Il-Parlament mhux qiegħed hemm biex jiddeċiedi fuq il-permessi, ODZ u mhux.
Xogħol il-Parlament hu li jissorvelja l-ħidma tal-Gvern, jalloka l-flus għal din il-ħidma u wara jara li din il-ħidma tkun saret kif għandha issir.
Il-proposta li għadu kif għamel il-Partit Nazzjonalista li l-Parlament ikollu rwol fil-kaz ta’ applikazzjonijiet ODZ hi frott il-preokkupazzjoni li għandna lkoll li dawk fil-Parlament, illum u il-bieraħ, għamlu ħsara lill-ġid komuni meta kellhom quddiemhom opportunitajiet biex iwaqqfu żvilupp li ma kellux isir fl-ODZ u dan m’għamluhx.
Il-problema tal-ODZ hi essenzjalment waħda ta’ istituzzjonijiet li fallew milli jwettqu dmirhom li jħarsu l-ġid komuni. Din il-problema ma tissolviex billi tqegħda f’ħoġor il-Parlament, imma billi tirriforma l-istituzzjonijiet. Imma anke jekk ikollok l-aħjar strutturi u l-aħjar policies, jekk ma tagħżilx persuni addattati tkun qed tgħażaq fl-ilma.
Biex il-Parlament jipproteġi l-ODZ jista’ jagħmel numru ta’ affarijiet.
Jista’ jilleġisla biex qabel ma jinħatru l-membri tal-awtoritajiet dawn ikunu eżaminati mill-Parlament jew minn wieħed mill-kumitati tiegħu li għandu preferibilment jiddeċiedi jekk dawn għandhomx jinħatru. Jista’ ukoll jgħarbel il-policies tal-ippjanar dwar l-użu tal-art u jagħmel it-tibdiliet fejn meħtieġ. Jista’ jissorvelja iktar l-awtoritajiet inkluż li jitlob spjegazzjonijiet dwar deċiżjonijiet li jkunu ittieħdu.
Imma li l-Parlament jibda jieħu d-deċiżjonijiet hu dwar applikazzjoijiet individwali mhiex is-soluzzjoni biex ikun rimedjat l-istat ta’ fatt li l-istituzzjonijiet li suppost iħarsu l-ODZ fallew.
Għaliex fallew? Huwa mit-tweġiba għal din il-mistoqsija li jistgħu joħorġu s-soluzzjonijiet.
Fl-opinjoni tiegħi fallew għal tlett raġunijiet. L-ewwel għax numru mhux żgħir mill-persuni nominati biex imexxu l-awtoritajiet ma kienux addattati. It-tieni għax il-liġijiet jagħtu wisq poteri lill-politiċi biex jindaħlu. It-tielet għax il-Parlament ma għamilx sorveljanza biżżejjed.
Biex forsi nipproteġu l-ODZ jeħtieġ li nindirizzaw dawn it-tlett affarijiet.