Il-każ tal-Membru Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista Toni Bezzina hu wieħed inkwetanti. Mhux biss hu rifless ta’ użu abbużiv ta’ riżorsi pubbliċi imma ukoll xhieda tal-ġilda ħoxna li rabba’ l-Partit Nazzjonalista biex mingħalih inaqqas l-impatt ta’ din l-imġieba li ċertament mhiex imġieba tajba.
Issa li Toni Bezzina tilef iż-żewġ każi ta’ libell u li per konsegwenza l-allegazzjonijiet kontrih jirriżulta li huma korretti, qed nistennew x’passi dixxiplinari ser jieħu Simon Busuttil. Għax għaddew ħafna iktar mill-minuta li Dr Busuttil kien qal li għandu bżonn biex jiddeċiedi.
Imma mid-dehra ser indumu nistennew. Għax bejn il-kliem u l-fatti hemm il-baħar jikkumbatti.
Tal-biki.