David iħobb lil “Mary Jane”

mary_jane

David Camilleri, li fl-aħħar elezzjoni ġenerali kien kandidat ta’ Alternattiva Demokratika fuq Għawdex u iktar tard kandidat għall-Kunsill Lokali tal-Qala, f’post fuq facebook akkumpanjat b’ritratt tiegħu b’dik li tidher tixbah pjanta tal-kannabis, jilmenta li ħaduhielu. Ilmenta li qed iħoss sewwa n-nuqqas tagħha għax qal li kienet tfejqu mill-uġiegħ ta’ ras. Jirreferi għaliha bħal “Mary Jane”.

Is-sit elettroniku tal-gazzetta Illum, is-sit elettroniku tal-aħbarijiet iNews kif ukoll l-Orizzont ippubblikaw din l-aħbar bir-ritratt b’kollox. INews u L-Orizzont ippubblikaw ukoll kumment ta’ Arnold Cassola Chairman ta’ Alternattiva Demokratika. Il-kummenti tal-Illum huma sarkastiċi fil-konfront ta’ David Camilleri, jibbottjaw li forsi għandu skorfina nieqsa jew ftit maħlula.

Kif emfasizza tajjeb Arnold Cassola, Chairman ta’ Alternattiva Demokratika, billi l-każ jirrigwarda pjanta waħda tal-kannabis, AD ma għandha l-ebda diffikulta dwar dan, u dan minħabba li ilha żmien li ddikjarat ruħha favur id-dikriminalizzazzjoni tal-pussess ta’ droga għall-użu personali. AD ilha ukoll li iddikjarat ruħha favur l-użu mediċinali tal-kannabis. Għax il-kannabis hi droga bħalma hu droga t-tabakk. Bid-differenza li t-tabakk hu legali u fuqu tħallas it-taxxa tas-sisa.

Sfortunatament il-Gvern lablab wisq u għalkemm għamel passi l-quddiem, mexa ftit wisq fuq din l-issue.

Konformi ma dak li temmen, lil David Camilleri Alternattiva Demokratika mhux ser tikkundannah. Ngħid biss li meta jaf l-attitudnijiet konservattivi madwaru x’saħħa għandhom, David Camilleri qatt ma messu ta’ pubbliċità żejda lil din il-materja. Kien ikun ħafna aħjar li ħalla kollox kwiet, fil-privat, bejnu u “Mary Jane”. Kieku forsi min jaf, għadu bi kwietu.

Kienet baħnanata da parti ta’ David li ppubblika r-ritratt u l-kummenti fuq facebook.

6 comments on “David iħobb lil “Mary Jane”

  1. “Għax il-kannabis hi droga bħalma hu droga t-tabakk. Bid-differenza li t-tabakk hu legali u fuqu tħallas it-taxxa tas-sisa.” Din biss hija d-differenza bejn il-kannabis u t-tabakk? Nofs veritajiet huma hziena daqs gideb!! Mhux David biss zbalja izda jizbaljaw ukoll dawk ukoll li jiddefendu argument minghajr ma jesprimu ukoll effetti hziena. kellna ezempju recenti hafna bl-EU!

  2. Il-fatt li sa issa din il-pjanta hi llegali dan kien żball. It-tabakk ma nikkunsidrahx fl-istess ilma tal- alkohol u l-kannabis, għax dan qatt ma hu ha jaffetwalek il-ġudizzju tiegħek waqt li qed ssuq. Jekk din xi darba ssir legali irid ikun hemm ħafna iktar kontroll fuq xufiera tal-karozzi biex tassugura li ħadd ma jkun qed isuq taħt l-effett tal-kannabis.

Leave a comment