David iħobb lil “Mary Jane”

mary_jane

David Camilleri, li fl-aħħar elezzjoni ġenerali kien kandidat ta’ Alternattiva Demokratika fuq Għawdex u iktar tard kandidat għall-Kunsill Lokali tal-Qala, f’post fuq facebook akkumpanjat b’ritratt tiegħu b’dik li tidher tixbah pjanta tal-kannabis, jilmenta li ħaduhielu. Ilmenta li qed iħoss sewwa n-nuqqas tagħha għax qal li kienet tfejqu mill-uġiegħ ta’ ras. Jirreferi għaliha bħal “Mary Jane”.

Is-sit elettroniku tal-gazzetta Illum, is-sit elettroniku tal-aħbarijiet iNews kif ukoll l-Orizzont ippubblikaw din l-aħbar bir-ritratt b’kollox. INews u L-Orizzont ippubblikaw ukoll kumment ta’ Arnold Cassola Chairman ta’ Alternattiva Demokratika. Il-kummenti tal-Illum huma sarkastiċi fil-konfront ta’ David Camilleri, jibbottjaw li forsi għandu skorfina nieqsa jew ftit maħlula.

Kif emfasizza tajjeb Arnold Cassola, Chairman ta’ Alternattiva Demokratika, billi l-każ jirrigwarda pjanta waħda tal-kannabis, AD ma għandha l-ebda diffikulta dwar dan, u dan minħabba li ilha żmien li ddikjarat ruħha favur id-dikriminalizzazzjoni tal-pussess ta’ droga għall-użu personali. AD ilha ukoll li iddikjarat ruħha favur l-użu mediċinali tal-kannabis. Għax il-kannabis hi droga bħalma hu droga t-tabakk. Bid-differenza li t-tabakk hu legali u fuqu tħallas it-taxxa tas-sisa.

Sfortunatament il-Gvern lablab wisq u għalkemm għamel passi l-quddiem, mexa ftit wisq fuq din l-issue.

Konformi ma dak li temmen, lil David Camilleri Alternattiva Demokratika mhux ser tikkundannah. Ngħid biss li meta jaf l-attitudnijiet konservattivi madwaru x’saħħa għandhom, David Camilleri qatt ma messu ta’ pubbliċità żejda lil din il-materja. Kien ikun ħafna aħjar li ħalla kollox kwiet, fil-privat, bejnu u “Mary Jane”. Kieku forsi min jaf, għadu bi kwietu.

Kienet baħnanata da parti ta’ David li ppubblika r-ritratt u l-kummenti fuq facebook.

7 kandidati ta’ Alternattiva għall-Kunsilli Lokali

AD Local Council candidates 2015

Alternattiva Demokratika nhar is-Sibt li ġej ser tippreżenta

7 kandidati għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali.

Ħ’Attard : Ralph Cassar

Ħaż-Żebbuġ : Monique Agius

San Ġiljan : Julio Caruana

Ħal-Qormi : Henrik Piski

San Pawl il-Baħar : Simon Galea

In-Nadur : Toni Falzon

Il-Qala : David Camilleri

Il-Manifest : SOĊJETÀ EKOLOĠIJA KONTABILITÀ

 

SOĊJETÀ – Il-Kunsilliera ta’ Alternattiva Demokratika jaħdmu favur aktar investiment fil-libreriji pubbliċi u koperazzjoni mal-iskejjel u l-għaqdiet tal-lokalità biex iħeġġu l-qari. Jaħdmu biex jipproteġu l-ispazji miftuħa, biex fit-toroq residenzjali n-nies jieħdu prijorità u jiżdiedu l-aċċessibilità u s-sigurtà fit-toroq. Jaħdmu biex jippromwovu spazji fit-toroq u faċilitajiet għal min jimxi, juża r-rota, anzjani, persui b’diżabilità u ġenituri bi tfal żgħar. Jaħdmu biex ikollna toroq li jaqdu lin-nies. Jaħdmu biex jiżdied is-sens ta’ komunità u flimkien mal-għaqdiet tal-lokal jiġu organizzati attivitajiet kulturali, edukattivi u sportivi. Il-kunsilliera ta’ AD jaħdmu biex isiru tabelli jew pubblikazzjonijiet b’informazzjoni dwar postijiet storiċi fil-lokalità u jippromwovu r-restawr u l-użu mill-ġdid tagħhom. Il-prinċipju li jiggwida lill-kunsilliera ta’ AD huwa l-ġid komuni tas-soċjetà u l-bini ta’ sens ta’ komunità.

 

EKOLOĠIJA – Is-saħħa u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti tiddependi mill-ambjent urban, għaldaqstant il-kunsilliera ta’ AD jaħdmu biex jitħawwlu aktar siġar indiġeni fit-toroq, art pubblika, u ġonna u fejn possibbli jsiru msaġar ġodda. Fejn possibbli jaħdmu biex jiżdiedu ż-żoni riżervati għan-nies permezz tal-pedestrijanizazzjoni, biex b’hekk ikollna arja aktar nadifa. Huwa fatt magħruf li s-siġar f’żoni urbani jgħinu biex tissaffa l-arja, jitnaqqas l-istorbju tat-traffiku u jnaqqsu l-effetti tas-sħana fis-sajf. Jiżdiedu l-bicycle racks madwar il-lokalità. Il-kunsilliera ta’ AD jaħdmu biex jiżdied ir-riċiklaġġ permezz ta’ kampanji ta’ informazzjoni u insistenza fuq l-infurzar. Jaħdmu biex jinġabar materjal ieħor regolarment għall-użu mill-ġdid jew għar-riċiklaġġ, pereżempju l-ħwejjeġ. Jaħdmu fuq il-kunċett tal-‘freecycling’. Jaħdmu biex fil-mixja lejn il-mira nazzjonali ta’ skart-zero fl-2050, isir pjan lokali dwar it-tnaqqis tal-iskart. Jaħdmu biex faċilitajiet u binjiet tal-Kunsill Lokali jużaw enerġija nadifa u mezzi ta’ konservazzjoni tal-ilma. Il-kunsilliera ta’ AD jagħmlu pressjoni biex ma jkomplix l-isfreġju tal-bliet u l-irħula tagħna u l-ftit kampanja li baqa’ u huma kontra kull estensjoni fiż-żoni tal-iżvilupp. Il-prinċipju li jiggwida l-kunsilliera ta’ AD huwa li ambjent nadif ifisser kwalità ta’ ħajja aħjar u saħħa aħjar.

 

KONTABILITÀ – Il-kunsilliera ta’ AD jimpenjaw ruħhom li jkunu ċari u tondi mar-residenti u jgħidu l-affarijiet kif inhuma. Jinsistu fuq responsabbiltà finanzjarja, jigifieri li l-Kunsill Lokali ma jidħolx għal xogħol jew proġetti li mhux sostenibbli finanzjarjament, bħal per eżempju l-public-private partnership dwar it-toroq li spċċa biex falla numru ta’ kunsilli. Il-kunsilliera ta’ AD iżommu kuntatt mar-residenti permezz tal-media soċjali, kuntatt personali u jaħdmu biex iżommu lir-residenti infurmati b’dak li qiegħed jiġri fil-lokalità. Il-prinċipju li jiggwida lill-kunsilliera ta’ AD huwa li t-trasparenza u s-serjetà fil-finanzi isaħħu d-demokrazija.

Meta taqbeż iċ-ċinga

spring huntng

Qrajt l-istqarrija oriġinali li l-uffiċjali tal-FKNK qraw waqt il-konferenza stampa li kellhom il-bieraħ. Hemm differenza sostanzjali bejn dak li qalu huma u dak li irrappurtaw il-media.

Il-media kienet prudenti  u ħalliet barra l-attakki vojta u bla sens li l-FKNK għamlet kontra l-Birdlife, il-Fondazzjoni Gaia, Arnold Cassola Chairman ta’ Alternattiva Demokratika u David Camilleri Tal-Bediq kandidat Għawdxi ta’ Alternattiva Demorkatika.

Lill-uffiċjali tal-FKNK  Lino Farrugia u Joe Perici Calascione m’għandi xejn xi ngħid kontra tagħhom personalment. Ilni snin twal nafhom it-tnejn li huma. Il-kritika tiegħi hi kontra l-idejat li qed imexxu l-quddiem. Għandhom kull dritt imexxu l-quddiem l-ideat u l-ideali tal-membri tal-FKNK.  Naf li m’għandhomx bżonn lili biex jgħidilhom dan. Huwa dritt li jiena nirrispetta anke jekk diversi drabi, fil-fehma tiegħi, jesaġeraw kemm f’dak li jgħidu kif ukoll fil-mod kif jgħiduħ.

L-FKNK allura, issa bdiet ħidma fuq l-inizzjattiva tagħha. Triq li l-liġi dwar ir-referendum tkun emendata b’mod li jkunu rispettati dak li huma qed isejħu d-drittijiet tal-minoranzi.  Issa l-liġi dwar ir-referendum diġa tipproteġi dawn id-drittijiet. Fil-fatt id-drittijiet bażiċi tal-bniedem fil-Kostituzzjoni kif ukoll fil-Liġi dwar il-Konvenzjoni Ewropeja dwar id-Drittijiet tal-Bniedem ma jistgħu jintmissu minn l-ebda referendum.  Dwar il-minoranzi, kontra dak li qed jgħidu tal-FKNK, jeżistu konvenzjonijiet u trattati li jiddefinuhom. Fosthom fil-Ġnus Magħquda. Fil-qasam tal-ħarsien tad-drittijiet tal-minoranzi normalment nifhmu minoranzi reliġjużi, minoranzi kulturali jew assoċjati ma’ lingwa minoritarja kif ukoll minoranzi etniċi. Hemm ukoll obbligi li jirriżultaw minn liġijiet lokali u trattati internazzjonali li permezz tagħhom hi imħarsa d-diversita’ : dik dwar orjentazzjoni sesswali, kulur tal-ġilda jew razza.

Il-kaċċa fir-rebbiegħa ma taqa’ taħt l-ebda waħda minn dawn il-kategoriji.

Il-proposta tal-FKNK li biha qed jitolbu lill-Parlament jibdel il-Liġi tar-Referendum biex referendum kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa ma jkunx jista’ jsir jirrifletti l-egħruq fondi tal-valuri demokratiċi li jħaddnu l-istess FKNK.  Jidher ċar li qabżitilhom iċ-ċinga. Għax tilfu kull tama li jikkonvinċu jridu jattakkaw il-proċess demokratiku tar-referendum.