Simon jitgħaxxaq b’Toni Bezzina u l-politika onesta

Toni Bezzina + politika onesta

 

Qiegħed attent biex ħadd ma jaqbeż il-linja. Biex iżomm id-dixxiplina u jassigura ruħu li min jiżbalja jieħu dak li ħaqqu. Immedjatament. L-anqas minuta ma jdum! “Barra! Barra!” Kien qalilna.

Hekk kif ir-raġel ta’ Giovanna Debono ittella’ l-Qorti akkużat b’diversi abbużi dwar użu ta’ fondi pubbliċi żamm kelmtu w issospenda lil Giovanna immedjatament.

Għamel l–istess meta is-Sindku ta’ Victoria f’Għawdex Samwel Azzopardi wara li kien involut f’inċident tat-traffiku u irrifjuta li joqgħod għall-breathalyser. Kien sospiż (jew issospenda ruħu) dakinnhar. Imma issa li nstab ħati tneħħiet is-sospensjoni. Din serjetà?

Mela l-mannara għal Giovanna biss?

Hi iktar tal-biki l-qagħda ta’ Toni Bezzina li dwaru hemm l-allegazzjoni serja li uża riżorsi tal-Gvern biex waqt il-ħin tax-xogħol sar xogħol ta’ tibjid fil-Każin Nazzjonalista taż-Żurrieq fl-2012. Bezzina fetaħ żewġ kawżi tal-libell “biex inaddaf ismu” imma dawn il-kawżi tilifhom it-tnejn. Mela ovvjament ismu ma naddfux. U qiesu ma ġara xejn !

Imma bilħaqq issa Toni Bezzina ser jappella. B’hekk itawwal ftit taż-żmien.

Wieħed kellu raġel. Dr Joseph Cassar il-pjikjatra. Meta irrealizza li żbalja, dabbar rasu. Refa fuq spallejh ir-responsabbiltà ta’ egħmilu.

L-aqwa li Simon Busuttil jitgħaxxaq b’Toni Bezzina u l-politika onesta.

Il-Kaz ta’ Alfred Mifsud : spjegazzjonijiet (pubbliċi) meħtieġa malajr

alfred-mifsud

 

Mhux Simon Busuttil biss huwa imnixef b’dak li qed jintqal fil-konfront ta’ Alfred Mifsud li hu nominat biex ikun il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali minn l-1 ta’ Lulju 2016.

F’kummenti ippubblikati band’oħra Alfred Mifsud qal li l-allegazzjonijiet (li dwarhom qal li ppreżenta libel) huma frott strateġija ta’ tpattija u joriġinaw minn sħubija (presumibilment fin-negozju) li ħalliet effett ta’ qrusa. Hu jiddeskrivi il-kwistjoni b’dan il-mod : “revenge trash from a bitter ex partner”.

L-akkużi huma ta’ serjetà kbira għax jallegaw korruzzjoni fuq skala mhux żgħira.

Hemm ħafna spjegazzjonijiet li huma meħtieġa malajr. Minn Alfred Mifsud, minn min qed jagħmel l-allegazzjonijiet kif ukoll mingħand il-Pulizija li jingħad li ilhom jafu dwar il-każ mill-2006 u s’issa meta diġa għaddew 10 snin jidher li ma ħassew il-ħtieġa li jagħmlu xejn.