l-artiklu 50. Imma fl-Unjoni Ewropeja ma hemmx qbil ma dan. Sadanittant hemm petizzjoni għaddejja online li sal-ħin li qiegħed nikteb kisbet l-appoġġ ta’ madwar tlett miljun persuna. Din il-petizzjoni qed titlob li r-referendum isir mill-ġdid. Il-Parlament ser jiddiskuti din il-petizzjoni.

Fl-istess ħin hemm reazzjonijiet qawwija mill-Iskozja, l-Irlanda ta’ Fuq u minn Ġibiltà għar-riżultat referendarju. Fit-tlett każi dawn huma favur il-kontinwazzjoni tas-sħubija. Fil-kaz ta’ Ġibiltà hemm ukoll il-kumplikazzjoni tal-possibilità tal-egħluq tal-fruntiera minn Spanja (kif ġieli ġara fil-passat) liema egħluq teffettwa lil madwar 12,000 resident li kuljum imorru Spanja għax xogħol. Il-possibilità ta’ kontrolli mal-fruntiera bejn l-Irlanda ta’ Fuq u r-Repubblika Irlandiża l-anqas ma hu ta’ awgurju tajjeb.

Id-dewmien biex jibdew it-trattattivi għat-tluq ifisser iktar inċertezza għas-swieq finanzjarji, li minnha jbati kulħadd. Inkluż l-ekonomija globali.

Jekk inħarsu lejn kif żviluppaw ir-relazzjonijiet bejn pajjiżi bħall-Isvizzera u n-Norveġja mal-Unjoni Ewropeja insibu li dawn japplikaw partijiet sostanzjali mill-leġislazzjoni tal-Unjoni Ewropeja, inkluż il-moviment ħieles tal-persuni u r-regoli tas-suq wieħed. Dan apparti kontribuzzjoni finanzjarja sostanzjali lill-Unjoni bħala ħlas għall-aċċess għas-suq Ewropew. Dawn kollha affarijiet li Boris Johnson u l-kampanja favur it-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni tkellmu kontra tagħhom waqt il-kampanja referendarja.

X’ser jagħmlu issa? Kollox hu possibli. Imma jekk il-mudell Svizzeru u Norveġiż ikun skartat huwa diffiċli ħafna biex wieħed jifhem x’ser jiġri. Tajjeb li niftakru li meta riċentement l-Isvizzera approvat referendum kontra l-prinċipju tal-moviment ħieles tal-persuni qamu l-irwiefen kollha. Għax il-prinċipju tal-moviment ħieles tal-persuni huwa bażiku għall-Unjoni.

Jidher ċar li quddiemna għandna ġimgħat ta’ spekulazzjoni li ma huma ser jagħmlu ġid lil ħadd. La lir-Renju Unit u l-anqas lill-Unjoni Ewropeja. L-anqas m’hu ser tagħmel ġid il-gwerra ċivili fil-partiti ewlenin Ingliżi. Il-battalja għat-tmexxija tal-Partit Konservattiv ser tkun qalila. Imma issa reġgħet tfaċċat il-gwerra ċivili fil-Partit Laburista Ingliż ukoll bir-riżenji mix-Shadow Cabinet u mozzjoni ta’ sfiduċja fit-tmexxija.

Ser ikunu ġimgħat ta’ tibdil kbir.

Advertisements

One comment on “Wara r-Referendum fir-Renju Unit

  1. One of the unbelievable aspects of this business is that there does not seem to have been ANY discussion or statement as to what the constitutional implications and impositions of such a referendum are. E.g. Is the verdict to be automatically accepted by Parliament or is it still subject to parliamentary debate and vote? The non-written nature of the UK constitution, the rarity of referenda, and the claimed “sovereignty of Parliament” should have provided enough reason for the fact to be provided beforehand. There is also the problem created by the devolved parliaments. Scotland is now saying it has powers of veto over Brexit; surely if the Scottish House has such powers, Westminster must have similar ones.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s