Il-media lokali u internazzjonali qed tirrapporta li l-prezz taż-żejt fis-swieqi internazzjonali nieżel.
Qed jiġi imbassar li dawn il-prezzijiet jistgħu jibqgħu magħna tlett snin oħra, sal-2018.
Fir-Renju Unit is-supermarkets Asda, Sainsbury’s u Tesco l-bieraħ il-Ġimgħa ħabbru roħs immedjat ta’ 2 pence fuq kull litru għall-petrol bla ċomb. Qed jingħad li l-prezz jista’ jibqa’ nieżel fil-ġranet u l-ġimgħat li ġejjin. Il-prezz tal-bieraħ tal-petrol bla ċomb kien ta’ £1.097 kull litru, u qed jingħad li fi żmien qasir dan jista’ jinżel sa £1 il-litru.
F’Malta sal-lum litru petrol bla ċomb qed jinbiegħ €1.35-il litru. Hemm pajjiżi fl-Unjoni Ewropeja fejn jinbiegħ għola minn hekk.
Imma hemm ukoll fl-Unjoni Ewropeja diversi pajjiżi fejn il-petrol bla ċomb hu orħos minn Malta, per eżempju l-Polonja (€1.116-il litru), l-Estonia (€1.129), l-Awstrija (€1.142), il-Latvia (€1.146), il-Litwanja (€1.17), l-Ungerija (€1.173), il-Bulgarija (€1.176), il-Lussimburgo (€1.195), ir-Repubblika Ċeka (€1.221), ir-Rumanija (€1.222), Spanja (€1.251), il-Kroatja (€1.275), Ċipru (€1.286), is-Slovenja (€1.331).
B’dawn il-prezzijiet, li probabbilment jorħsu ukoll matul il-ġranet li ġejjin, l-prezz ta’ litru petrol bla ċomb jiflaħ jorħos 10 ċenteżmi mill-inqas.