Ir-riżultat tar-referendum fir-Renju Unit dwar is-sħubija fl-Unjoni Ewropeja huwa ta’ diżappunt. Hi deċiżjoni Demokratika u għal dan il-fatt jixirqilha kull rispett. Imma xorta tibqa’ ta’ diżappunt.
L-istatistika li qed tiġi ippubblikata turi li ż-żgħażagħ ivvutaw bi ħġarhom favur filwaqt li dawk ta’ eta’ l-fuq minn 60 sena, fil-maġġoranza tagħhom ivvutaw kontra.
Imma meta nħarsu lura nirrejalizzaw illi r-Renju Unit għalkemm kien membru tal-Unjoni Ewropeja kellu sieq waħda ġewwa u oħra barra. Baqa’ barra mill-ewro, baqa’ barra miż-żona ta’ ivvjaġġar ħieles magħrufa bħala ż-żona Schengen, kull meta seta’ irreżista drittijiet soċjali fuq livell Ewropew, baqa’ lura milli jimplimenta miżuri komuni fil-qasam tal-ġustizzja u l-intern ………….
Issa li l-Prim Ministru Ingliż ħabbar ir-riżenja tiegħu jidher li n-negozjati bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropeja jibdew wara Ottubru li ġej. Imma sadanittant beda l-ewwel inkwiet. L-Iskozja u l-Irlanda ta’ Fuq, li huma tnejn mir-reġjuni li ivvutaw favur s-sħubija fl-Unjoni Ewropeja, iridu jibqgħu membri.
L-iskozja ġja bdiet it-triq għat-tieni referendum dwar l-Indipendenza filwaqt li fl-Irlanda ta’ Fuq beda diskors favur Irlanda magħquda.
Matul il-ġimgħat li ġejjin bla dubju nisimgħu ħafna iżjed.