Id-disgħa li huma kontra?

0-9

Ma kontx nistenna aħjar minn 8 minnhom.

Imma kont nistenna li l-Ministru Helena Dalli tkun taħsiba mod ieħor dwar il-Morning After Pill. Forsi mhiex l-aħħar kelma tagħha. Nittama, għax fil-Partit Laburista, hi waħda mill-ftit b’rashom fuq għonqhom.

Il-kampanja favur il-Morning After Pill għandha l-appoġġ ta’ Alternattiva Demokratika għax din tagħti kontroll iktar lill-mara Maltija fuq x’tagħmel b’ħajjitha. Hu kontroll li huwa meħtieġ li jkun f’idejn il-mara u f’idejn ħadd iktar.

Nifhem li hemm min ma jaqbilx u nirrispetta l-opinjoni ta’ dawn. Imma tajjeb li jkun emfasizzat li l-użu tal-Morning After Pill m’huwiex appoġġ għal abort. Għall-abort kimiku hemm pilloli oħra (differenti mill-Morning After Pill) li ħadd ma huwa qed jitkellem favur tagħhom.

L-introduzzjoni uffiċjali f’Malta tal-pillola kontraċettiva t’emerġenza [Morning After Pill] tista’ tgħin mara f’mumenti t’emerġenza, imma, kif qalu tant tajjeb Claire Azzopardi Lane u Anna Azzopardi fl-istqarrija li ħarġet Alternattiva Demokratika, din mhiex ser issolvi l-problemi moħbija ta’ natura psikosoċjali li jistgħu jkunu l-kawża ta’ tqala mhux mixtieqa jew mhux ippjanata.

L-introduzzjoni tal-pillola kontraċettiva t’emerġenza [Morning After Pill] għandha tkun parti minn strateġija fit-tul li jkollha fil-mira tagħha riforma mill-qiegħ tal-politika dwar is-saħħa sesswali tal-poplu Malti: kampanja li trid tibda minn edukazzjoni sesswali posittiva bbażata fuq ir-rispett reċiproku bejn il-mara u r-raġel.

Huwa ħażin, kif anke emfasizzaw Claire u Anna fl-istqarrija tal-bieraħ ta’ Alternattiva Demokratika, li ħafna drabi kwistjonijiet ta’ kontraċezzjoni u saħħa sesswali feminili jiġu mpenġija f’dawl negattiv. Għax din l-attitudni negattiva tista’ twaqqaf lin-nisa, b’mod partkolari lil dawk ta’ età żgħira, milli jfittxu l-għajnuna li jkollhom bżonn.

Hemm bżonn li nxammru l-kmiem biex nokkupaw l-ispazju li presentement huwa okkupat minn xi fundamentalisti li ħlief ħsara m’għamlux. Pajjiżna jixraqlu aħjar.