L-akkużi kontra Joe Sammut huma serji ħafna. Huma tlettax fil-għadd. Jinkludu t-twaqqif ta’ kumpaniji foloz f’Malta , il-ħasil ta’ flus, frodi, falsifikazzjoni ta’ dokumenti …………….. Dan kollu biex numru ta’ ċittadini Libjani tal-flus, ikunu jistgħu jakkwistaw permess għal residenza f’Malta u b’hekk jaħarbu minn pajjiżhom.
Hemm mijiet ta’ kumpaniji b’sidien Libjani li Joe Sammut qed jingħad li ħoloq f’Malta. In-numru jidher li hu ftit inqas minn 900.
Tħallsu eluf ta’ euro għal kull każ. B’kollox il-miljuni ta’ euro.
Biex Joe Sammut ħoloq dan kollu bla dubju kellu min jgħinu f’postijiet stateġiċi, għax, skond ma jingħad, lill-klijenti tiegħu kien jaqdihom malajr ħafna. Hekk għamel sakemm kien hemm min induna u informa lill-Pulizija li wara li investigaw bdew il-proċeduri l-Qorti.
S’issa taw ix-xhieda tagħhom tlieta mill-klijenti ta’ Joe Sammut. Tul il-ġimgħat li ġejjin naraw min iżjed kien fix-xibka.