Gasan irid iktar

traffic congestion

 

Joe Gasan għandu negozju tal-karozzi, apparti jiġifieri l-iżvilupp ta’ Townsquare f’Tas-Sliema u l-business venture tal-power station tal-gass…………..

It-Times illum tirrapporta li skond Joe Gasan it-taxxa ta’ registrazzjoni tal-karozzi hi għolja wisq, l-għola fl-Ewropa jgħid. Minħabba f’din it-taxxa mhux qed ibiegħ karozzi kemm jixtieq. Għax irid ibiegħ iżjed, s’intendi biex jagħmel iktar business.

It-Times tirrapporta lil Joe Gasan jgħid li t-taxxa tar-reġistrazzjoni tal-karozzi għandha tonqos. B’hekk il-karozzi jkunu jiswew inqas u jkun jista’ jbiegħ iżjed. Ovvjament mhux hu biss ………….. għax hemm l-oħrajn ukoll. Fosthom dawk li ġieli jbagħbsu l-emissjonijiet tal-karozzi.

Pajjiżna ma jiflaħx iżjed karozzi fit-toroq. Diġa għandna wisq. Meta tqabblu ma pajjiżi oħra għandna ħafna. F’artiklu li kont ktibt xi sena ilu kont spjegajt kif fit-toroq tagħna għandna madwar 122,000 karozza żejda.

Dawn il-karozzi żejda m’humiex ser jonqsu mil-lum għal għada. Pero żgur li mhux ser jonqsu billi nibnu l-flyovers u billi niftħu iktar toroq. Jonqsu biss jekk pajjiżna jirnexxielu jkollu trasport pubbliku effiċjenti – li s’issa għad m’għandux, avolja sar titjib.

It-trasport pubbliku effiċjenti huwa l-unika soluzzjoni għat-traffiku ma jispiċċa qatt. Għax bi trasport pubbliku effiċjenti n-nies waħedha tirrealizza li m’għandhiex bżonn il-karozzi ………… la dawk ta’ Gasan u l-anqas oħrajn.

Imma sadanittant, sakemm naslu biex ikollna trasport pubbliku effiċjenti Gasan u sħabu jibqgħu jeqirdu.

Int tibża’ mill-Kasco?

Keith & Joseph

Int tibża mill-Kasco? Għax il-Partit Nazzjonalista qal li ma jibżax. Tant li għada ser jibgħat Kastilja ċekk ta’ €121,000 wara li l-Kasco bagħat ittra uffiċjali biex jiġbor id-dejn mingħand il-PN.

Hekk tajjeb, bla biża!

Il-PN ma jibżax mill-Kasco. Imma l-anqas il-Kasco ma jibża’ mill-PN.

Imma donnu x’imkien ieħor hemm min qed jibża’ sewwa. Is-Sunday Times tal-lum fil-fatt tirrapporta li hemm battalja għaddejja dwar jekk il-Kap tat-Tax Compliance Unit hux ser jibqa’ fil-ħatra. Jidher li hemm min irid ineħħieh bl-iskuża li l-kuntratt ta’ tlett snin għalaqlu. Il-Professur Edward Scicluna, Ministru tal-Finanzi, qed jirreżisti. Imma tas-Sunday Times jgħidu li minn Kastilja ma jridux jafu!

Ghax la l-Kasco ma jibżax, min qed jibża’?

 

Il-parabboli ta’ Varist

Evarist-Bartolo.irrabjat

It-tradizzjoni politika Ewropeja, li f’kull partit politiku jkun hemm mhux biss min jaħseb b’moħħu imma, iktar minn hekk li jkun hemm min jitkellem ċar fil-pubbliku, għad ma rabbietx l-egħruq fil-fond f’pajjiżna. Kieku dan seħħ, il-ħajja politika f’Malta forsi hi ftit aħjar.

Minflok politiċi li jitkellmu ċar, għandna l-parabboli ta’ Varist li waqt li l-opinjoni pubblika qed tiffoka fuq il-Panama jippreferi jikkritika l-imġieba tal-Professur Bannister inkella  li jitkellem dwar xi stedina għal fenkata f’razzett fin-nofsinnhar tal-pajjiż. Messaġġ għal min irid jifhmu, imma ferm il-bogħod minn dak mistenni minnu.

Jiena nitkellem ma membri parlamentari miż-żewġ naħat tal-kamra. Wieħed minnhom, min-naħa tal-Gvern, riċentement qalli li Marlene Farrugia għaġġlet meta rriżenjat għax kieku stenniet ftit kienet issib appoġġ mhux żgħir mill-backbench.

Iva, wara l-istorja faċli tgħid x’seta ġara, kieku …………… nitkellmu ċar u mhux bil-parabboli.

 

Imma dan ma ġarax b’kumbinazzjoni għax tajjeb li niftakru li Joseph Muscat ħaseb minn kmieni biex jassigura ruħu li jkun jista’ joħnoq id-dissens fil-grupp parlamentari biex jipprova jevita dak li ġralu Lawrence Gonzi.

Id-daqs kbir tal-Kabinett (l-ikbar fl-istorja) kif ukoll l-inkarigi lil prattikament il-backbench kollu (min Chairman hawn u min konsulent hemm) huma fost il-miżuri intenzjonati minn kmieni biex id-dissens ikun regolat. Pero minkejja dan, il-grupp parlamentari laburista xorta kellu diskussjoni imqanqla dwar il-Panama Papers. Kien hemm min, bil-bibien magħluqin ħass li seta jkun kritiku ta’ kif saru l-affarijiet u diversi talbu r-riżenji ta’ Konrad u Keith. Il-kuraġġ tal-ftit instema imma ma kienx biżżejjed. Kellhom il-kuraġġ imma illimitaw ruħhom għall-kritika interna, li hi neċessarja ukoll.

S’issa d-dissens fil-Partit Laburista hu limitat għall-kritika interna u għall-parabboli ta’ Varist. Żewġ passi l-quddiem imma mhux biżżejjed biex tinkiseb lura l-kredibilità.

 

Parlament li jġiegħlek tirremetti

vomit

Smajt partijiet mid-dibattitu Parlamentari tal-lum dwar Keith Schembri l-Kasco. Nistqarr li qlajt l-istonku nisma’ lil Simon Busuttil u lil Joseph Muscat jitkellmu. Jekk ngħid li rriduċew lil Parlament għat-tejatrin tar-raħal inkun qed ninsulenta lit-tejatrin tar-raħal!

Bil-lingwaġġ li kontinwament juża’ Simon Busuttil (u oħrajn) iwassal mesaġġ li qed jitkellem dwar korruzzjoni ppruvata meta jaf li dan hu ferm il-bogħod mir-realtà. Ir-realtà hi ftit differenti: li hemm attività ta’ diversi persuni li qed jagħmlu użu mis-segretezza tal-qasam finanzjarju f’pajjiżi oħra (Panama u British Virgin Islands, per eżempju). Li dawn is-servizzi jintużaw minn persuni fil-politika (Konrad Mizzi) u minn persuni madwar il-politiċi (bħal Keith Schembri) jqanqal suspetti gravi dwar korruzzjoni. Suspetti jibqgħu suspetti. Imma l-politiku serju jaġixxi minnufih fuq suspetti ta’ din il-gravità. Il-fatt li Joseph Muscat ma aġixxiex turi li bla l-iċken dubju m’huwiex bniedem serju u ma jixraqlux li jmexxi dan il-pajjiż.

Dan hu l-argument kollu li jiġġustifika l-mozzjoni ta’ Marlene Farrugia.

Il-bqija, fl-opinjoni tiegħi kien kollu ħela ta’ ħin.

Imma sfortunatament il-Parlament Malti mhuwiex interessat f’diskussjoni serja. La l-Gvern u l-anqas l-Opposizzjoni.

Anġlu Farrugia qed iħawwad

artiklu 3 Standards in Public Life

Il-Parlament il-lejla ddiskuta d-deċiżjoni li ħa l-Ispeaker Anġlu Farrugia li ma aċċettax bħala valida l-mozzjoni ta’ Marlene Farrugia għax din fittxet li tiċċensura lil Keith Schembri l-Kasco, ċ-Chief of Staff fl-uffiċċju tal-Prim Ministru.

Presentment hemm pendenti fuq l-aġenda tal-Parlament, abbożż ta’ liġi imsejjaħ Att tal-2014 dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika.

Dan l-abbozz ta’ liġi hu riżultat ta’ diskussjoni dwar l-etika fil-ħajja pubblika li saret f’kumitat magħżul tal-Kamra li fih ħa sehem ukoll l-Ispeaker Anġlu Farrugia. Punt interessanti li joħroġ minn dan l-abbozz hu li skond l-artiklu 3 tal-abbozz l-persuni “in a position of trust” huma ukoll soġġetti għal skrutinju tal-Parlament.

Anġlu Farrugia kien qabel ma dan. Allura issa għaliex bidel il-ħsieb?

Dan x‘taħwid hu Anġ?

Lino Farrugia (jibda) jibla kliemu lura

turtle doves just shot

 

Lino Farrugia tal-FKNK lest li jaċċetta moratorium volontarju fuq il-kaċċa tal-gamiem. Qed jirrealizza li, minkejja l-opposizzjoni tiegħu u ta’ dawk li appoġġawh (fosthom il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista) tmiem il-kaċċa fir-rebbiegħa xorta qiegħed fil-qrib. Għalissa għall-gamiem.

Issa b’elf skuża Lino beda t-triq biex jibla kliemu lura. Għax issa anke l-FKNK qed taċċetta li l-gamiem hu fi stat vulnerabbli. Ma kienx jaċċetta dan sa ftit taż-żmien ilu.

Alternattiva Demokratika hi kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa fil-prinċipju għax ir-rebbiegħa hu ż-żmien li l-għasafar kollha jbejtu u jitkattru.

Id-deċiżjoni tal-IUCN li tpoġġi lill-gamiem fuq ir-Red List tal-ispeċi li huma taħt theddida ilha ġejja u ilna nafu biha żmien twil.

Tajjeb li issa anke l-FKNK (minkejja li qed tipprova titfa’ d-dubji) qed tirrealizza li hemm bżonn waqfien tal-kaċċa fir-rebbiegħa fuq il-gamiem.

Daqsxejn tard. Imma qed naslu ukoll. Għax Lino Farrugia qed jibla lura kliemu. Kull waħda li qal.

 

Il-Kasco għandu bżonn mera

 

fil-mera

Fuq is-sit elettroniku tal-One News, Keith Schembri, l-Kasco, hu kkwotat jgħid li l-“Partit Nazzjonalista qabeż kull limitu ta’ diċenza”. Dan qalu wara li aktar kmieni f’konferenza tal-aħbarijiet il-PN għadu jaħleb dak żvelat fil-Panama Papers.

Issa għandu jingħad li minn dak kollu ppubblikat s’issa hemm ħafna informazzjoni suspettuża li titfa’ dellijiet kbar fuq diversi persuni li ħadmu u għadhom qed jaħdmu f’segretezza kbira. In-nuqqas ta’ pubbliċità ta’ kuntratti, l-laqgħat barra l-pajjiż bla membri taċ-ċivil preżenti komplew jitfgħu iktar dell ta’ suspett in partikolari (imma mhux biss) fuq kuntratti konnessi mal-enerġija.

Imma issa jiġi l-Kasco jitkellem dwar id-diċenza.

Filwaqt li ma għandi l-ebda dubju li l-PN m’għandux skrupli f’dak li jgħid u jagħmel biex jakkwista anke l-inqas farka ta’ vantaġġ politiku, l-iżjed bniedem indiċenti fil-mument hu l-istess Keith Schembri l-Kasco. Kieku irriżenja forsi kien ikun jista’ jitkellem dwar id-diċenza!

Qabel ma jitkellem dwar id-diċenza jagħmel tajjeb il-Kasco kieku iħares ftit fil-mera.

€20 miljun dejn tal-Partit Nazzjonalista: mhux affarik?

ann fenech

 

Fuq il-programm ta’ diskussjoni Reporter li jmexxi Salvu Balzan fuq TVM , Ann Fenech, meta mistoqsija minn Ian Borg dwar jekk hux veru illi l-Partit Nazzjonalista għandu €20 miljun dejn b’mod arroganti wieġbet: mhux affarik.

Ann Fenech hi żbaljata. Din l-informazzjoni hi affari ta’ kulħadd. Partit Politiku f’Malta li għandu €20 miljun dejn għandu problemi kbar, anke jekk għandu assi x’jagħmel tajjeb għal dan id-dejn. Hi informazzjoni li f’soċjetà demokratika hu neċessarju li tkun magħrufa .

Is-soċjetà għandha dritt li tkun taf xi pressjonijiet hemm fuq l-amministrazzjoni tal-partiti politiċi. Dejn ta’ dak il-kobor joħloq pressjoni kbira kemm fuq l-imġieba kif ukoll fuq id-deċizjonijiet ta’ dawk li huma responsabbli għalih.

Hi responsabbiltà etika tal-partiti politiċi li ma jaħbux din l-informazzjoni. Idealment kellu jkun il-partit nazzjonalista innifsu li jagħti din l-informazzjoni. Ir-rifjut li Ann Fenech twieġeb mistoqsija leġittima ta’ avversarju politiku hi attitudni arroganti.

Hu għalhekk li ġustament il-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi titfa l-obbligu fuq kull partit politiku reġistrat li jippreżenta l-kontijiet verifikati tiegħu kull sena. Dawn il-kontijiet verifikati ser ikunu pubbliċi.

Hi ħasra kbira li Ann Fenech, President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista qed tieħdu din l-attitudi arroganti.

 

Il-mozzjoni ta’ Marlene fuq Keith il-Kasco

marlene-farrugia

Il-mozzjoni ta’ Marlene Farrugia li pprezentat il-bieraħ fil-Parlament dwar Keith Schembri l-Kasco tindirizza n-nuqqas ta’ Joseph Muscat li  għal dawn l-aħħar għaxar ġimgħat (ta’ l-inqas), injora l-imġieba ta’ dawk ta’ madwaru.

Għax anke kieku ma issemmewx l-allegazzjonijiet dwar dak li qed jingħad li ġara bejn Keith Schembri u Adrian Hillman tat-Times, ix-xibka ta’ kumpaniji fil-Panama, l-British Virgin Islands, Ċipru u Ġibiltar minnha innifisha toħloq ħafna suspetti ta’ konflitti [eżistenti u forsi anke immaġinarji] bejn Keith Schembri l-bniedem tan-negozju u Keith Schembri ċ–Ċhief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’ Kastilja.

L-emails li ħarġu mal-Panama Papers jispjegaw ħafna. Imma dan mhux biżżejjed.

Għax avolja Keith Schembri rriżenja minn Direttur tal-kumpaniji tiegħu f’Marzu 2013, hu inevitabbli li l-fatt li hu l-azzjonist maġġoritarju f’dawn l-istess kumpaniji minn innifsu jagħtiħ influwenza kontinwa dwar kif isiru l-affarijiet fl-istess kumpaniji. Dan minkejja li ddistakka ruħu mit-tmexxija ta’ kuljum tagħhom. Tant dan hu hekk li l-Panama Papers jirreferu għal ideat dwar negozju addizzjonali [riċiklaġġ tal-iskart fl-Indja kif ukoll r-remote gaming].

L-iktar ħaġa onorevoli li seta jagħmel Keith Schembri kien li jitlaq bil-kwiet għaxar ġimgħat ilu.

Kieku għamel dan kien jevita li jinbarazza lil sieħbu Joseph Muscat. Kien jevita ukoll ħsara kbira lill-Partit Laburista.

Il-fatt li ddeċieda li jibqa’ hemm ifisser ħaġa waħda biss: li jew m’huwiex jirrealizza l-ħsara kbira li għamel (u għadu qed jagħmel) inkella li jiġi jaqa’ u jqum mill-konsegwenzi. Probabbilment li jiġi jaqa’ u jqum.

Il-mozzjoni ta’ Marlene, għal raġunijiet ta’ aritmetika sempliċi, mhux ser tkun approvata. Peró dan ma jfissirx li Joseph Muscat u l-Kabinett għandhom jibqgħu b’għajnejhom magħluqin. Hu fl-interess tal-pajjiż kollu li jiftħu għajnejhom beraħ u li jnaqqsu l-ħsara li saret u li għad tista’ ssir lill-pajjiż. Huma biss jistgħu jagħmlu dan.

Għalhekk hu importanti li Marlene ressqet il-mozzjoni. Il-ferita jeħtieġ li tidher sewwa ħalli kulħadd ikun jaf biha u ħadd ma jkollu skużi li ma kienx jaf.

L-istipendji la tmisshomx

university_of_malta

Id-dekan tal-fakultà tal-Inġinerija fl-Università ta’ Malta huwa rappurtat mit-Times online (fl-2013) li qed jgħid illi l-istipendji għamlu żmienhom. Jidhirlu li l-flus li illum nonfqu fl-istipendji huma meħtieġa għar-riċerka u għall-laboratorji.

Il-ġlieda għall-istipendji għamilniha snin ilu u ħadd ma għandu d-dritt li jipprova jdawwar l-arloġġ lura. L-istipendji huma neċessità u servew tul dawn l-aħħar tletin sena biex wasslu lejn l-edukazzjoni terzjarja ħafna iktar żgħażagħ illi mingħajr l-istipendji kienu jintilfu u ma jitħarrġux. Bis-saħħa tal-istipendji mxejna l-quddiem, imma mhux biżżejjed. Hemm min, sforz iċ-ċirkustanzi tal-ħajja li jiffaċċja huwa u familtu għandu ħtieġijiet li l-istipendju ma jistax jissodisfa.

L-istipendji għaldaqstant jeħtieġu li jiżdiedu u mhux li jonqsu.

Dan ma jfissirx li ma hemmx ħtieġa ta’ iktar fondi għar-riċerka. Anke dan hu neċessità.

Ikun tajjeb għad-dekan tal-fakultà tal-Inġinerija li jħares il-quddiem u mhux lura.