Il-partit ta’ Marlene Farrugia

Marlene Farrugia5

Beda l-proċess biex jitwaqqaf il-partit ta’ Marlene Farrugia li issa nafu li ser ikun jismu l-Partit Demokratiku. Hi deċiżjoni mistennija għal dawn l-aħħar ġimgħat.

Id-deċiżjoni, bla dubju, hi riflessjoni tal-ħsieb tal-promuturi (dawk li Marlene issejħilhom il-core group) u kif dawn qed jinterpretaw ix-xenarju politiku tal-lum. Ovvjament mhux kulħadd jiżen il-fatti bl-istess mod u għalhekk li setgħu jittieħdu deċiżjonijiet differenti.

Matul Marzu u April li għadda, xi drabi flimkien ma uffiċjali oħra ta’ Alternattiva Demokratika, iltqajt ma Marlene u uħud mit-team ta’ madwarha. In vista tal-fatt li hemm similarità fl-ideat [osservazzjoni li tirriżulta minn uħud mis-suġġetti li qed tmexxi l-quddiem Marlene u li huma viċin ħafna dak li titkellem dwaru Alternattiva Demokratika] tkellimna dwar il-possibilità li flok ma twaqqaf partit ġdid, Marlene Farrugia setgħet faċilment tmexxi l-proġett politiku tagħha minn ħdan Alternattiva Demokratika. Imma din l-idea kien hemm resistenza għaliha u b’mod indirett konna mistiedna biex minnflok inxolju lill-Alternattiva Demokratika u ningħaqdu aħna ukoll fil-partit ġdid li kellu jitwaqqaf. Proposta li ma kienx hemm qbil magħha.

Il-partit, qalulna, kellu jkun ġdid, b’nies ġodda. Ovvjament mhux il-partit kollu  ser ikun ġdid, għax l-anqas Marlene nnifisha m’hi ġdida, b’esperjenzi diversi, uħud posittivi imma anke oħrajn li possibilment m’humiex.

Tul il-ġimgħat li ġejjin bla dubju insiru nafu iktar, in partikolari dwar kif jaħsibha u kif ser ikun organizzat il-partit il-ġdid, il-Partit Demokratiku.

Marlene, bla dubju hi persuna valida li għad tista’ tagħti kontribut lill-politika Maltija. Imma jekk il-ħolqien tal-Partit Demokratiku huwiex pass tajjeb jew le għad irridu naraw. It-tweġiba jagħtihielna ż-żmien.

Sadanittant nibqgħu għaddejjin b’ħidmitna bit-tama li nsibu mod kif nistgħu nikkooperaw.