Meta ħadd ma jkun qed jagħti każ

DNO 2015  EIA 2015

 

Meta kważi ħadd ma jkun qed jagħti każ, nhar il-Ġimgħa 14 t’Awwissu 2015, waranofsinnhar, il-Gvern ippubblika żewġ emendi għar-regolamenti li jikkonċernaw il-bini.

Jidher li l-iskop ta’ dawn l-emendi hi li żvilupp li jsir fil-konfini tal-isptarijiet ta’ Għawdex, Mater Dei, Monte Carmeli, St Luke’s u San Vinċenż, ma jkunux jirrikjedu permess sakemm dan l-iżvilupp ikollu x’jaqsam ma kura medika.

Ir-regolamenti li ġew emendati huma tnejn: dawk imsejħa DNO, jiġifieri L-Ordni dwar in-Notifikazzjoni dwar Żvilupp, u r-regolamenti tal-EIA.

L-ewwel emendi, dawk għad-DNO jistabilixxu li żvilupp li għandu x’jaqsam ma sptarijiet hu permess mingħajr ħtieġa la ta’ applikazzjoni u l-anqas ta’ notifika.

It-tieni sett ta’ emendi għar-regolamenti tal-EIA jeżenta żvilupp fl-isptarijiet li semmejt iktar il-fuq minn EIA.

 

Dawn l-emendi saru mingħajr diskussjoni u mingħajr l-ebda konsultazzjoni nhar l-14 t’Awwissu 2015 meta bosta jkunu bil-vakanzi.

Ifissru li dak li jagħmel il-Gvern fl-isptarijiet, issa, l-MEPA m’għandha l-ebda kontroll fuqu. Il-Gvern qed jagħti lilu innifsu l-awtorita li jagħmel li jrid u b’hekk qed idawwar l-arloġġ lura għal qabel l-1992 meta għall-ewwel darba l-Gvern beda hu ukoll japplika għall-permessi tal-bini.

Mela fejn jidħlu l-isptarijiet il-Gvern qed ipoġġi lilu innifsu il-fuq mil-liġi. Għalfejn? It-tweġiba għalija hi ovvja: għandu żewġ proġetti għall-isptar t’Għawdex u St Luke’s li dwarhom wasal f’xi forma ta’ ftehim ma’ żviluppaturi barranin u dak li ftiehem irid iwettqu mingħajr ma jindaħallu ħadd.

 

 

Bejn RCC u Olaf Terribile

RCC

 

Tiftakru meta l-Partit Laburista fil-Parlament ressaq mozzjoni ta’ ċensura kontra Richard Cachia Caruana? Il-mozzjoni dakinnhar kienet ġiet approvata għax Jeffrey Pullicino Orlando kien ivvota mal-Opposizzjoni u Jesmond Mugliette kien astjena.

Dakinhar fuq dan il-blog jiena kont ktibt li r-raġunijiet li kienu inġiebu mill-Opposizzjoni Laburista biex jiġi ċċensurat RCC kienu imġebbda. Għax dak li ntqal dakinnhar, kieku kien minnu, ma kienx jiġġustifika ċ-ċensura ta’ RCC imma tal-Gvern!

Li għamel il-grupp Parlamentari Laburista tlett snin ilu kien li ħa posizzjoni illi l-ħatriet fil-korp diplomatiku kellhom ikunu mgħarbla mil-Parlament. Tista’ taqbel jew ma taqbilx mat-tiġbid tal-argumenti imma naħseb li kien pass il-quddiem li f’Ġunju 2012 il-Parlament Malti iddiskuta l-ħidma tal-Ambaxxatur Richard Cachia Caruana.

F’dawn il-ġranet huwa imminenti li l-Gvern iħabbar il-ħatra ta’ ambaxxatur ġdid ta’ Malta għar-Republika tal-Poplu taċ-Ċina. Xniegħat persistenti jindikaw li ser jinħatar Olaf Terribile bħala ambaxxatur. Probabbilment li din il-ħatra tiegħu tidħol fis-seħħ fl-istess jiem meta hu mistenni li jirriżenja t-Tabib George Vella minn Ministru għall-Affarijiet Barranin minħabba raġunijiet ta’ saħħa.

Olaf Terribile għandu passat ikkulurit ħafna fis-servizz pubbliku. Kien Segretarju Privat tal-ex-President George Abela li kien neħħieh għax tilef il-fiduċja fih.

Ikun interessanti kieku l-Kumitat Parlamentari dwar l-Affarijiet Barranin jitħajjar jgħarbel il-ħatra tal-Ambaxxatur il-ġdid Olaf Terribile. Hu xieraq li jkun assigurat li Terribile għandu l-kompetenza biex jirrappreżenta lill-pajjiż li ma jmurx jirreżenja wara ftit inkella jitneħħa kif qed jingħad li ser jiġri dalwaqt lill-ambaxxatriċi preżenti ta’ Malta f’Washington.

Ikun għaqli kieku l-Parlament jibda jgħarbel dawn il-ħatriet tal-ambaxxaturi Maltin. Forsi l-ħatriet li jsiru (kemm dawk politiċi kif ukoll dawk li m’humiex) jibdew ikunu ftit iktar bis-sens.