IVA jew LE għall-iżvilupp?

The Towers Sliema

X’irridu?

Bini fil-għoli, iva jew le?

Bini fl-ODZ, ċertament li le.

Żvilupp mill-ġdid ta’ żoni dilapidati: hemm resistenza qawwja għar-riġenerazzjoni urbana.

Bini fuq il-baħar (land reclamation), ċertament li le.

X’irridu eżattament?

Ħaga li jeħtieġ li tinftiehem sewwa hi li l–art f’Malta hi limitata u allura kull binja żejda tagħmel il-ħsara bla bżonn. Ikun tajjeb kienu naqblu li ż-żoni żviluppati, jew li jistgħu jiġu żviluppati, huma diġa kbar wisq u li jeħtieġ li jibdew jonqsu mhux jiżdiedu.

L-unika ħaġa ċerta hi li hawn ftit iktar minn 70,000 post residenzjali vojt, inkluż dawk użati għall-villeġġatura, li b’mod ġenerali jagħmlu disa’ xhur tas-sena vojta. Din waħedha hi raġuni biżżejjed għal moratorium dwar proġetti kbar residenzjali. Tista’ min-naħa l-oħra tkun ukoll inċentiv għal proġetti ta’ riġenerazzjoni urbana li permezz tagħhom jinħolqu spazji miftuħa sostanzjali f’żoni residenzjali. Spazji li huma tant meħtieġa biex iż-żoni urbani tagħna li huma mitluqin jingħataw il-ħajja.

Il-bini għoli jista’ jkun aċċettabbli (jew le) skond il-kuntest li fih ikun propost. Importanti li jingħataw piz lill-impatti akkumulati fuq il-komunitajiet tagħna. Għax li jsir żvilupp ta’ bini għoli mingħajr ma jagħti każ bis-serjetà tar-residenti, bħad-diversi torrijiet li qed jinbtu qieshom simboli falliċi mxerrda mal-pajjiż, huwa ta’ ħsara kbira.